Jista' l-Ministru jgħid kemm infetħu ħwienet ġodda xahar b'xahar is-sena l-oħra u kemm għalqu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` liċenzji tal-Pulizija dwar ħwienet li nħarġu ġodda jew ġew kkanċellati matul is-sena 2000, hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa in-numru ta' tfajliet ta' l-iskola li mhux jattendu bħalissa għax huma tqal u kemm hemm oħrajn li qed jattendu l-ischool girl mothers unit?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li 19-il tfajla m'humiex jattendu skola matul din is-sena skolastika minħabba tqala. Minn dawn 6 għadhom kif welldu.
Bħalissa, (Mejju 2001) 35 tfajla qegħdin jattendu l-programm tat-tfajliet tqal fil-Unit. L-eta` ta' dawn hi minn 18-il sena l-isfel.
15-il tfajla oħra li diġa` huma ommijiet, jattendu s-support group ta' darba fil-ġimgħa.
40 tfajla oħra jattendu l-Unit għall-Counselling peress li komplew bl-iskola jew bix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittelgħu persuni l-Qorti is-sena l-oħra u din is-sena talli ħaqru annimali? X'tip ta' moħqrija kienet u x'weħħlu f'kul każ?
Response (BORG, TONIO)
B`żieda mat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23027, ninsab infurmat illi sal-31 ta` Mejju 2001, kien hemm 4 każi ta` moħqrija ta` annimali rrappurtati lill-Pulizija li kollha tressqu l-Qorti. Ir-reati li allegatament twettqu kienu ta` moħqrija fuq tjur, għoġol, qattus w kelb.
Fil-każi li seħħew bejn l-1 ta` Jannar 2000 u l-31 ta` Mejju 2001, u li l-proċeduri dwarhom fil-Qorti ġew eżawriti, dawk misjuba ħatja weħlu pieni li jvarjaw minn sentenza sospiża, twissija u ċanfira, u multi ta` ammonti varji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ċitazzjonijiet ta' gwardjani lokali li ġew preskritti għaliex l-ittra reġistrata ma ġietx aċċettata mill-akkużati jew ma setgħetx titqassam u billi skada iż-żmien il-każ ġie preskritt? Jista' jgħid x'se isir jew qed isir biex dan jieqaf?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mill-introduzzjoni tal-Gwardjani Lokali kien hemm 13,674 Avviżi ta` Kontravvenzjonijiet (tickets) li ġew preskritti.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija ngħid li qed jiġu kontemplati emendi fil-liġi biex, jekk jkun hemm abbuż fit-tqassim ta` l-Avviż jew min jirċievi l-Avviż, dan jitwaqqaf.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru collective agreements is-sena l-oħra u din is-sena f'entitajiet fejn il-gvern għandhu sehem maġoritarju? Kemm se jiswew lil Gvern u x'kienu l-azjendi jew entitajiet in kwistjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm strutturi bla permess ġewwa l-armier jew f'area ta' madwar? Kemm twaqqaw jew tneħħew? Kemm huwa in-numru li għad irid jitneħħa u xi kriterji qed juża il-gvern ta' min għandu jitneħħa u min le?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm madwar 1,440 struttura bla permess ġewwa l-Armier jew f`area tal-madwar. Minn meta ġiet imwaqqfa l-Awtorita` ta` l-Ippjanar tneħħew 148 struttura f`dawn l-areas imsemmija.
Qiegħed isir studju dwar liema strutturi oħra għandhom jitneħħew u dan skond kriterji stabbiliti, fosthom, fejn jinstab illi dawn l-istrutturi jkunu nbnew jew tpoġġew wara li twaqqfet l-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li bdew jirreġistraw għax xogħol xahar b'xahar is-sena l-oħra fuq il-part 1 u fuq il-part 2
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa in-numru ta' persuni li qegħdin fuq ir-relief illum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' persuni li qegħdin fuq ir-relief sa l-aħħar ta' April 2001 huwa ta' 10,104 benefiċjarji, komposti kif ġej:-
Għajnuna Soċjali 6322 benefiċjarji
Għajnuna Soċjali Għad-Disimpjieg 3782 benefiċjarji
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inqabdu ħaddiema taċ-ċivil skartati mix-xogħol is-sena l-oħra? F'liema dipartiment tal-Gvern kienu jaħdmu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Permezz tar-Regolamenti l-ġodda tad-Dixxiplina li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2000 l-każijiet tad-dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti u għalhekk m’għandhomx aktar jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi.
Dwar id-Dipartimenti li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħi, ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda mpjegat li nqabad skartat mix-xogħol.
Fir-rigward tal-Ministeri l-oħra nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri rispettivi.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-każijiet ta’ skartar minn fuq il-post tax-xogħol li dwarhom kienu ttieħdu passi skond ir-Regolamenti tad-Dixxiplina ta’ l-1977 fil-perjodu 1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Jannar 2000.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuna mpjegati maċ-ċivil li kienu morda u ma nstabux id-dar min tobba li marru iżurhom, is-sena l-oħra? Min liema dipartimenti kienu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li matul is-sena li għaddiet kien hemm 618 impjegat maċ-ċivil li kienu morda u ma nstabux id-dar minn tobba li marru jżuruhom. Dawn kienu fil-Ministeri msemmija hawn taħt:
MINISTERI
NUMRU TA’ MPJEGATI TAL-GVERN LI MA NSTABUX ID-DAR WAQT LI KIENU MORDA
Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali
14
Ministeru tat-Transport u Kommunikazzjoni
6
Ministeru ta’ l-Agrikoltura u Sajd
47
Ministeru għall-Politika Soċjali
52
Ministeru ta’ l-Edukazzjoni
7
Ministeru tas-Saħħa
409
Ministeru għal-Għawdex
36
Ministeru tal-Finanzi
41
Ministeru ta’ l-Ambjent
6
TOTAL
618
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu irrapurati każi ta' abbuż jew użu ħażin tat-telephone lil-pulizija is-sena l-oħra? Kemm ġew solvuti każi ta' dan it-tip?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena l-Pulizija kellha 12,000 rapport ta` telefonati anonimi, filwaqt li ġew rintraċċati 51.
Jista' l-Prim Ministru jgħi dkemm tkeċċew impjegati taċ-ċivil mix-xogħol is-sena l-oħra, għaliex u min liema dipartiment kienu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li kien hemm seba’ uffiċjali pubbliċi li tkeċċew mis-Servizz Pubbliku matul is-sena l-oħra.
L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onorevoli Interpellant tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa in-numru ta' impjegati taċ-ċivil sospiżi min xogħol illum u min liema dipartiment huma? Għaliex huma sospiżi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm erbgħin uffiċjal pubbliku li jinsabu interdetti mill-eżerċizzju tas-setgħat u tal-funzjonijiet tal-kariga tagħhom.
L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onorevoli Interpellant tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet sekwestrata propjeta u flus min persuni li nstabu ħatja b'reati konnessi ma traffikar tad-droga is-sena l-oħra u din is-sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li billi l-informazzjoni tehtieg ricerka fit-tul, ir-risposta tingħata f' seduta futura.