Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn machine guns, u/jew pistols liċenzjati illum?
Kemm minn dawn huma tat-tip mechanical machine guns u kemm tat-tip recoil u/jew gas operated?
Kemm minn dawn ġew manufatturati qabel is-sena 1900 u x'tip huma?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi mit-tagħrif disponibbli, jidher illi fil-preżent hawn reġistrati mal-Pulizija 175 machine gun u 4,068 pistoli. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hawn familji li kienu jieħdu ċ-children allowance kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm ħareġ il-gvern kull sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni fuq ir-relief illum? Kemm minn dawn huma nisa, kemm irġiel, kemm single u kemm miżżewġa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba. Fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 32490 li jien tajt f'Seduta Numru 721 ma kienetx tinkludi żewġ tipi oħra ta' Għajnuna Soċjali, dik għall-ġenitur singlu li mhux miżżewweġ u Għajnuna Soċjali għal dawk li jduru bil-ġenituri tagħhom. In-numru ta' persuni li kienu qed jirċievu dawn it-tipi ta' Għajnuna Soċjali f'Diċembru 2001 kien ta' 959 u 582 rispettivament. In-numru ta' dawk li qed jirċievu dawn iż-żewġ tipi ta' Għajnuna Soċjali llum hu 1022 u 570 rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn hand guns liċenzjati llum? X'tip huma u x'inhi s-sena ta' manifattura tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mit-tagħrif disponibbli, jidher illi l-armi reġistrati fil-preżent, li jistgħu b`xi mod jinkwadraw taħt id-definizzjoni ta` hand guns, huwa ta` 11,433. Minn dawn 3,849 huma revolvers, 4,068 huma pistoli filwaqt li 3,516 huma airguns.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn armi tan-nar awtomatiċi liċenzjati llum? X'tip huma u x'inhi s-sena ta' manifattura tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mit-tagħrif disponibbli jidher illi l-armi reġistrati fil-preżent, li jistgħu b`xi mod jinkwadraw taħt id-definizzjoni ta` awtomatiċi, huwa ta` 27,304, li minnhom 22,949 huma snieter.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn shooting ranges illum? X'tip ta' sparar isir fihom? Liema huma r-ranges liċenzjati llum u kemm hemm oħra applikanti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 4 shooting ranges liċenzjati mill-Pulizija, u dawn huma għal sparar ta` skeet, trap u clay pigeon. Wieħed minn dawn ir-ranges huwa liċenzjat ukoll għal sparar bl-airguns. Infurmat ukoll illi hemm applikazzjoni waħda pendenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm liċenzjati armi tan-nar li ma humiex snieter u li s-sena tal-manifattura tagħhom hi post-1900? X'tip huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sistema kompjuterizzata miżmuma mill-Pulizija ma kenitx maħsuba sabiex tikkwalifika l-armi reġistrati bil-mod kif qed jitlob l-Onorevoli Interpellant. Madankollu, mit-tagħrif disponibbli jidher illi l-armi reġistrati fil-preżent, li ma humiex snieter jammonta għal 18,890.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu barranin il-qorti din is-sena, minn fejn kienu u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u t-30 ta` April ta` din is-sena, il-Pulizija ressqet 564 persuna ta` nazzjonalita` barranija quddiem il-Qorti, minn dawn il-pajjiżi:
Afganistan, Algeria, Awstrija, Bulgaria, Bangladesh, Eġittu, Eritrea, Ethiopia, Franza, Ġermanija, Ġordan, Iraq, Italja, Lebanon, Marokk, Moldavia, Nigeria, Olanda, Pakistan, Portugal, Renju Unit, Russja, Rumanija, Sirja, Sudan, Svezja, Turkija, Tuneżija, Stati Uniti, Ukranja u Jugoslavia.
L-akkużi kienu jinkludu serq, offiża fuq il-persuna, pussess/traffikar ta` droga, theddid u inġurji, reżistenza fuq uffiċjali pubbliċi, ħsara volontarja, offiżi sesswali, kontravenzzjonijiet tat-traffiku u ksur tal-liġi ta` l-Immigrazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn barranin jgħixu Malta llum u minn fejn huma?
Response (BORG, TONIO)
Dwar in-numru ta` residenti permanenti barranin li għandhom permess biex jgħixu Malta nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 33355 f`din l-istess Seduta.
Residenti barranin li wkoll qed jgħixu fostna huma dawk li għandhom liċenzja ta` impjieg (work permit) u informazzjoni dwarhom tinsab fit-Tabella "A" li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Hemm ukoll 2,778 persuni barranin li jinsabu Malta bis-saħħa ta` permess mogħti lilhom mill-Uffiċjal Prinċipali ta` l-Immigrazzjoni (Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija). Il-provenjenza ta` dawn il-persuni, li kellhom "Valid Extension of Stay in Malta" fil-15 ta` Mejju 2002, hi kif tidher fit-Tabella "B" li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni barranin li għandhom resident permit illum u kemm hemm minnhom li huma mill-Unjoni Ewropea u/jew pajjiżi applikanti? Kemm hemm minnhom li ilhom jgħixu hawn għal erba' snin, ħames snin jew aktar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll illi ma tinżammx statistika ta` kemm ikunu ilhom jgħixu Malta dawn il-persuni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtrat proprjeta` s-sena l-oħra u din is-sena minn persuni barranin u minn liema pajjiż kienu?
Response (DALLI, JOHN)
Nqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tabelli "A" u "B" fejn juru n-numru ta' permessi li ngħataw liċ-ċittadini barranin biex jixtru propjeta' mmobbli s-sena l-oħra u din is-sena rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati reati lill-pulizija din is-sena fejn fihom intużat arma tan-nar? X'tip ta' arma tan-nar kienet f'kull każ u kemm minnhom kienu liċenzjati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel erba` xhur ta` din is-sena, il-Pulizija kellha 27 rapport ta` reati li b`xi mod kienet involuta arma tan-nar. F`4 każi l-arma użata kienet airgun, f`9 kienet pistola, fi 2 pistola jew revolver, fi 2 oħra kien revolver filwaqt li fl-10 każi l-oħra l-arma użata kien senter. Minn dawn waħda irriżulta li kienet liċenzjata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kinitx teżisti skema fl-AFM fejn personell mil-armata setgħu jitolbu transfers għal ġo dipartimenti oħra tal-Gvern wara li jkunu instabu 'unfit for active duty' min board mediku? Meta daħlet din l-iskema u kemm ibenifikaw, x'rank kellhom u fejn inbgħatu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Dawk il-membri tal-Forzi Armati li kienu nstabu “medically unfit for military service”, qabel ma kienu jkunu “discharged” mis-Servizz, kienu jingħataw l-opportunita` li jkomplu jagħmlu xogħol ta’ natura ċivili ma’ xi dipartiment tal-Gvern jekk kienu jissodisfaw kriterji stabbiliti. Din l-opportunita` bdiet tingħata f’April 1991 u twaqqfet f’Jannar 1996.
Żewġ bumbardiera u ħames “gunners” kienu għażlu li jkunu “posted” ma’ dipartimenti: tnejn mad-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni, tnejn mad-Dipartiment tax-Xogħolijiet u tlieta mad-Dipartiment tal-Mużewijiet
.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sidien tad-djar li kien hemm quddiem il-kerrejja iż-żgħira ġo Conception St, Msida, tħallsux jew le. Jekk le, kemm baqa sidien li ma tħallsux u x'inhu iżomm il-ħlas?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm uħud mis-sidien tad-djar f`Conception Street, Msida li tħallsu waqt li hemm oħrajn li għadhom ma tħallsux.
Fondi f`Conception Street, Msida li sar ħlas għalihom huma dawn: Nru 27, 30, 33, 34, 35, 36, 43, 46, 49, 50, 52, 54, 56, 57 u 58. Sar ukoll ħlas għal l-utile dominju ta` Nru 40 u 44.
Fondi f`Conception Street, Msida li għadu ma sarx ħlas għalihom huma dawn: Nru 26, 28, 29, 31, 32, 37, 41, 42, 45, 47 u 48. Id-dirett dominju ta` Nru. 40 u 44 għadu wkoll ma sarx.
Il-ħlas ta` dawn ta` l-aħħar għadu ma sarx għaliex għad hemm xogħol preliminari li jrid isir, fost dan li jiġi aċċertat mid-Dipartiment min huma s-sidien tal-fondi msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li dawk ir-residenti tal-HE ta' Ta Xbiex fejn qed isiru il-lifts se jkollhom iħallsu Lm 1500 jekk ikunu xtraw l-flat? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan hux veru u kemm fill-fatt se jħallsu dawk li xtraw il-flat u dawk li qed jikru? Jidirlux il-Ministru illi l-Lm 1500 hija għolja u trid tiġi riveduta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lifts kollha installati mill-Awtorita' tad-Djar fi Blokki ta' appartamenti tal-Gvern, jiġu mħallsa mill-Awtorita'. Dawk ir-residenti li jkunu bil-kera ma jiġux mitluba jħallsu għall-ispejjeż ta' l-installazzjoni. Iżda dawk ir-residenti li huma sidien jintalbu jħallsu sehemhom mill-ispejjeż ta' l-installazzjoni a proporzjon tan-numru ta' l-appartamenti fil-Blokk. L-Awtorita' tad-Djar tissussidja lill-dawn is-sidien b'50% ta' l-ispejjeż.
Jista' l-Ministru jara li s-siġar li hemm quddiem id-dar tal-anzjani Marina Palace ġo Msida Rd, Msida jinżabru għaliex qed ifixklu il-veduta tar-residenti billi issa ffullaw ħafna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li t-talba ta' l-Onor. Interpellant qed tkun mistħarrġa. Ta' min isemmi li ż-żabra tas-siġar titwettaq skond il-bżonn u t-tip tas-siġra, kif ukoll iż-żmien u l-effetti li żabra spissa jista' jkollha fuq l-għeruq u strutturi viċin tas-siġar.
Jista' l-Ministru jara jekk il-bini li tiela quddiem l-iskola St Martins f'Swatar, Msida hux qiegħed jittela' skond il-permess kif maħruġ mill-PA? Jista' il-Ministru jara illi ix-xogħol li qed isir, isir f'ħinijiet ragonevoli u ma jsirx użu min hymac għall-ħiniet twal tal-ġurnata li anke qed tikkawża ħsarat strutturali fil-bini tal-madwar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-iżvilupp in kwistjoni huwa kopert bil-permess tal-bini meħtieġ ċioe` PA 03393/00 maħruġ fl-20 ta` Novembru 2001. Minn l-aħħar spezzjoni li saret fuq il-post fis-6 ta` Mejju 2002, jirriżulta illi x-xogħol li sar s`issa jikkonsisti biss minn tqattiegħ ta` blat bħala preparament għal livelli ta` ‘basements’ li hemm proposti. Għaldaqstant xogħol ta` kostruzzjoni għadu ma bediex. Rigward il-ħinijiet tax-xogħol, l-iżviluppatur huwa marbut sabiex jaħdem bejn is-7am u 7pm mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7am sal-5pm nhar ta` Sibt u li ma jsir l-ebda xogħol fil-Ħdud u l-Festi. Il-ħsarat strutturali tal-madwar li jistgħu jiġu ikkawżati lil terzi persuni huma regolati mill-liġi ċivili. L-iżvilupp qed ikun segwit mill-istess Awtorita` sabiex jiġi assigurat illi l-kundizzjonijiet tal-permess ikunu osservati.