Buġibba – water park – infezzjonijiet u problemi mediċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk waslulux rapporti li fil-ġranet ta’ bejn is-6 u t-8 ta’ Lulju 2014, ddaħħlux tfal fl-Isptar Mater Dei li kienu qed ibatu minn xi forma ta’ infezzjoni jew problemi mediċi oħra, wara li kienu għamlu użu mill-water park li hemm Buġibba? Jekk iva, kemm kien hemm tfal li ddaħħlu l-isptar b’riżultat ta’ dan? X’passi ħa l-Ministeru biex jivverifika li l-ilma użat mhux ikkontaminat?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ma jirriżulta ebda dħul ta’ tfal fl-Isptar Mater Dei fi żmien imsemmi li kienu qed ibatu minn xi forma ta’ infezzjoni jew problemi mediċi oħra wara li għamlu użu mill-water park ta’ Buġibba.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – rapporti dwar leakages ta’ drenaġġ
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10221, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jagħti l-informazzjoni kif mitluba fid-domanda, għaliex ir-risposta kif mogħtija hi nieqsa għal kollox mill-informazzjoni mitluba? Jista’ jassigura li tiġi mwieġba l-istess domanda u jkun speċifiku fl-informazzjoni li jagħti?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant ii rigward ħruġ ta’ drenaġġ ġew irrapurtati dawn il-każijiet – 14 (erbatax) ġewwa n-Naxxar, 36 (sitta u tletin) f’San Pawl il-Baħar u 14 (erbatax) fil-Mellieħa. Rigward riżultati nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10221 (għaxart elef, mitejn, wieħed u għoxrin).
Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar — xogħlijiet ta' konkos
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien użat konkos mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar bejn l-ewwel ta' Ottubru 2013 u llum u kemm ġie jiswa f'ammont totali? Fejn intuża dan il-konkos u x'kien l-iskop li għalih, għal kull każ, kien użat dan il-konkos? Xi proċedura irid juża bniedem li għandu bżonn xogħol ta' dan it-tip f'xogħlijiet simili fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif infurmat mill-Kunsill Lokali kkonċernat, fil-perijodu indikat minnu l-konkos intuza f’diversi xogħlijiet ta’ patching u manutenzjoni f’toroq differenti tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar bi spiża ta’ €5,419. Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawil il-Baħar li l-proċedura użata hija dik li persuni javviċinaw l-uffiċju amministrattiv sabiex idaħħlu l-ilmenti tagħhom, u tittieħed azzjoni li titqies bħala neċessarja wara li ssir l-ispezzjoni.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru waslulux rapporti minn sajjieda Maltin li waqt li jkunu qed jistadu qed jintalbu minn awtoritajiet militari barrani, biex jieqfu mill-attività tas-sajd li jkunu qed iwettqu biex possibilment jagħtu sehemhom fis-salvataġġ ta' persuni li jkunu qed jagħmlu vjaġġi bejn l-Afrika ta' Fuq u l-Ewropa? Jekk il-Ministeru hu konxju minn din is-sitwazzjoni, jista' jagħti tagħrif dwar x'passi qed jittieħdu biex jiġu salvagwardati l-interessi tas-sajjieda Maltin?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li fil-fatt kien hemm każ wieħed fejn id-Dipartiment tas-Sajd irċieva informazzjoni verbali mingħand sajjied fejn qal li awtoritajiet militari barranin talbuh jgħin f’salvatagg.
Minn tkixxif li għamel d-dipartiment mal-Forzi Armati ta’ Malta jirriżulta li f’kaz ta’ salvatagg bħal dan il-Forzi Armati ta’ Malta tkun qed tikkordina mal-forzi militari tal-pajjiżi ġirien in kwistjoni sabiex isir salvatagg. Jien infurmat li taħt l-artiklu 98 tal-UNCLOS kull bastiment jista’ jkun ordnat biex jagħti assistenza ta’ salvatagg skont kif ikun il-bżonn. Dan il provediment partikolari ma jaqax taħt ir-responsabbilita’ tad-dekasteru tiegħi u allura dwar l-aħħar punti tal-mistoqsija nitlob lil-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl - pelican crossing
Question
Jista' l-Ministru jitlob lill-Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar biex jieħu l-passi neċessarji ħalli fi Triq San Pawl, in-naħa tal-Veċċja, x'imkien qrib iż-żewġ bus stops li hemm qabel tibda t-telgħa, tkun tista' ssir zebra crossing, possibliment pelican crossing, biex in-nies li joqogħdu fl-inħawi jkunu jistgħu jaqsmu mingħajr periklu żejjed għalihom, kif ukoll għas-sewwieqa li jkunu għaddejjin minn hemm hekk?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra, l-għaliex l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Kunsilli lokali tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar — proġetti
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-proġetti li dwarhom il-kunsilli lokali tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar taw il-fehmiet tagħhom għall-applikazzjonijiet li kien hemm pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? F'liema laqgħat tal-kunsill ta' dawn il-loklaitajiet, kienet deċiża l-pożizzjoni li ttieħdet dwar dawn l-istess proġetti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
12-il Distrett Elettorali — proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti parzjalment iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea għaddejjin bħalissa fil-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali, liema proġetti huma koordinati mill-kunsilli lokali rispettivi? Għal kull wieħed minn dawn il-kunsilli liema proġetti oħra wkoll finanzjati mill-Unjoni Ewropea huma diġà approvati, iżda għadu ma nbediex ix-xogħol fuqhom? Liema proġetti oħra saru l-applikazzjonijiet għalihom, iżda għadu ma ġiex deċiż x'se jiġri mill-istess applikazzjonijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif provduta mill-Kunsilli Lokali rispettivi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-bylaws li kienu approvati mill-kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali, matul l-aħħar sentejn, u li ġew approvati wkoll fil-livell ta' Gvern Ċentrali? Meta ġew ippublikati dawn l-istess bylaws, f'kull każ b'mod differenti? Meta daħlu fis-seħħ dawn l-istess bylaws?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni li ghandu d-dipartiment, f’dawn l-aħħar sentejn ma kien hemm ebda talba minn xi Kunsill Lokali tat-tnax il-distrett għall-pubblikazzjonijiet ta’ Bye- Laws.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti ta' restawr għaddejjin bihom il-kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali? Meta nbeda x-xogħol ta' restwar f'kull każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsilli Lokali rispettivi li attwalment il-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa u tan-Naxxar mhux għaddejin bi proġetti ta’ restawr waqt li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għaddej b’żewġ proġetti ta’ restawr. Dawn huma fuq il-Ġiebja tad-Dejma, li beda f’April 2014 u l-Istruttura tal-Erba’ Mwieżeb, li beda f’Marzu 2014.
Transport Malta – kumpens għall-ħsarat fil-vetturi
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet, minn individwi li kellhom ħsara fil-vettura tagħhom u li talbu li jiġu kkompensati għad-danni li sofrew minħabba dawn il-ħsarat mit-toroq Maltin, kull sena, bejn l-2012 u llum, liema talbiet saru direttament lill-Transport Malta? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema minn dawn it-talbiet ġew aċċettati u liema għadhom pendenti quddiem l-istess Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
Sena
Numru ta’ Talbiet
Talbiet Milqugħa
Talbiet Miċħuda
Talbiet Kumpensati minn Terzi
Każijiet il-Qorti
Pendenti
2012
141
50
64
6
3
18
2013
75
20
40
3
0
12
2014*
44
8
12
0
2
22
*Informazzjoni sal-aħħar ta’ Ġunju
San Pawl il-Baħar – xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni tas-Salini
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhu s-sehem li għandu l-Ministeru f’dawk li huma x-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni li qed isiru fis-Salini, limiti ta’ San Pawl il-Baħar/Naxxar? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk hemmx diffikultajiet li jikkonċernaw lill-Ministeru tiegħu, jew xi dipartiment ieħor li jaqa’ taħtu biex ix-xogħol li għad fadal jitkompla, u filfatt ikun jista’ jitkompla fl-iqsar żmien possibbli? Meta hu mistenni li jintemm x-xogħol li fih hemm parteċipi l-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
San Pawl il-Baħar, in-Naxxar u l-Mellieħa – xogħlijiet infrastrutturali
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’xogħlijiet ta’ natura infrastrutturali huma mistenni li jseħħu matul it-12-il xahar li ġejjin, għal kull waħda mil-lokalitajiet li hemm fit-12-il distrett elettorali u ċjoè fil-Mellieħa, fin-Naxxar, u f’San Pawl il-Baħar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpelalnt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-infomazzjoni mitluba hekk kif miġbura mill-Kunsilli Lokali kkonċernati.
Dipartiment responsabbli mill-Kunsilli Lokali – passi kontra l-kunsilli lokali
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’passi jieħu d-Dipartiment responsabbli mill-Kunsill Lokali meta jirriżulta li jkun hemm informazzjoni żbaljata li tingħata fir-risposti parlamentari li jsiru dwar xogħlijiet jew funzjonijiet li suppost ikunu qed iwettqu l-kunsilli lokali? Kemm kien hemm każijiet fejn id-dipartiment kellu jieħu passi fil-konfront ta’ xi kunsilli partikolari, matul din is-sena? Liema kienu l-kunsilli involuti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsilli Lokali kollha jagħmlu l-għalmu kollu tagħhom biex iwieġbu fil-ħin għall-mistoqsijiet parlamentari bl-aktar mod immedjat u korrett, minkejja l-pressjoni kbira tal-ħin. Tali instanti fejn Kunsill Lokali jagħti informazzjoni skorretta huma remoti. Infurmat ukoll iżda li dan l-aħħar kien hemm żewġ każijiet fejn Kunsill Lokali ta informazzjoni skorretta fit-tweġibiet tiegħu bl-informazzjoni għall-mistoqsijiet parlamentari. Dawn kienu jirrigwardjaw lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li, wara li nġibditlu l-attenzjoni, wieġeb li dan sar bi żvista. Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ġibed l-attenzjoni tas-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar fiż-żewġ każijiet. Id-Dipartiment wissieh biex jagħti attenzjoni xierqa biex l-informazzjoni li jgħaddi tkun korretta u li għandu jivverifika tali informazzjoni qabel jibgħatha biex jiġi formulat l-abbozz tat-tweġiba Parlamentari.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – rapporti dwar leakages ta’ drenaġġ
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il rapport ta’ leakage ta’ drenaġġ ġie investigat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, f’kull waħda mil-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali u ċjoè l-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar? X’kienu r-riżultati wara li saru dawn l-istess investigazzjonijiet?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-maġġoranza tal-każijiet ġew analiżżati u fejn kien hemm bżonn saru it-tindif u t-tiswijiet neċessarji. Hemm numru ta’ każijiet minnhom qegħdin preżentement jiġu nvestigati kemm mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kif ukoll mid-Dipartiment tas-Saħħa. Oħrajn ġew riferuti lill-istess Dipartiment biex isir intervent fuq sistemi ta’ drenaġġ privati.
12-il distrett elettorali – rapporti ta’ pressa baxxa tal-ilma
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm rapporti ta’ pressa baxxa tal-ilma tax-xorb jew qtugħ mhux ippjanat matul din is-sena f’kull waħda mil-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali? X’kienu r-raġunijiet għal dan il-qtugħ?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena ġew irreġistrati 46 (sitta u erbgħin) każ ta’ pressa baxxa fit-12-il distrett. Dawn il-każijiet ġew indirizzati u jista’ jingħad li llum il-ġurnata huma lkoll solvuti.
Billi f'risposti preċedenti dejjem ingħad li l-Ministeru ma’ ħa l-ebda pożizzjoni kontra li l-bandli ta' quddiem l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar jitlestew, u billi dawn l-istess bandli baqgħu qatt ma saru għaxskont xniegħat li jiżdiedu kuljum minħabba li l-iskola ser tispiċċa minn fejn hi, jista' l-Ministru jassigura li ma kien hemm l-ebda bidla għal dak li jikkonċerna l-pożizzjoni tal-Ministeru, jew id-dipartimenti li jaqgħu taħtu, biex il-bandli jkunu jistgħu jitkomplew, biex fl-aħħar ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jiġu utilizzati bħala bandli, minflok jibqgħu spazju dejjem iktar abbandunat, iktar u iktar meta snin ilu kien hemm finanzi approvati taħt l-urban improvement fund biex dawn il-bandli jitlestew?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm ebda bidla ta' pożizzjoni minn dik deskritta fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9593.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet iż-żieda globali ta' studenti li attendew l-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar, matul is-sena skolastika li għadha kif intemmet? Kemm kienet iż-żieda fin-numru ta’ studenti mhux Maltin li kienu jattendu f'din l-iskola, kemm fil-bidu tas-sena skolastika kif ukoll fl-aħħar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar x'inhu x-xogħol li fadal biex jitlesta l-proġett tas-Salini, limiti ta' San Pawl il-Baħar/Naxxar? Preżentement, kemm mix-xogħol huwa lest , u x'inhi r-raġuni li bħalissa ftit li xejn għaliha jidher li għaddej xogħol fuq il-post? Jista’ jgħid jekk ix-xogħol li għaddej fuq il-Coast Road hux mistenni li jaffettwa l-konfini tal-istess proġett tas-Salini? Jekk iva, kif ser jiġi effettwat dan l-istess proġett minħabba din it-triq? Meta hu mistenni li jkun lest il-proġett kollu kemm hu, u kemm ser jiġi jiswa’ meta jkun lest? Matul l-aħħar xhur x'bidliet kien hemm fil-pjanti ta' dan il-proġett, u liema bidliet oħra hu mistenni li jseħħu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ix-xogħol li għad fadal isir fuq il-proġett tas-Salini hu dan:
1. Tinħareġ it-tender għall-pedestrian bridge li mistennija toħrog fil-ġimgħat li ġejjin.
2. Jinbeda x-xogħol fuq it-tender tar-rijabiltazzjoni tas-salt marsh u l-garigue.
3.Toħroġ tender għall-esebiti kif ukoll jonqos xi xogħol fuq il-finishes tal-huts il-ġodda li nbnew bħala parti minn dan il-proġett, liema xogħol mistenni jitlesta sal-aħħar ta' Lulju 2014.
4. Fadal ukoll isir xi xogħol ta’ landscaping .
Il-proġett jinsab fi stat avvanzat ta' tlestija . Ix-xogħol tal-Coast road sa issa mhux mistenni li jaffetwa l-konfini tal-istess proġett tas-Salini.
Il-proġett hu mistenni li jitlesta sal-aħħar ta' din is-sena.In-nefqa totali fuq il-progett mhix magħrufa f'dan l-istadju minħabba li għad hemm diversi xogħlijiet pendenti inkluż il-ħruġ ta' xi tenders.
L-unika bidla li kien hemm fil-pjanti ta' dan il-proġett tikkonċerna pedestrian tunnel li min- naħa tax-Ximenes Redoubt kien ser jipprovdi aċċess għas-sit. Ġie deċiż li dan it-tunnel jitneħħa mill-proġett. S’issa m'hemmx pjanijiet ta' xi bidliet oħra fil-proġett.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Ħatab - pressjoni tal-ilma baxxa
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fi Triq il-Ħatab, San Pawl il-Baħar u l-inħawi ta' madwar, fejn issa għal diversi jiem kien hemm pressjoni tal-ilma baxxa, din is-sitwazzjoni ma tibqax tippersisti b'dannu għar-residenti?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjon għas-Servizzi tal-Ilma ħadet il-miżuri kollha neċessarji sabiex tnaqqas dan l-inkonvenjent mill-aktar fis possibli u issa l-problema hija solvuta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' anzjani li jgħixu waħidhom, u li għandhom iktar minn 60 sena, skont informazzjoni li għandu l-Ministeru? Kif inhuma mqassmin dawn il-persuni, lokalità lokalità?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità m’għandux l-informazzjoni mitluba. Madanakollu jirriżulta li mill-aħħar ċensiment li kien ippubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fis-sena 2011 kien hemm 14,472 anzjan/a ta‘ età ‘l fuq minn 65 sena li joqogħdu waħedhom.