Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni li użaw is-servizzi offruti mill-Appoġġ din is-sena u x'tip ta' għajnuna ngħatat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant, li jkopri l-ewwel sitt xhur tas-sena 2007, hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmata wkoll li t-tagħrif għat-tieni sitt xhur tas-sena għadu qed jinġabar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jwettqu att immorali fil-pubbliku din is-sena u fejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2007, kien hemm 106 persuna li nqabdu jwettqu atti immorali fil-pubbliku f'diversi lokalitajiet fosthom Valletta, Floriana, Fgura, M'Scala, Żurrieq, Sliema, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Hamrun, St Venera, Ta' Xbiex, Gżira, Msida, B'Buġia, Ħal Far u l-Marsa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nurses illum? X'tip ta' grad għandhom? Kemm hu n-numru illum u kemm hu maħsub li għandu ikun il-full complement li l-gvern għandu bżonn illum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nurses barranin jaħdmu Malta illum? Minn fejn huma? Kemm hu n-numru li applikaw biex jiġu jaħdmu Malta wara s-sejħa li saret dan l-aħħar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' Nurses ta' nazzjonalita' barranija li jaħdmu mad-Dipartiment tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' huwa ta' 29. In-nazzjonalita' ta' dawn in-Nurses huma elenkati hawn taħt:
Serbia & Montenegro 3
Philippines 3
Poland 3
Albania 2
Bosnia 2
Nigeria 4
Germany 2
United Kingdom 2
India 1
Pakistan 2
Bulgaria 1
Russia 1
Slovak Republic 1
Finland 1
Greece 1
Jista' l-Ministru jgħid meta saru l-ewwel angiograms ġo l-iSptar Mater Dei? Kemm saru dakinhar? L-ITU tal-iSptar Mater Dei kien jiffunzjona dakinhar u jekk le, meta beda jiffunzjona?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-ewwel Angiograms ġo l-isptar Mater Dei saru fil-5 ta' Novembru 2007. It-total kien ta' 4. Ma hemm l-ebda bżonn ta' ITU Coverage għal Angiograms. L-ITU beda jiffunzjona fl-14 ta' Novembru 2007.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti u speċjalisti li aċċettaw jaħdmu fulltimemal-gvern illum? Kemm hemm part time? Kemm minn dawn aċċettaw jaħdmu wara nofs inhar? F'liema qasam mediku huma speċjalisti dawk li aċċettaw jaħdmu fulltime?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-ftehim bejn il-Gvern u l-MAM jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2008. Fl-istess ftehim hemm stipulati li t-tobba għandhom żmien sat-30 ta' Ġunju 2008 sabiex jikkomunikaw id-deċiżjoni tagħhom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm itellgħu persuni l-qorti fuq tlajjar ta' prostituzzjoni din is-sena u fejn inqabdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2007, kien hemm 58 persuna li bejniethom tressqu l-Qorti 237 darba fuq akkużi ta' tlajjar għall skop ta' prostituzzjoni f'diversi lokalitajiet fosthom Ta' Xbiex, Gżira, Msida u l-Marsa.
Jista' l-Ministru jara jekk l-għadira ilma u d-drenaġġ li hemm ġol-bitha ta' Paola Flats, Emmanuele Galizia Street, ta' Xbiex tiġi rranġata mis-sid tal-bini billi din hi ta' ħsara għar-residenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li dan l-ilment ġie investigat minn uffiċjal tad-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali bejn April u Ġunju 2007 u minn kampjuni li ttieħdu ġie konfermat li l-preokkupazzjoni li hemm fil-bitħa ta' Paula Flats, Triq Emmanuel Galizia, Ta' Xbiex mhijiex drenaġġ iżda ilma nadif.
Inħareġ avviż lis-sid tal-bitħa fejn ġie ordnat sabiex jitneħħa l-ilma qiegħed li kien qed jinġema fil-bitħa u ġie konfermat li saru x-xogħolijiet meħtieġa.
Reġgħet saret spezzjoni oħra fit-18 ta' Diċembru 2007 u reġa ġie kkonfermat li hemm l-ilma qiegħed fil-bitħa tal-fond imsemmi hawn fuq. Għalhekk, reġa' inħareġ avviż ieħor lis-sid tal-bitħa sabiex jitneħħa l-inkonvenjent fi żmien ħmistax -il ġurnata. Fin-nuqqas li jitneħħa l-inkonvenjent ser tittieħed azzjoni legali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn gradwati jirreġistraw għax-xogħol illum u x'tip ta' degree għandhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 58 persuni gradwati li qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru. Informazzjoni dwar f'liema oqsma hija d-degree tagħhom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm itellgħu persuni l-qorti talli mpjegaw ħaddiema b'mod irregolari din is-sena u x'weħħlu f'kull każ? Kemm minn dawn kienu repeated offenders?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati taċ-Ċivil illum, xi gradi għandhom kull wieħed? Kemm minn dawn huma fulltime, part time jew bil-kuntratt u għal kemm?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm nefqet flus l-Armata fuq xogħol jew żamma ta' immigranti illegali din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li n-nefqa li l-Armata għamlet fuq xogħol jew żamma ta’ immigranti rregolari sat-30 ta’ Settembru ta’ din is-sena tammonta għal Lm1,592,151 VAT inkluż.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħassru operazzjonijiet din is-sena? Għaliex u x'tip kienu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Bejn Jannar u Awissu 2007 ġew imħassra jew posposti 1521 -il operazzjoni filwaqt li saru b'kollox 19,919 -il operazzjoni fl-istess perjodu.
Ir-raġunijiet kienu varji iżda l-aktar tliet raġunijiet komuni huma pazjenti li ma jiġux għall-operazzjoni u ma jinfurmawx lill-isptar; pazjenti li l-kundizzjoni ġenerali tagħhom tiħżien u ma jkunux jistgħu jingħataw anestesija; jidħlu każijiet ta' natura urġenti u allura każijiet elettivi jkollhom jitħassru.
Qed jittieħdu passi biex permezz ta' overbooking strateġiku ta' operazzjonijiet ma jinħlewx opportunitajiet li pazjenti jiġu operati.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati persuni nieqsa din is-sena u x'eta' kellhom? Kemm minn dawn instabu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena s'issa ġew irrapurtati nieqsa 244 persuna li wara instabu kollha, għajr għall-tlieta ta' nazzjonalita' barranija. L-iżgħar fost il-persuni irrapurtati nieqsa kien ta' seba' snin u l-akbar kien ta' seba' u tmenin sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pazjenti li ma zammewx l-appuntament tagħhom mad-dipartiment ta' l-out patient din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' pazjenti li ma żammewx l-appuntament tagħhom mad-Dipartiment ta' l-Out Patients fl-isptar San Luqa din is-sena sal-lum kien ta' 57,277 li jammonta għal 25.6% ta' l-appuntamenti.