Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' għajnuna finanzjarja huma ntitolati s-single mother? Kemm hemm single mothers fuq din l-għajnuna llum? Kif jikkwalifikaw għall-għajnuna u kemm jammonta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Barra mill-Għajnuna Soċjali, single parents jistgħu jikkwalifikaw wkoll għall-Allowance tat-Tfal kif ukoll għall-Benefiċċju ta’ l-Enerġija.
Dawn jikkwalifikaw għal din l-Għajnuna kemm il-darba jkollom il-kustodja tat-tfal, u l-ammont ta’ kapital (flus il-bank, proprjeta’ mhux użata bħala r-residenza tagħhom, eċċ.) ma’ jeċċedix €14,000 (Lm6,000). Id-dħul (eżempju; interessi, manteniment, dħul minn xogħol bi qliegħ, eċċ.), fil-każ ta’ġenituri b’wild wieħed li jabitaw għal rashom, ma’ jridx jeċċedi €93.11 (Lm39.97) fil-ġimgħa. F’każ ta’
single parents
li jabitaw mal-ġenituri tagħhom jew ma’ familja oħra, id-dħul ma jridx jeċċedi €69.83 (Lm29.98) fil-ġimgħa. L-ammonti ta’ dħul imsemmija jiżdiedu b’€8.16 (Lm3.50) fil-ġimgħa għal kull wild ieħor minbarra l-ewwel wieħed.
Ir-rata fil-ġimgħa li titħallas bħala Għajnuna Soċjali hija d-differenza bejn dawn l-ammonti, skond il-każ, u d-dħul attwali tal-ġenitur. Ninsab infurmata li n-numru ta’
single parents
li qed jirċievu din l-Għajnuna hu 2,160.
Ir-rata ta’ l-
Allowance
tat-Tfal tvarja skond id-dħul u n-numru ta’ tfal fil-familja, iżda minn din is-sena, f’ebda każ din l-
Allowance
ma tkun anqas minn €250 (Lm107) fis-sena għal kull wild. L-ammont tal-Benefiċċju ta’ l-Enerġija’ jvarja peress li dan hu bażat fuq il-konsum tipiku ta’ familja bl-istess numru ta’ persuni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn veikoli bil-mutur li għandhom personlized number plates illum? Kemm daħħal flus l-ADT din is-sena minn fuq dawn il-plates?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-informażżjoni mid-Direttorat tal-Liċenżji u Ttestjar li sal-31 ta’ Diċembru 2007 kien hemm 966 vettura li għandhom personalised number plates.
Kien hemm dħul ta’ € 175,216 (Lm 75,220) fuq dawn il-
plates
.
Billi fuq xi stazzjonijiet tat-televiżjoni barranin isiru avviżi pornografiċi, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm dawn jistgħu jiġu murija minn local service provider skond il-liġi u jekk le, x'passi ħadu l-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-trażmissjonijiet televiżivi huma rregolati b'liġi ad hoc, u ċioe' l-Att tax-Xandir (Kap. 350). Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm instabet droga l-ħabs din is-sena u kemm inqabdu ħabsin taħt l-effett tagħha din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2007 kien hemm 38 okkażjoni meta nstab xi materjal suspettuż ġewwa l-Ħabs. Il-każi kollha jiġu mistħarrġa mill-Pulizija u f'kull każ issir inkjesta Maġisterjali.
Infurmat ukoll li n-numru ta' ħabsin li nqabdu taħt l-effett tad-droga matul l-istess sena kien ta' 112.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu tfal l-Qorti din is-sena u għaliex? X'eta' kellhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Jannar 2007 sat-31 ta' Diċembru 2007, tressqu b'kollox 61 persuna quddiem il-Qorti tal-Minorenni f'Malta, u ċioe':
Pussess ta' droga 1
Ksur buon ordni, inġurji, ġlied, theddid u kliem oxxen 41
Tlajjar għal Prostituzzjoni 2
Ħsara f'vetturi, ġrieħi ta' natura gravi u sewqan mingħajr liċenzja 5
Dettalji foloz 1
Serq 6
Użu ta' telecom ħażin 2
Depożiti ta' urina f'post pubbliku 2
Żamm ta' arma irregolari 1.
L-informazzjoni dwar il-Qorti f'Għawdex hija s-segwenti:-
Sewqan ta' karozza mingħajr liċenzja u kaġunar
ta' ħsara fuq vetturi ta' terzi 1
Ġlied 10
Ħsara fuq proprjeta' 7
Danni fuq persuna 2
L-eta' tagħhom tvarja bejn it-12 u s-16 il-sena.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba l-lotterija Super 5 qabżet l-Lm200,000 għal min qata l-ħames numri? Kemm-il darba dan ġara fix-xahar ta' Ġunju u dak ta' Diċembru u f'liema sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn tfal taħt care order illum u għaliex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li n-numru ta’ tfal koperti b’Ordni għall-Ħarsien hu 212.
Dawn l-Ordnijiet inħarġu għal diversi raġunijiet, fosthom għax it-tfal kienu taskurati, jew abbużati fiżikament, jew sesswalment jew emozzjonalment, jew kienu immigranti rregolari minuri mhux akkumpanjati.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn instituti tat-tfal illum? Kemm hemm tfal fihom u x'eta' għandhom? Kemm minn dawn tpoġġew minn xi ġenitur u kemm mill-aġenzija Appoġġ u kemm minn xi sentenza tal-qorti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li hawn 18-l istitut jew istituzzjoni li jżommu tfal.
Ebda entita’jew dipartiment li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħi ma jżomm l-istatistika kif mitluba fit-Tieni u t-Tielet Parti tal-Mistoqsija.
Iżda ninsab infurmata li n-numru ta’ tfal li qed jirċievu servizz mit-taqsima tal-
Looked After Services
ta’ l-Aġenzija Appoġġ, u li bejn Jannar u Ġunju 2007 kienu qegħdin f’xi wieħed minn dawn l-istituti jew istituzzjonijiet, kien ta’ 260.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħabsin illum u kemm jiswew lill-pajjiż kull wieħed?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fit-8 ta’ Jannar 2008, in-numru ta’ priġunieri fil-ħabs kien ta’ 386.
Infurmat ukoll, illi jekk jingħaddu s-salarji ta’ l-impjegati tal-Ħabs, l-ispiża ta’ l-ikel, il-ħlas lill-ħabsin li jaħdmu, l-ispejjeż għal programmi ta’ riabilitazzjoni, l-ispiża tas-servizzi tas-saħħa, u spejjeż oħra rikorrenti u jiġi diviż it-total bin-numru tal-medja ta’ prigunieri f’kull ġurnata matul is-sena 2007, l-ispiża tiġi madwar 52 Ewro (LM 21.69) kuljum.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti ta' natura mhux kirurġika ġo swali kirurġiċi illum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-ADT Module tal-Patient Administration System, illum (17 ta' Diċembru 2007 fil-ħdax ta' filgħodu) hemm 36 pazjent ġo swali kirurġiċi li qegħdin taħt il-kura ta' Konsulenti fil-Mediċina.
Din il-figura tista' tinbidel minn ħin għal ħin skond id-discharges u l-admissions li jkun hemm matul il-jum.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal li attendew l-School Girl Mother's Unitkull sena minn meta din twaqqfet u x'eta' kellhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat fil-Unit Għozza, (li qabel kienet magħrufa bħala School Girl Mothers' Unit) jmorru lura sas-sena skolastika 1989-90 kif jidher hawn taħt:
1989-90 12-il tfajla etajiet bejn 14 sa 16-il sena.
1990-91 15 14 sa 21 sena
1991-92 28 13 sa 20 sena
1992-93 20 14 sa 19 sena
1993-94 28 14 sa 20 sena
1997-98 73 14 sa 25 sena
Mis-sena 1998, ir-records bdew jinzammu skond is-sena tal-kalendarju.
1998 74 tfajla, etajiet bejn 13 sa 19-il sena.
1999 98 13 sa 19-il sena
2000 114 14 sa 19-il sena
2001 116 13 sa 21 sena
2002 131 13 sa 22 sena
2003 140 13 sa 24 sena
2004 153 14 sa 20 sena
2005 156 13 sa 20 sena
2006 176 13 sa 20 sena
2007 174 12 sa 20 sena sa l-aħħar ta' Novembru 2007.