Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #30218 Sitting 662 2001-12-06 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Suldati — Kors

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm qed jattendu suldati għall-kors tal-army certificate of education class 2? Kif intgħażlu? Kemm applikaw u ma ntagħżlux?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Bħalissa hemm 102 suldati jattendu għal-lezzjonijiet li jwasslu għall-“Army Certificate of Education Class 2”. Dawn intgħażlu skond l-anzjanita` minn lista ta’ suldati li applikaw fl-1998. Għad fadal biss seba’ suldati li għadhom fuq il-lista ta’ l-applikanti. Dawn jingħataw l-opportunita` li jattendu għal-lezzjonijiet li jmiss isiru iktar ’l quddiem.
Leg 9 PQ #30219 Sitting 662 2001-12-06 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata — Maġġur

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif intgħażel il-maġġur li qed insemmi separatament għall kors ġewwa l-Italja? Jista' jgħid kemm hemm uffiċjali tal-istess rank li għandhom senjority aktar minnu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 30215 f’Seduta 661. Hemm ħames fizzjali li huma iktar anzjani minn dan il-fizzjal.
Leg 9 PQ #30220 Sitting 662 2001-12-06 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

FAM — Uffiċjali Kaddetti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm telqu uffiċjali kaddetti mill-aħħar ingaġġ li kien hemm fil-FAM? Xi kwalifii kellhom u għaliex telqu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li mill-aħħar ingaġġ ta’ għaxar uffiċjali-kadetti mal-Forzi Armati, li seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2001, tnejn spiċċaw mis-Servizz ftit ġranet wara. Dawn spiċċaw fuq talba tagħhom skond l-Artiklu 38(1)(a)(i) tar-Regolamenti dwar in-Nomini u l-Kundizzjonijiet tas-Servizz (Forza Regolari) ta’ l-1970. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ż-żewġ individwi kellhom iżjed kwalifiki milli kien meħtieġ skond is-Sejħa għall-Applikazzjonijiet li kienet ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern Numru 17,061 tas-27 ta’ Frar 2001.
Leg 9 PQ #30221 Sitting 662 2001-12-06 Oral · Interim From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata — Kors ġewwa l-Ingilterra

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif intgħażel il-maġġur li qed insemmi separatament għall-kors ġewwa l-Ingilterra. Kien hemm uffiċjali aktar senior minnu li applikaw għall dan il-kors u jekk iva għaliex ma intażlux? Jista' jgħid jekk hux vera li dan il-fiżjal deher fuq qoxra ta' flyer tal-partit nazzjonalista qabel l-aħħar elezzjoni u jekk iva, jistax' isir dan min membri tal-armata?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #30222 Sitting 662 2001-12-06 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Suldati — Fondi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid eżżattament x'inxtara mill-fondi li hemm ivvotati għas-suldati ta' riserva voluntiera din is-sena?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li matul din is-sena se jkunu ntefqu b’kollox Lm18,698.49c0 għall-Forza ta’ Riserva Voluntiera. Ma jidhirlix li l-informazzjoni l’oħra mitluba għandha tkun pubblikata
Leg 9 PQ #30223 Sitting 662 2001-12-06 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Search and Rescue Coordinator

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif l-uffiċjal li qed insemmi separatament intgħażel biex jintbgħat kors ta' search and rescue coordinator ġewwa l-Amerika? Kemm se jdum u kemm se jieħu allowance? Jista' jgħid jekk hux veru li dan il-fiżjal irrifjuta li jmur kors ta' flight instructor ġewwa l-Italja? Kemm kienet allowance kieku mar l-Italja? Jista' jgħid jekk dan l-uffiċjal li issa intbagħat kors l-amerika jistgħax jitlaq mill-armata meta dan jgħalaq il-25 sena servizz billi dan se jgħalaqhom daqlwaqt?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li l-uffiċjal intgħażel fuq bażi ta’ kwalitajiet personali, kwalifiki u esperjenza li għandu fil-qasam tat-titjir bil-“helicopter” u salvataġġ fuq il-baħar. Il-Kors hu twil erba’ ġimgħat u b’kollox se jiswa lill-Forzi Armati s-somma ta’ Lm402.65c. Jien infurmat ukoll li mhux minnu li dan l-uffiċjal irrifjuta li jattendi kors ta’ “flight instructor”. Ma hemm l-ebda paragun bejn il-kors li qiegħed jattendi, li hu twil erba’ ġimgħat, ma’ dak ta’ “flight instructor” li jieħu madwar sitt xhur. L-individwu ntrabat li jagħti żmien ta’ servizz wara l-kors skond kif isir għall-korsijiet simili.
Leg 9 PQ #30213 Sitting 661 2001-12-06 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċjali — Kors

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali li intbagħtu Sand Hurst għall-kors bażiku f'dawn l-aħħar 3 snin? Kemm hemm li inbgħatu aktar minn darba u kemm hemm li weħħlu jew ma spiccawx dan il-kors?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li fl-aħħar tliet snin b’kollox intbagħtu ħames uffiċjali tal-Forzi Armati. Minn dawn wieħed irritorna minħabba raġunijiet mediċi, u dan ma reġax intbagħat Sandhurst.
Leg 9 PQ #30214 Sitting 661 2001-12-06 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata — Fuel

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm flus ivvotati għal fuel tal-ajruplani u il-helicopters tal-armata din is-sena? Kemm kien l-ammont ivvutat kull sena għall-aħħar 4 snin?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ flus ivvutati għall-“helicopters” u ajruplani tal-Forzi Armati (inklużi l-“helicopters” tal-Missjoni Militari Taljana) għal din is-sena kien ta’ Lm124,055. L-ammonti vvutati għall-istess għan matul it-tliet snin ta’ qabel kienu kif ġej: 2000 - Lm81,105 1999 - Lm86,430 1998 - Lm84,680
Leg 9 PQ #30215 Sitting 661 2001-12-06 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fizjali tal-Armata — Kors l-Italja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm fizjjali tal-armata li qegħdin fuq kors ġewwa l-Italja illum? Kif intgħażlu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm fizzjal jattendi kors fl-Italja. L-għażla saret fuq dawn il-kriterji:- · Kwalifiki u anzjanita` · Il-Kariga li kien jokkupa meta saret l-għażla · L-avvanzament tal-karriera militari · Korsijiet militari li kien attenda sa dak iż-żmien Il-livell ta’ edukazzjoni partikolarment fil-Lingwa Taljana
Leg 9 PQ #30216 Sitting 661 2001-12-06 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skwadra Marittima tal-Armata — Fuel

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intuża fuel mil-iskwadra marittima tal-armata din is-sena? Kemm intuża mill-helicopter tal-armata u kemm sewa? Kemm intuża fuel mill-iskwadra tal-ajru tal-F.A.M. u kemm inħela mill-kumplament tal-karozzi u veikoli tal-FAM?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-użu ta’ “fuel” sat-30 ta’ Novembru 2001 kien:- Skwadra Marittima - Lm145,729.39c Skwadra ta’ l-Ajru inkluż il-“helicopters” - Lm97,862.00c Tal-Missjoni Militari Taljana Vetturi tal-Forzi Armati Lm66,000.00c
Leg 9 PQ #30206 Sitting 660 2001-12-05 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus ivvotati għall-armata is-sena l-oħra li ma intużgħawx mil-armata u reġġew ġew mgħoddija lura lill-gvern?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fl-aħħar tas-sena 2000 kien għad baqa’ Lm 155,255 fil-vot rikurrenti, jiġifieri 1.42%. Fil-vot kapitali kien għad baqa’ Lm109,408, jiġifieri 25.4%. Din is-somma kellha tintuża fuq proġett ta’ l-estensjoni tal-moll ta’ l-Iskwadra Marittima.
Leg 9 PQ #30207 Sitting 660 2001-12-05 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet is-sena l-oħra għal xogħlijiet jew spare units u/jew xi equipment ieħor li ma ġewx milqugħ mil-kap tal-armata minħabba li ma kienx hemm fondi biżżejjed?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li t-talbiet kollha li saru matul is-sena 2000 lill-Kmandant tal-Forzi Armati għall-xogħlijiet/“Spare units”/“equipment”, li kienu ta’ prijorita`, utilita` u ħtieġa għall-Forzi Armati, kienu milqugħa u approvati.
Leg 9 PQ #30208 Sitting 660 2001-12-05 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

F.A.M. — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet biex jispiċċaw suldati min mal F.A.M. sa Frar tas-sena 2002? X'rank għandhom u kemm ilhom ingaġġati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li hemm tmienja u għoxrin applikazzjoni għal tmiem ta’servizz mill-Forzi Armati, wara ħamsa u għoxrin sena servizz jew aktar, bejn it-3 ta’ Diċembru 2001 u l-aħħar ta’ Frar 2002. Dawn huma: Kaptan 1 Surġent Maġġur I 1 Surġent Maġġur II 5 “Staff Surgent” 4 Surġent 10 Bumbardier 3 “Lance Bombardier” 3 “Gunner” 1
Leg 9 PQ #30209 Sitting 660 2001-12-05 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-kap kmandant tal-armata jingħatax performance bonus? Jekk iva, kemm kienet is-somma tas-sena l-oħra u tas-snin ta' qabel? Jista' jgħid jekk il-performance bonus hijiex dipendenti fuq is-somma ta' flus mhux użati mil-armati minkejja li kienu ivvutati mill-parlament.

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

It-tweġiba għall-ewwel parti tal-mistoqsija hija fl-affermattiv. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, nirrepeti dak li ntqal fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Numru 7488, Seduta Numru 116, fit-8 ta’ Ġunju 1999, “Ma jidhirlix li għandhom jingħataw dettalji dwar “performance ratings” individwali”. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, l-ammont ta’ “performance bonus” li jingħata huwa bbażat fuq l-istess kriterji applikabbli għas-servizz pubbliku.
Leg 9 PQ #30210 Sitting 660 2001-12-05 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Commanding Officers

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien il-valur tal-performance bonus tal-commanding officers tat-tlett reġimenti tal-armata is-sena l-oħra u għat-tlett snin ta' qabel? X'inhuma il-kriterji fuq jiex inħadmu dawn il-figuri?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-valur totali tal-“performance bonus” tal-“Commanding Officers” tat-tliet reġimenti kien kif muri hawn taħt: 1997 - LM1787.99 1998 - LM1914.79 1999 - LM1982.80 2000 - LM1905.97 Dawn ir-“ratings” jinħadmu fuq l-istess kriterji applikabbli lill-uffiċjali tas-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #30211 Sitting 660 2001-12-05 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata — Kapijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-performance bonus tal-kapijiet tat-tlett regimenti iridx jiġi rakkomandat mil-brigadier, kap kmandant tal-armata?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Iva.
Leg 9 PQ #29740 Sitting 644 2001-11-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Prostituzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittelgħu persuni l-qorti din is-sena talli tlajjaw għal skopijiet ta' prostituzjoni? Kemm minn dawn kienu barranin u minn liema pajjiż kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-1 ta` Jannar sat-12 ta` Novembru 2001, tressqu quddiem il-Qorti 21 persuna fuq tlajjar għal skop ta` prostituzzjoni. Dawn kollha kienu Maltin, għajr tlieta li kienu Russi.
Leg 9 PQ #29734 Sitting 643 2001-11-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Qrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittelgħu persuni l-qorti din is-sena talli biegħu alcohol lit-tfal?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 29014, għadha tgħodd.
Leg 9 PQ #29735 Sitting 643 2001-11-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu ħabsin jieħdu d-droga waqt li kienu miżmuma l-ħabs din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena, sat-12 ta` Novembru, in-numru ta` ħabsin li nqabdu jieħdu d-droga kien ta` erbgħa.
Leg 9 PQ #29736 Sitting 643 2001-11-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn barranin jaħdmu Malta illum? Ta' liema nazzjonalita huma?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond l-aħħar lista ta` nies barranin li għandhom liċenzja ta` impjieg biex jaħdmu Malta ppubblikata mid-Dipartiment ta` l-Informazzjoni fil-5 ta` Novembru 2001, bħalissa hawn 1,969 persuna barranija jaħdmu f`Malta. Dawn il-barranin ġejjin mill-pajjiżi kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.