Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw djar lil single persons illum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li fl-ewwel ħarġa taħt l-iskema tax-Shared Ownership kien hemm 62 applikazzjoni minn applikanti weħedhom, li minnhom 5 ġew allokati post. Fit-tieni ħarġa taħt l-istess skema kien hemm 59 applikazzjoni minn applikanti weħedhom, li minnhom 8 ġew allokati post.
Ninsab infurmata wkoll li matul l-2007 id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali alloka 9 postijiet bil-kera lil persuni weħedhom.
Billi dan l-aħħar ġie rrappurtat li persuni li qed jikkoabitaw jistgħu japplikaw għall-skemi ta' housing, tista' l-Ministru tgħid jekk dan japplikax għal koppji omosesswali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-iskemi ta’ l-Awtorita’ tad-Djar huma miftuħa għal applikanti irrispettivament mill-istat ċivili, l-parentela jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru suwiċidju din is-sena? Kemm saru attempted suicides u jew overdoses din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Matul is-sena 2007 ġew irrapurtati 27 suwiċidju fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-Imwiet, f'Malta u Għawdex.
Ninsab infurmat li fil-perjodu bejn Jannar u Novembru 2007 iddaħħlu total ta' 8 pazjenti fl-isptar San Luqa / Mater Dei u f'dak Ġenerali ta' Għawdex b'dijanjożi ta' attentat ta' suwiċidju (ICD-10 Codes: X60-X84). Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-Gozo General Activity Analysis u mid-database tal-Hospital Activity Analysis (HAA) ta' l-isptar San Luqa / Mater Dei.
Kien hemm ukoll 216 ammissjoni b'dijanjożi ta' overdose (ICD-10 Codes: Y10-Y14) f'dawn l-isptarijiet. M'għandniex indikazzjoni fejn seta' kien aċċidentali jew inkella intenzjonali. Din l-informazzjoni nħarġet mid-database tal-HAA u mill-A&E Module tal-Patient Administration System.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' każi ta' social benefit fraud maqbuda din is-sena? Kemm tressqu persuni l-Qorti? X'passi ħa d-dipartiment?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li matul l-2007 kien hemm 1,045 każ li minn investigazzjonijiet li għamel id-Direttorat għall-Frodi ta’ Benefiċċji u Investigazzjoni irriżulta li kienu qed jabbużaw mill-benefiċċji soċjali. Ninsab infurmata wkoll li ebda persuna minn dawn ma tressqet il-Qorti.
Minn naħa tagħha d-Diviżjoni tas-Sigurta’ Soċjali twaqqaf il-benefiċċju li jkun qed jittieħed filwaqt li jsir dak kollu possibbli biex jinġabru lura l-flus mhux dovuti li jkunu tħallsu.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' persuni li twaqqfilhom r-relief jew xi benefiċċju soċjali ieħor din is-sena u għaliex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li matul l-2007 kien hemm 6029 każ fejn twaqfet Għajnuna Soċjali jew benefiċċji oħra mhux kontributorji.
Ninsab infurmata wkoll li fost ir-raġunijiet għal dawn it-twaqqif kien hemm:
Bidu ta' xogħol
Bdil fiċ-ċirkostaqnżi finanzjarji
Ikkwalifikaw għall-pensjoni kontributorja
Qtugħ mill-Ewwel Parti tar-Reġistru
Riżultat ta' nvestigazzjoni
Mewt
Safar
Żwieġ
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati tilwimiet industrijali din is-sena, liema kienu l-unions involuti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul din is-sena ġew reġistrati 70 tilwima industrijali.
Informat ukoll li l-Unions involuti kienu GWU, UHM, Rampa Union, UPAP, MUT, Union of Cabin Crew, EPOU, MUBE, UMASA, u PSEU.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani illum? X'eta' għandhom? Kemm hawn day care centres għalihom illum u fejn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni dwar kemm hawn anzjani llum u l-eta' tagħhom tista' tingħata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. F'Malta hawn sittax il-Day Care Centre. Dawn qegħdin fiż-Żejtun, Ħamrun, Qormi, Dingli, Sliema, Żurrieq, Mtarfa, B'Kara, Bormla, San Pawl il-Baħar, B'Buġia, Mosta, Luqa, Santa Venera, Naxxar, Safii u ieħor speċjaliżżat għall-persuni bi problemi ta' dementia li qiegħed f'San Vinċenz de Paul.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani li għandhom home helper illum? Kemm kien in-numru li applikaw din is-sena? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew milqugħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' anzjani li llum għandhom home helper huwa 3509. In-numru ta' applikazzjonijiet sa l-aħħar ta' Novembru 2007 kien 674 u minnhom ġew milqugħa 427. 149 applikazzjoni ma ġewx milqugħa waqt li 98 applikazzjoni qed jistennew ir-rapport tas-Social Worker.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni b'diżabilita' jirreġistraw illum?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni b'dizabilita' li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' Ottubru 2007 fuq l-ewwel Parti tar-Reġistru kien ta' 311 u 29 kienu qed jirreġistraw fuq it-Tieni Parti tar-Reġistru.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru testijiet mill-pulizija għal sewqan taħt l-influwenza ta' l-alkoħol din is-sena u kemm kienu pożitivi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2007, kien hemm 169 sewwieqa ta' vetturi, li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv, li minnhom 112 nstabu li kienu qed isuqu vettura taħt l-influwenza tax-xorb, filwaqt li 41 irrifjutaw li jagħmlu jew ma komplewx it-test.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew boarded out persuni mix-xogħol xahar b'xahar din is-sena u x'tip ta' xogħol kienu jagħmlu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata ebda Dipartiment jew entita’ li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma jżommu statistika dwar in-numru ta’ persuni li jiġu boarded out jew dwar ix-xogħol li kienu jagħmlu qabel ma ġew boarded out.
Jekk l-Onor. Interpellent qed jirreferi għan-numru ta’ persuni li, matul l-2007, bdew jirċievu pensjoni għal invalidita' mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, ninsab infurmata li t-tagħrif hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu tfal ta' single mothers din is-sena u minn liema lokalita' kienu l-ommijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Bejn l-ewwel ta' Jannar u l-aħħar ta' Settembru tas-sena 2007 ġew irreġistrati li twieldu total ta' 672 -il tarbija minn ommijiet rapportati bħala single.
It-tabella ta' hawn taħt turi din l-informazzjoni skond minn liema lokalita' kienu l-ommijiet.
Lokalita'
Trabi
North Harbour
214
South Harbour
188
South East
93
West
58
Northern Region
92
Gozo
27
Total
672
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hawn gaming shops/rooms ġo pajjiżna? X'tip ta' logħob ta' l-azzard jista' jsir ġo dawn il-ħwienet? Kemm nfetħu f'dawn l-aħħar sentejn u f'liema lokalita' separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi m’inhiex ċert x’eżattament irid ifisser l-Onorevoli Membru Parlamentari meta jirreferi għal “gaming shops/rooms”. Intant nixtieq nikkjarifika li s-Sezzjoni tal-Liċenzji ta’ Trade Services Directorate tad-Diviżjoni għal Kummerċ ma toħroġx liċenzji għal attivitajiet li jikkostitwixxu f’logħob ta’ l-azzard u mħatri. Ukoll qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ statistika ta’ liċenzji li ħarġu taħt Kategorija VI – Servizzi Soċjali u Personali.