Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #20072 Sitting 395 2000-10-16 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-pulizija għal kontravenzjonijiet tat-traffiku s-sena l-oħra sa l-aħħar ta' Awissu u din is-sena sa l-aħħar ta' Awissu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-31 ta` Awissu ta` l-1999 ingħataw 84,743 ċitazzjoni mill-pulizija, minħabba ksur tar-regolamenti tat-traffiku, filwaqt li matul l-istess perijodu ta` din is-sena ingħataw 65,377. Infurmat ukoll illi ċ-ċifri mogħtija għas-sena 2000, ma jinkludux ċitazzjonijiet mogħtija fil-lokalitajiet li ġew delegati lill-Kunsilli Lokali skond l-Att ta` l-1993 dwar il-Kunsilli Lokali.
Leg 9 PQ #20073 Sitting 395 2000-10-16 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Abbużi sesswali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti sena b'sena f'dawn l-aħħar ħames snin talli abbużaw sesswalment minn tfal?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej: Sena 1996 1997 1998 1999 2000* Numru ta` persuni 11 17 28 28 12 * sat-30.09.2000
Leg 9 PQ #20074 Sitting 395 2000-10-16 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kaċċaturi - Kontravenzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu kaċċaturi jiksru xi regolament tal-kaċċa din is-sena, xahar b'xahar? X'tip ta' regolamenti nkisru f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta` din is-sena, in-numru ta` persuni li nqabdu mill-Pulizija jiskru r-regolamenti tal-kaċċa kienu kif ġej : - Jannar Frar Marzu April Mejju Ġunju Lulju Awissu Settembru 8 12 26 57 23 xejn 5 16 69 Infurmat ukoll li dawn kienu bi ksur tar-Regolamenti ta` l-1993 dwar il-Ħarsien ta` l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ; Regolamenti ta` l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta` Speċi Protetti u Riżervi Naturali) u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66).
Leg 9 PQ #20076 Sitting 395 2000-10-16 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każi ta' Rape

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' rape din is-sena u kemm kellhom eta' l-persuni nvoluti? Fejn sar l-abbuż u x'raġunijiet kellhom l-abbużati jew allegatament abbużati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena, il-Pulizija kellha disa` rapporti ta` stupru. L-eta` tal-vittmi kienet tvarja bejn id-disa u t-tlieta u tletin sena. Il-lokalitajiet fejn sar reat kienu: Fgura, Għawdex, Ħaż-Żabbar, San Ġiljan, Ta` Xbiex, Għajn Tuffieħa, Paceville u Kennedy Grove.

Għajnuna Soċjali — Abbużi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jabbużaw minn xi benefiċċji soċjali din is-sena u x'passi ttieħdu kontrihom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif diġa' kelli l-okkażjoni li ngħid, aktar kmieni din is-sena fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali twaqqfet sezzjoni kontra l-frodi u l-abbuż fit-teħid ta' benefiċċji soċjali. Ninsab infurmat li s'issa ġew identifikati 'l-fuq minn 15,000 każ ta' abbuż u ttieħdet l-azzjoni neċessarja biex il-benefiċċji jiġu aġġustati jew jittwaqqfu skond il-każ. Id-Dipartiment issa ser jibda' l-proċess biex jiġi kkwanifikat l-ammont li jrid jiġi rifuż lura.
Leg 9 PQ #20078 Sitting 395 2000-10-16 Oral · Interim From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati - Sick Leave

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' sick leave meħud meta dan jiġi kkumparat man-numru ta' ġranet ta' xogħol f'kull Ministeru tal-Gvern mill-1997 sa l-1999?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Għajnuna soċjali

Question

Billi l-persuna msemmija separatament hija marida u qabżet il-massimu ta' 156 benefiċċju u din ma għandhiex mezzi biex tgħix, jista' l-Viċi Prim Ministru jara illi jinħareġ ir-relief malajr kemm jista' jkun?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna li għaliha qed jirreferi, diġa' rċeviet iċ-ċekk tal-Għajnuna Soċjali, liema ċekk jissarraf fl-14 ta' Ottubru 2000.

Djar — San Ġwann - Lifts

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsiru l-lifts ġewwa l-flats tal-gvern ġewwa l-housing estates ta' San Ġwann?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skema V - Skema ta' Installazzjoni ta' Lifts fi Blokki/Entraturi Residenzjali li huma Proprjeta' tal-Gvern kienet miftuħa għall-lokalitajiet tal-Birgu, Isla, Bormla, Kalkara, Furjana, l-Belt Valletta u għall-dawk il-blokki/entraturi fil-lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex fejn hemm persuni b'diżabilita' ta' mobilita'. L-Awtorita' tad-Djar irċeviet talba waħda mil-lokal ta' San Ġwann iżda ma jirriżultax li hemm xi persuna b'diżabilita' ta' mobilita'. Hu ttamat li l-quddiem din l-Iskema tiġi estiża għall-lokalitajiet oħra.

Djar — Gżira - Lifts

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsiru l-lifts ġewwa il-housing project tal-gvern li hemm il-Gżira meta hemm diversi persuni ta' eta' avanzata li qed isibu diffikulta' biex jitilgħu u jinżlu t-taraġ minħabba mard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-iskema V - Skema ta' Installazzjoni ta' Lifts fi Blokki/Entraturi Residenzjali li huma Proprjeta' tal-Gvern - kienet miftuħa għall-lokalitajiet tal-Birgu, Isla, Bormla, Kalkara, Furjana, l-Belt Valletta u għall-dawk il-blokki/entraturi fil-lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex fejn hemm persuni b'diżabilita' ta' mobilita'. Sal-lum l-Awtorita' tad-Djar ma jirrizultalhiex li rċeviet xi applikazzjoni mill-Housing Project tal-Gżira.

Djar — Ta' Xbiex - Lifts

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsiru l-lifts ġewwa l-housing estate ta' Ta' Xbiex meta ġo ħafna blocks hemm persuni ta' eta' avanzata u ma jistgħux jitilgħu jew jinżlu t-taraġ minħabba problemi mediċi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-lokal ta' Ta' Xbiex l-Awtorita' tad-Djar irċeviet erba' applikazzjonijiet taħt skema V - Skema ta' Installazzjoni ta' Lifts fi Blokki/Entraturi Residenzjali li huma Proprjeta' tal-Gvern. Fi tlett Blokki ser issir applikazzjoni ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar wara l-1 ta' Novembru 2000 minħabba li wara din id-data ser isir tibdil fil-policies ta' l-istess Awtorita' ta' l-Ippjanar biex il-lift jibqa' tiela' sal-livell tal-bejt. Fi blokk ieħor il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħareġ. Ser tinħareġ l-offerta għax-xogħolijiet neċessarji.
Leg 9 PQ #20069 Sitting 394 2000-10-16 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ta' Xbiex - Festival tal-Birra

Question

Billi waqt il-festival tal-birra li sar din is-sena ġewwa l-ġnien tal-Gżira kien hemm ħafna pulizija fuq xogħol u billi ta' kuljum madwar il-ġnien kien hemm ħafna karozzi pparkjati bl-addoċċ u kontra l-liġi, jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw parking tickets mill-pulizija ġewwa Ta' Xbiex kuljum bejn it-28 ta' Lulju u s-6 ta' Awissu, 2000 biż-żewġ ġranet imsemmija nklużi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għall-attivita` li qiegħed isemmi l-Onorevoli Interpellant, kien hemm idettaljati xogħol tliet pulizija kull ġurnata biex iżommu l-bon ordni. Infurmat ukoll illi kien hemm numru ta` Gwardjani Lokali sabiex jikkontrollaw t-traffiku.
Leg 9 PQ #18646 Sitting 379 2000-10-02 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 18468 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid kemm kien hawn impjegati taċ-Ċivil illi s-sena l-oħra qalgħu flus aktar mill-President? F'liema dipartimenti kienu u x'tip ta' xogħol jagħmlu u xi grad għandhom?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-impjegati taċ-Civil li s-sena l-oħra qalgħu flus aktar mis-somma dovuta lill-President kienu ħdax (11) Id-dipartimenti u l-ġradi tagħhom kienu mifruxa kif ġej: Aviazzjoni Ċivili (1) Flight Inspector Management Efficiency Unit (2) Managers/Konsulenti Ministeru tal-Finanzi (1) Konsulent Pulizija (1) Kummissarju Sptar Boffa (2) Senior Radiologist Konsulent Sptar San Luqa (4) Registratur Ewlieni Cardiac Surgeon Konsulent Perfusionist
Leg 9 PQ #18891 Sitting 363 2000-09-18 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jara illi tifel li ismu qed jintbagħat separatament u li joqgħod ġo parti mill-Imsida li qiegħda fuq il-borderline ma' Santa Venera, jintbagħat ġo l-iskola sekondarja li hemm Psaila Street, Santa Venera, u mhux il-Gżira, u dan għaliex omm dan it-tifel tieħu ħsieb iz-zija anzjana tagħha li trid attenzjoni għal ħin twil tant li tkun magħha sa tard filgħaxija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ġenituri tat-tifel konċernat huma mitluba jsegwu l-proċeduri normali u jitlobu transfer. Kull talba għal transfer tiġi kkunsidrata u aċċettata skond iċ-ċirkostanzi partikulari sakemm dan ikun possibbli.
Leg 9 PQ #18892 Sitting 363 2000-09-18 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Imsida - Spralli

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ispralli tal-ventilazzjoni li hemm fuq il-bankini ġo Triq Ġdida, St Venera Rd., Imsida, għandhomx il-permessi neċessarji mill-Planning Authority? Jekk le, x'se jsir biex tiġi rranġata l-bankina?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret minn uffiċjali ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar fil-post indikat mill-Onor. Interpellant, jirriżulta li s-sid ta` garaxxijiet li ġew mibnija fil-livelli tal-'basement', ħoloq spralli taħt il-bankina u barra mill-linja tal-bini bi skop li jipprovdi mezz ta` ventilazzjoni lill-istess garaxxijiet. Għalkemm dawn il-garaxxijiet huma koperti bil-permessi tal-bini meħtieġa, l-istess spralli saru mingħajr ebda approvazzjoni. Għaldaqstant qed jittieħdu l-passi ta` infurzar skond l-Att Nru. 1 ta` l-1992 dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp fejn inħareġ avviż tat-Twettieq kontra min huwa responsabbli. (ECF 689/00). L-Iżviluppatur ġie avvżat sabiex ireġġa` lura l-iżvilupp għal mod kif ġie approvat fil-permess oriġinali u dan billi jelimina l-ispralli in kwistjoni. Fil-frattemp l-iżviluppatur issottometta applikazzjoni sabiex jirregolarizza din il-pożizzjoni (PA 3488/00). Minħabba f`hekk, skond kif huwa stipulat fl-istess Att, l-avviż ta` Twettieq irid jieqaf milli jkun operattiv sakemm l-applikazzjoni tiġi deċiża b`mod finali. Is-Sezzjoni ta` l-Infurzar ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ser tibqa` ssegwi l-każ sakemm il-proċeduri kollha ta` Infurzar jiġu eżawriti skond il-liġi.
Leg 9 PQ #17853 Sitting 362 2000-07-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' personnell ta' l-Armata li attendew għal kors barra minn Malta f'dawn l-aħħar għaxar snin? X'tip ta' kors kien u kemm minn dawn is-suldati għadhom fl-Armata llum?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li fil-perjodu bejn l-10 ta' Lulju 1990 u l-10 ta' Lulju 2000, 140 persuna (Fizzjali u Suldati) attendew korsijiet ta' taħriġ barra minn Malta. Minn dawn, 128 persuna għadhom iservu fl-Armata. Id-diversi tipi ta' korsijiet jidhru fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #17938 Sitting 360 2000-07-25 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni maċ-Ċivil f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena u x'tip ta' xogħol jagħmlu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li ġew impjegati maċ-ċivil f'dawn l-aħħar ħames snin hu kif jidher hawn taħt:- 1996 - 1185 1997 - 734 1998 - 870 1999 - 1155 2000 - 373 (Jannar sa Ġunju) Dettalji oħra, kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant, jidhru fit-tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #17939 Sitting 360 2000-07-25 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Persuni li rriżenjaw

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm rriżenjaw persuni minn maċ-Ċivil, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin u x'tip ta' xogħol kellhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li rriżenjaw minn maċ-ċivil f'dawn l-aħħar ħames snin hu kif jidher hawn taħt:- 1996-327 1997-249 1998-236 1999-197 2000-111 (Jannar sa Ġunju) Dettalji oħra, kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant, jidhru f'diversi tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.