Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pulizija li ttieħdu passi dixxiplinarji kontrihom is-sena l-oħra u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000, kien hemm 171 membru tal-Korp tal-Pulizija li ttieħdu passi dixxiplinarji kontrihom minħabba li kienu kkommettew nuqqas msemmi fl-Ewwel Skeda li tinsab ma` l-ordinanza dwar il-Pulizija ta` Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern jirrikonoxxix same sex marriages li jkunu saru barra minn Malta?
Response (BORG, TONIO)
Żwieġ bejn persuni ta` l-istess sess hu rikonoxxut biss f`xi ftit pajjiżi. Ma hemm l-ebda intenzjoni li dan it-tip ta` żwieġ jiġi rikonoxxut f`Malta u dan peress li huwa inkompatibbli mal-liġi taż-Żweġijiet ta` Malta li tippermetti biss żwieġ bejn persuni tas-sess oppost.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li weħħlu xi piena karċerarja is-sena l-oħra? X'tip ta' reat wettqu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000 il-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin irċeviet 176 sentenza dwar persuni li ngħataw piena karċerarji.
Ir-reati li għalihom ingħataw dawn is-sentenzi kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti għar-reati kriminali s-sena l-oħra? X'tip ta' reati kienu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000, kien hemm 2,570-il persuna li tressqu l-Qorti fuq reati kriminali (crimes). Ir-reati kienu dawk li jidhru fit-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn armi tan-nar liċenzjati llum, jista' jagħti breakdown tat-tip ta' armi liċenzjati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 64,403 oġġett li jaqa` taħt id-definizzjoni ta` arma tan-nar reġistrati mal-Pulizija li minnhom 46,516 huma snieter u 5,768 huma air weapons; il-kumplament ħafna minnhom huma armi minn kollezzjonisti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal taħt is-16-il sena li tressqu l-qorti s-sena l-oħra? Għaliex tressqu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000, il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti fuq diversi reati, 175 persuna taħt is-sittax-il sena.
Ir-reati li dwarhom tressqu l-Qorti kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti għal reati mwettqa waqt xi attivita' sportiva s-sena l-oħra? X'kien l-allegat reat u x'kien l-isport in kwestjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` persuni li matul is-sena 2000 ittellgħu l-Qorti għal reati mwettqa waqt xi attivita` sportiva kien ta` 81. Il-każi kollha seħħew waqt logħob tal-football, ħlief f`żewġ każi, wieħed waqt logħob tal-waterpolo u wieħed waqt logħob tal-basketball.
L-allegati reati kienu jinkludu dagħa; kliem u/jew ġesti oxxeni; insulti u theddid, ħsara volontarja, ksur tal-Bon Ordni; insulti lejn l-uffiċjali tal-logħba; imġieba abbużiva; tfigħ ta` oġġetti; ġlied; ħebb għal uffiċjal tal-logħba u ikkaġunar ta` feriti ħfief; reżistenza bil-vjolenza u dħul fl-istadium mingħajr biljett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' immigranti Klandestin li nqabdu s-sena l-oħra? Min liema pajjiżi kienu?
Response (BORG, TONIO)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-immigranti klandestini li daħlu Malta permezz ta` biċċiet tal-baħar matul is-sena 2000, ninsab infurmat illi kien hemm erba` minn dawn il-każijiet kif jidher hawn taħt:
25 ta` April : sebgħa persuni ta` Nazzjonalita` Eġizzjana, daħlu fl-Imtaħleb permezz ta` lanċa;
27 ta` Ġunju : ħames persuni, wieħed Eġizzjan - Libjan - Tunesin u żewġ Marokkini daħlu fl-inħawi tal-Armier;
23 ta` Awissu : sitt Tuneżini daħlu fl-inħawi ta` Pembroke permezz ta` lanċa tas-sajd;
24 ta` Novembru : sitt Tuneżini daħlu l-Imġarr, Malta, permezz ta` lanċa tas-sajd.
Fl-erba` każijiet, l-erbgħa u għoxrin barrani diġa` tressqu l-Qorti u ġew ripatrijati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li waqgħu lura fil-ħlasijiet tal-kontijiet ta' l-ilma u tad-dawl u li magħhom sar xi ftehim ta' kif jista' jiġi mħallas il-kont matul is-sena l-oħra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li kemm il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kif ukoll il-Korporazzjoni Enemalta joffru lill-konsumaturi tagħhom ftehim ta' pagamenti biex jitħallsu l-attretrati tad-dawl u ilma.
Matul is-sena 2000 il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ipproċessat 267 ftehim ma' konsumaturi li kienu waqgħu lura fil-ħlas tal-kontijiet.
L-informazzjoni relattiva għal ftehim simili dwar konsum ta' dawl qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati reati lil pulizija ġo Paceville u fl-area ta' madwar matul is-sena l-oħra? X'tip ta' reati kienu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000, il-Pulizija kellha 2,186 rapport ta` reati li seħħew fl-area ta` San Ġiljan, li minnhom 470 seħħew ġewwa Paceville. Dawn kienu jinkludu attentati ta` offiżi, offiżi fuq il-persuna, ksur ta` bon ordni, ħsarat, drogi, frodi, offiżi sesswali u serq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bniet taħt is-16-il sena li kellhom tarbija is-sena l-oħra? Kemm kien in-numru kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fir-Reġistru Pubbliku ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti minħabba vjolenza domestika s-sena l-oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000, il-Pulizija ressqet 147 persuna quddiem il-Qorti b`reati li jistgħu b`xi mod jinkwadraw taħt it-titolu ta` vjolenza domestika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każi ta' stupru li ġew irrapportati lill-pulizija s-sena l-oħra, fejn saru u kemm kellhom żmien il-vittmi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi b`żieda mat-tagħrif li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20076, sa` l-aħħar tas-sena 2000, il-Pulizija kellha tlett rapporti oħra ta` stupru. L-eta` ta` dawn it-tlett vittmi kienet tvarja bejn it-28 u d-39 sena, u l-lokalitajiet fejn saru r-reati kienu: Ħamrun/Sta. Venera, Fgura u l-Ħamrun. Dawn huma biss rapporti, u d-deċiżjoni dwar ħtija u/jew kienx hemm stupru qiegħda f`idejn il-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta il-ġnien ta' ħdejn il-King George V, Furjana?
Kemm se jiswa? Meta beda x-xogħol u meta se jispiċċa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22438 (Seduta 465).
Dan il-ġnien mistenni li jitlesta fil-bidu tas-sena d-dieħla. Il-proġett mistenni li jiswa b'kollox qrib il-Lm100,000. Ix-xogħol inbeda fl-aħħar parti tas-sena 2000.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament se tieħu lura l-arma tan-nar li hija miżmuma mill-pulizija wara li nqatatlu l-kawża mill-Qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-arma tan-nar imsemmija mill-Onor. Interpellant mhix qiegħdha għand il-Pulizija, billi din l-istess arma kienet ġiet eżebita quddiem il-Qorti nhar it-8 ta` Novembru 2000.