Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn lukandi u/jew guesthouses illum? Kemm huwa in-numru ta' sodod ġo dawn l-istabbilimenti?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li l-“Hotels and Catering Establishments Board” għandha reġistrati magħha 123 lukanda (24,496 sodda); 53 kumplessi turistiċi; ‘aparthotels’ u villaġġi turistiċi (14,692 sodda); u 58 ‘guest houses’ u ‘hostels’ (1,500 sodda).
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li allegatament wettqu xi reat konness mar-regolament tal-kaċċa u nsib is-sena l-oħra? X'reat allegatament wettqu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000, il-Pulizija qabdet 326 persuna bi ksur tar-Regolamenti ta` l-1993 dwar il-Ħarsien ta` l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ; Regolamenti ta` l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta` Speċi Protetti u Riżervi Naturali) u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66).
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ngħataw liċenzja ġdida għal kaċċa kull sena f'dawn l-aħar ħames snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant beda jinżamm taħt forma kompjuterizzata mill-1998 u huwa kif ġej:-
1998 - 480
1999 - 429
2000 - 413
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li għandhom permess "to keep a fire arm", kemm hemm persuni li għandhom permess to carry a fire arm for sporting purposes?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent in-numru ta` liċenzji dwar l-armi huwa ta` 20,630 to keep u ta` 11,313 to carry.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfajliet li ma marrux skola s-sena l-oħra minħabba tqala? Kemm kien in-numru kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' tfajliet li ġew fl-iSchoolgirl Mothers' Unit u li ma baqgħux jattendu skola minħabba tqala huwa:
Sena skolastika Settembru 1995 sa Lulju 1996 - 19
Sena skolastika Settembru 1996 sa Lulju 1997 - 16
Sena skolastika Settembru 1997 sa Lulju 1998 - 28
Sena skolastika Settembru 1998 sa Lulju 1999 - 20
Sena skolastika Settembru 1999 sa Lulju 2000 - 28.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti s-sena l-oħra minħabba moqrija fuq l-annimali? X'tip ta' reat allegatament wettqu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000 kien hemm 15-il każ ta` moħqrija ta` annimali rrapurtati lill-Pulizija li kollha tressqu l-Qorti. Ir-reati li allegatament twettqu kienu ta` moħqrija fuq żwiemel, klieb u qattus, u tjur, kif ukoll qtil ta` qattus.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga s-sena l-oħra u x'tip ta' droga kienet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont u t-tip ta` droga li nqabdet mill-Pulizija matul is-sena 2000 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni reġistrati bħala gwidi turistiċi llum? Kermm kien in-numru kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-għadd ta’ Gwidi Turistiċi liċenzati f’dawn l-aħħar sitt snin kien kif jidher hawn taħt:
1995 492
1996 491
1997 516
1998 525
1999 525
2000 570
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' suldati Maltin li qattgħu xi żmien ġo l-Altanija u ġol-Kosovo s-sena l-oħra?
Kemm tħallsu totalment tax-xogħol li wettqu u taż-żmien li għamlu barra minn Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ suldati li ħadu sehem fil-“convoys” lejn il-Kosovo matul l-2000, kien ta’ 70. Bħal fil-każ tal-ħaddiema tal-Gvern, il-membri tal-Forzi Armati li jkunu fuq xogħol uffiċjali barra minn Malta, huma ntitolati għal “subsistence allowance” skond il-provvedimenti applikabbli ta’ l-“Estacode”.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' diskriminazzjoni razzjali lill-pulizija matul is-sena li għaddiet
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000 l-uniku rapport lill-Pulizija ta` diskriminazzjoni razzjali kien dak li tagħrif dwaru ngħata fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21965.
Dan ir-rapport kien ġie investigat u rriżulta li ma kien hemm ebda diskriminazzjoni razzjali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux legali li taħdem bħala bouncer ġo postijiet ta' divertiment? F'għajnejn il-liġi x'poteri għandhom? Għandhom liċenzja tal-pulizija biex jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sakemm il-persuna li taħdem bħala bouncer tkun impjegata full- time, part-time jew każwali mal-persuna fejn tkun qed toffri dan is-servizz, ma tenħtieġx liċenzja sabiex tagħmel dan ix-xogħol. Pero` jekk dan is-servizz ikun qiegħed jiġi provdut minn xi persuna mhux hekk impjegata, din il-persuna jrid ikollha liċenzja ta` gwardjan privat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandhom gerger counters jew apparat ieħor li jkejjel il-livell ta' radjazzjoni u radjoattivita' ta' l-armata? Kemm hemm persuni li jafu jħaddmu dan l-apparat u x'tip ta' korsijiet ħadu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-“Geiger Counter” li hu apparat li jkejjel il-livell ta’ radjazzjoni f’ċirkostanzi partikolari. B’kollox fil-Forzi Armati hemm 24 “Dosimeter” ta’ tipi differenti, apparat li jaħdem fuq il-prinċipju tal-“Geiger Counter”. Is-suldati tal-Forzi Armati jingħataw taħriġ bażiku f’“Nuclear, Chemical and Biological (NBC) Warfare” waqt il-kors ta’ reklutaġġ. Waqt dan it-taħriġ, is-suldati jitgħallmu kif jistgħu jipproteġu lilhom infushom f’każ, per eżempju, ta’ tixrid ta’ radjazzjoni. Xi suldati attendew ukoll korsijiet speċjalizzati barra minn Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux normali illi l-ministeru jagħmel programm uffiċjali għal partners - ovvjament mhux miżżewġa - ta' prim ministri barranin li jkunu qed iżuru Malta fuq żjara uffiċjali? Dan jgħodd: (a) għal partner wieħed biss jew aktar; u (b) jekk il-partner ikun ta' l-istess sess?
Fil-każ li ġara riċentement kemm sewa lil pajjiżna il-programm li sar għall-partner tal-prim ministri in kwestjoni?
Response (BORG, JOE)
Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għaż-żjara uffiċċjali li għamel f'Malta dan ix-xahar il-Prim Ministru ta' l-Irlanda.
F'każijiet bħal dawn il-Ministeru dejjem jagħmel programm separat għas-sinjura, irrispettivament jekk hix mart il-viżitatur disting jew il-'partner' tiegħu.
Proprju f'dan il-każ il-programm tal-'partner' kien jikkonsisti fi żjarat lil persuni b'diżabilita f'Dar il-Kaptan, l-Imtarfa, u fl-Eden Foundation, iż-Żejtun. Hija żaret ukoll il-Creche ta' l-Ursolini f'Tas-Sliema.
Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru ma daħal fl-ebda spejjeż sabiex saru dawn iż-żjarat.
Għar-rigward tal-mistoqsija dwar 'partner' ta' l-istess sess, sallum, il-Ministeru għade qatt ma kellu każ simili u l-anqas huwa antiċipat li dan il-każ jinqala fil-futur prevedibbli.