Legislature:
Category:
Reset
Active:

Karozzi tal-Linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi tal-Linja illum u kemm għandhom żmien jew ċioe x'kienet is-sena tal-manifattura tagħhom

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru tal-karozzi tal-linja liċenzjati Malta u Għawdex huwa 573. Is-sena tal-manifattura tagħhom huwa kif ġej:- Sena tal-Manifattura Numru ta' Karozzi tal-Linja qabel 1940 79 bejn 1941 - 1950 18 bejn 1951 - 1960 116 bejn 1961 - 1970 108 bejn 1971 - 1980 194 bejn 1981 - 1990 38 bejn 1991 - 2001 20
Leg 9 PQ #25238 Sitting 544 2001-05-29 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

Klieb ta' Kontra d-Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm instabet droga is-sena l-oħra mit-taqsima tal-klieb ta' kontra d-droga tad-dwana? Kemm hemm klieb f'din it-taqsima u kemm hemm handlers?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-sena l-oħra kien hemm każ wieħed fejn instabet droga mit-Taqsima tal-Klieb ta' kontra d-Droga tad-Dwana. Fit-Taqsima hemm ħamest iklieb u ħames 'handlers'.
Leg 9 PQ #25239 Sitting 544 2001-05-29 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Kaċċaturi u Nassaba

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu kaċċaturi u nassaba jiksru xi regolament din is-sena? Kemm inqabdu fuq l-art u kemm fuq il-baħar u x'tip ta' regolarment kissru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u t-30 ta` April 2001 inqabdu 140 persuna, 122 fuq l-art u 18 fuq il-baħar, jiksru r-Regolamenti ta` l-1993 dwar il-Ħarsien ta` l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ; Regolamenti ta` l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta` Speċi Protetti u Riservi Naturali); u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66).
Leg 9 PQ #25240 Sitting 544 2001-05-29 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Copyright

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni il-qorti fuq ksur tal-liġi tal-copyright u kemm inqabad materjal illegali is-sena l-oħra u din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar 2000 u t-30 ta` April 2001, il-Pulizija qadet 17-il persuna bi ksur tal-liġi dwar il-copyright. Il-materjal maqbud kien jinkludi ħwejjeġ, D.V.D`s, logħob, CD`s, smart cards, video cassettes u sigaretti.
Leg 9 PQ #25241 Sitting 544 2001-05-29 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati karozzi fis-snin 1998, 1999, 2000 u 2001 u jgħati breakdown tal-prezzijiet tagħhom qabel id-dazju/VAT. Kemm kienu taħt il-Lm 5000, kemm bejn il-Lm 5,000 u Lm 10,000, kemm bejn Lm 10,0000 u l-Lm 20,000, kemm bejn l-Lm 20,000 u t-Lm 30,000, kemm bejn t-Lm 30,000 u l-Lm 40,000, kemm bejn l-Lm 40,000 u l-Lm 50,000 u kemm aktar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika ma għandux informazzjoni dwar importazzjoni kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant, iżda skond il-"bands" ta' ċilindraġġ kif speċifikat fit-Tariffa tad-Dwana. Għaldaqstant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-kamra skeda ta' importazzjoni ta' karozzi li tkopri s-snin 1998, 1999 u 2000 skond il-"codes" mogħtija fit-Tariffa tad-Dwana separatament għall-karozzi ġodda u użati. L-informazzjoni għas-sena kurrenti għadha qed tinġabar.
Leg 9 PQ #25230 Sitting 543 2001-05-28 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Inċident tat-Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' vejikoli tal-pulizija involuti f'inċident tat-Traffiku is-sena l-oħra u din is-sena u kemm swew biex issewwew?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar 2000 u l-31 ta` Marzu 2001, in-numru ta` vetturi tal-Pulizija li kienu nvoluti f`kolliżżjonijiet kien ta` 98. In-nefqa sabiex dawn jiġu rranġati kienet tammonta għal Lm13,017.
Leg 9 PQ #25231 Sitting 543 2001-05-28 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Vjolazzjonijiet ta' l-Ispazju ta' l-Ajru

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm vjolazzjonijiet ta' l-ispazju ta' l-ajru ta' Malta s-sena l-oħra u min wettaqhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni.
Leg 9 PQ #25232 Sitting 543 2001-05-28 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Medalja

Question

Billi huwa ċar illi l-membru tal-Forzi Armati illi ħareġ liż-żewġ persuni minn ġol-karozza li kienet għadha kif waqgħet il-baħar il-Birgu waqt ir-regatta ta' jum il-Ħelsien agixxa beyond the call of duty jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux jikkonsidra li jirrikmanda lill-din il-persuna għal medalja jew dekorazzjoni li żgur tisthoqilha?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Huwa prematur li tittieħed deċiżjoni bħal din fil-mument li għad hemm inkjesta maġisterjali għaddejja.
Leg 9 PQ #25233 Sitting 543 2001-05-28 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Numru ta' Gradwati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm gradwati universitarji jaħdmu maċ-ċivil illum? X'degree għandhom u fejn jaħdmu? Kemm telqu gradwati miċ-Ċivil, kull sena f'dawn l-aħħar 5 snin?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tliet tabelli li juru:- ‘A’ - 291 ħaddiema fil-“General Service” li għandhom kwalifiki universitarji, inklużi diplomi, jew kwalifiki oħra; ‘B’ - 6 ħaddiema li m’humiex fil-“Gneral Service” li jaqgħu taħt id- dekasteru tiegħi, u li għandhom kwalifi universitarji jew kwalifiki oħra; u ‘Ċ’ - Gradwati fid-dekasteru tiegħi li telqu miċ-Ċivil f’dawn l-aħħar ħames snin - sena b’sena. Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq informazzjoni fuq xi kwalifiki ta’ impjegati oħra li m’humiex fil-“General Service”, u li jservu f’Ministeri oħra, huwa mitlub jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

VRT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm normalment jieħu ħin test tal-V.R.T? Kemm hawn Test Lanes ġo pajjiżna? Kemm saru VRT tests is-sena l-oħra? Kemm saru VRT tests fuq kull lane partikolari?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li normalment it-test tal-VRT jieħu madwar 20 minuta għat-tieni klassi u madwar 25 minuta għat-tielet klassi. F'pajjiżna hawn erbgħa u tletin Testing Stations awtoriżżati, tletin minnhom jistgħu jittestjaw il-vetturi tat-tieni klassi biss, tnejn minnhom il-vetturi tat-tieni u t-tielet klassi u tnejn oħra li għandhom Test Lane waħda li fuqha jistgħu jittestjaw iż-żewġ klassijiet. Għalhekk f'pajjiżna hawn sitta u tletin Test Lanes b'kollox. Fis-sena 2000 saru 96,016 VRT. L-aħħar parti tal-mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant hija ta' natura kummerċjali.

Vejikoli

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew scrapped karozzi jew vejikoli oħra is-sena l-oħra u kemm daħlu ġodda?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fis-sena 2000 ġew skrappjati 4,180 vettura u fl-istess sena ġew irreġistrati 13,044 vettura.
Leg 9 PQ #25224 Sitting 542 2001-05-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

Propjeta Maltija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtratx propjeta hawn Malta is-sena l-oħra minn persuni barranin? Kemm swietu u minn liema pajjiżi kienu x-xerrejja?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ permessi li ngħata lill-persuni barranin biex jixtru proprjeta’ immobbli f’Malta matul s-sena 2000 kien ta’ mitejn u tnejn u disgħin (292). Il-valur globali tal-proprjeta’ immobbli li ngħata l-permess fuqha kien ta’ wieħed u għoxrin miljun, tlett mija u tlieta u sebgħin elf, mitejn u ħames liri (Lm 21,373,205). In-numru globali ta’ tlett mija u sitta u sebgħin (376) hu dovut għax proprjeta’ waħda tkun setgħet inxtrat minn kopja li ċ-ċittadinanza individwali tagħha tkun diversa. Nqiegħed fuq il-mejda tal-kamra tabella li turi ċ-ċittadinanza tax-xerreja.
Leg 9 PQ #25225 Sitting 542 2001-05-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Persuni Nieqsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni irrapurtati nieqsa illum u kemm ilhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi f`dawn l-aħħar 31 sena hemm 39 persuna li ġew irrappurtati nieqsa u ma nstabux. L-iktar każ antik imur lura sas-7 ta` Frar 1970, filwaqt li l-iktar wieħed reċenti kien fis-6 ta` Jannar 2001.

Żjara tal-Papa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux jikkonsidra jgħati amnestija lill-ħabsin minħabba iż-żjara tal-papa?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Ministru koncernat.

Mafra Presidenzjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw maħfriet presidenzjali f'dawn l-aħħar għaxar snin? Meta saru u kemm kien għad fadallu jiskonta piena il-ħabsi meħlus?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-mahfriet presidenzjali li nghataw f'dawn l-ahhar ghaxar snin jidhru fil-lista li qed impoggi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #25228 Sitting 542 2001-05-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

Żjara tal-Papa

Question

Billi l-gvern qed jaħseb li jgħati ġurnata vaganza għal waqt iż-żjara tal-Papa, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa maħsub li tiġi tiswa għall-ekonomija tal-pajjiż miżura bħal din f'termini finanzjarji?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma jidhirx li mistoqsija bħal din titlob risposta fil-Kamra tar-Rappreżentanti.
Leg 9 PQ #25229 Sitting 542 2001-05-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Swimming Pools

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn swimming pools f'pajjiżna illum? Kemm minhom huma f'lukandi u/jew ażjendi oħra direttament konnessi mat-turiżmu u kemm fi djar privat?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li skond ir-rekords li għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, sa nofs April ta' din is-sena, hawn b'kollox 2,526 swimming pool li minnhom 229 huma kummerċjali u 2,297 huma privati.
Leg 9 PQ #25218 Sitting 541 2001-05-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ċensura

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-film li ixxandar fuq stazzjon lokali tal-cable li d-dettalji tiegħu qed nibgħathom under separate cover kellux il-permess mill-bord taċ-ċensura li jixxandar fuq it-televiżjoni ? Films ta' din in-natura b'nudita u mossi provokattivi ta' natura sesswali, xieraq li jixxandar fid-9.00 pm meta ħafna tfal ikunu għadhom mqajmin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-PBS ma għandhiex x'taqsam mal-films li jixxandru fuq Channel 45 - The Movie Channel. Tajjeb li l-Onor. Kollega jirreferi l-Mistoqsija għall-konsiderazzjoni ta' xi dekasteru ieħor.
Leg 9 PQ #25219 Sitting 541 2001-05-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Attakk Terroristiku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarx studju dwar x'effett jista' jkollu fuq id-diversi setturi ta' l-ekonomija Maltija, attakk terroristiku fuq vapur militari amerikan jew tan-Nato waqt li dan ikun sorġut fil-portijiet jew tarzna tagħna? Jekk sar dan l-istudju, jista' l-Prim Ministru ippoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Infurmat li f’ebda żmien ma sar suggeriment dwar studju kif imsemmi fid-domanda ta’ l-Onorevoli Interpellant.