Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta — bus shelter approvati

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji neċessarji dwar liema huma l-bus shelters li Transport Malta approvat li għandhom jiġu stallati? Kemm minn dawn il-bus shelters intalab permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex ikunu jistgħu jitpoġġew f'posthom? Kemm minnhom għandhom tali permess iżda għadhom ma tpoġġewx? Għal kull wieħed minn dawn il-każijiet ta' bus shelters approvati li jiġu stallati minn Transport Malta, jista' jagħti d-dettalji ta' fejn jinsabu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi Transport Malta approvat 47 bus shelters għat-twaħħil, li d-dettalji taghhom qegħdin jiġu impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. Minn dawn il-bus shelters ġew mitluba 43 permess mingħand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar illi minnhom diġà ġew approvati 42 bus shelter. Dawn ix-shelters għad iridu jiġu installati. Wara illi ltaqgħet ma’ diversi kunsilli lokali, Transport Malta qegħda fi stadju li tevalwa numru ta’ talbiet oħra għal twaħħil ta’ bus shelters.

Triq il-Kosta — studju fuq it-traffiku

Question

Billi riċentement kienet approvata bidla fil-pjanta tat-Triq il-Kosta fejn din l-istess triq tgħaqqad mad-dħul/ħruġ mill-Magħtab għal Triq il-Kosta, jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar jekk sarux studji dwar it-traffiku, dwar kif din il-bidla se taffettwa partijiet oħra tat-traffiku matul il-Kosta, u b'mod partikulari kif din l-istess bidla fil-pjanta se taffettwa t-traffiku li minn u lejn in-Naxxar jikser ħdejn is-Salina (il-junction li tgħaqqad Triq il-Kosta mad-direzzjoni tat-traffiku lejn in-Naxxar)?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-permess tat-twessiegħ tas-Salina Coast Road il-junction ta’ Qalet Marku kienet waħda mir-reserved matters tal-Mepa minħabba li l-istess Mepa nfurmat lit-Transport Malta illi din hija żona ambjentalment sensittiva ħafna. Għalhekk għandu jkun hemm revizjoni tad-disinn biex tittieħed inqas art mill-madwar tal-istess junction in- kwistjoni. Wara diversi diskussjonijiet mal-Mepa u riferenza mal-istandards tat-toroq, id-disinn li ġie aċċettat mill-Mepa kien wieħed ta’ T-junction li jippermetti dħul u ħruġ tat-traffiku għal fuq il-karreġġjata li tagħti għal San Pawl il-Baħar. Minħabba li din il-junction qiegħda wkoll f’ kurva, biex tiġi mħarsa s-sigurta’ tat-traffiku li juża l-istess junction is-central strip li tisseppara ż-żewġ karreggjati hemm bżonn li tibqa kontinwa fit-tul tal-istess triq. Għalhekk id-dħul u l-ħruġ minn u għall-karreġġjata li tagħti għal San Ġiljan ser ikun permezz tal-użu ta’ żewġ roundabouts, u cioe’ r-roundabout li ser tkun l-aċċess il-ġdid għas-sit tal-Wasteserv u r-roundabout ta’ Baħar iċ-Ċagħaq.

Transport Malta — Bypass ta' San Pawl il-Baħar - talbiet għall-parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta irċevitx talbiet partikolari biex matul il-bypass ta' San Pawl il-Baħar jibdew jiġu pparkjati vetturi jew trailers? Jekk iva minn min saret u meta? Jista' jagħti tagħrif dwar x'pożizzjoni ħadet Transport Malta dwar dan is-suġġett?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li, minn riċerka li saret fl-arkivji tal-Awtorità tat-Trasport, irriżulta li ma kien hemm l-ebda talba għall-ipparkjar ta' vetturi kbar fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar.

San Pawl il-Baħar — bandli

Question

Billi minn diversi risposti parlamentari jirriżulta li l-Ministeru għall-Edukazzjoni qatt ma kellu oġġezzjonijiet biex jitkompla x-xogħol fuq il-bandli ta' ħdejn l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar u billi jirriżulta wkoll li hemm fondi li ġejjin mill-Urban Improvement Fund biex ikun jista' jsir dan il-proġett, liema fondi ilhom available madwar tlett snin, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu jżomm li dawn il-bandli jitkomplew? Minbarra hekk billi f'ripsota għal domanda parlamentari 10219, qed jingħad li l-Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar mhux se jagħmel l-ebda proġett infrastrutturali matul it-12 il xahar li ġejjin, jista' jagħti tagħrif dwar jekk dan ifissirx ukoll li dawn il-bandli żgur mhux se jsiru matul dan il-perijodu ta' zmien?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-possibiltà li kien se jkun hemm estensjoni tal-Iskola Primarja żammu milli jkompli bil-proġett tal-bandli msemmi. Infurmat iżda mill-istess Kunsill Lokali li ser jinbeda l-proċess f’dan ir-rigward u l-proġett jinbeda malli jkollu l-approvazzjonijiet meħtieġa.

Tibdil fl-iskeda tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif inhi differenti, din is-sena l-iskeda tat-trasport pubbliku li qiegħda titlaq minn xi venda fil-limiti tal-Mellieħa, biex tkun tista' twassal passiġġieri li jridu jieqfu x'imkien f'San Pawl il-Baħar u viċi versa? Kif ittieħdu d-deċiżjonijiet li jkun hemm dawn il-bidliet, u x'tip ta' diskussjoni kien hemm mal-kunsilli lokali rispettivi biex dawn il-bidliet setgħu jseħħu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskeda tas-servizz tat-trasport pubbliku tinbidel għall-perjodu tas-sajf, fejn tiżdied il-frekwenza fuq ċertu rotot. Għalkemm l-iskeda tas-Sajf għadha ma daħlitx fis-seħħ, xorta waħda kien hemm żieda fil-frekwenza fuq ir-rotot biex jaqdu il-lokalitajiet imsemmija.

Buġibba u Qawra — interactive boards

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija rċevewx rapporti dwar il-fatt li l-interactive boards/ panels li twaħħ;lu fil-front ta' Buġibba/Qawra kienu qed juru siti pornografiċi? Kemm-il rapport kien hemm, u fuq liema minn dawn il-boards kien qed jiġri dan? Jista' jagħti dettal dwar x'irriżulta mill-investigazzjoni li saret, u x'passi ttieħdu jekk ittieħdu passi?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru ir-riċerki mal-Pulizija tal-Qawra u ta’ San Pawl u jidher li sat-12 ta’ Lulju, il jum meta ġew konklużi ir-riċerki, ma kien hemm l’ebda rapporti fuq il-materja in kwistjoni u għalhekk ma setgħu jittieħdu l-ebda passi.

Korp tal-Pulizija — okkazzjonijiet f'San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema okkazzjonijiet se jiġu organizzati mill-Korp tal-Pulizija fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa matul ix-xhur tas-sajf? F'liema nħawi tal-lokalità se jiġu organizzati dawn l-istess attivitajiet?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nhar il-Ġimgħa, 11 ta' Lulju 2014, fit-8.30 p.m. ser tinżamm attivita' f'Buġibba fl-okkażjoni tal-biċentinarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija. Din l-attivita' ser tikkonsisti f'marċ u kunċert mill-Banda tal-Pulizija f'Misraħ il-Bajja segwit minn wirja mill-Precision Drill Team u wirja oħra mis-Sezzjoni tal-Klieb. Ikun hemm ukoll presenza ta' żwiemel tal-Kavallerija u mutur mit-Taqsima tat-Traffiku.

Programmi ta' esperimentazzjoni ta' ħxejjex u frott ġdid

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kienx mitlub li jipparteċipa f'xi programm partikolari ta' esperimentazzjoni ta' ħxejjex jew frott ġdid għal hawn Malta? Minn min qed isiru dawn l-esperimenti u x'kollaborazzjoni kien hemm bejn il-Gvern u l-persuni nvoluti?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku għal liema programm qed jirriferi għalih. Għaldaqstant infakkar li l-esperimentazzjoni ta’ ħxejjex u frott huma part and parcel mix-xogħol ta’ kuljum tad-Dipartiment tal-Agrikoltura.

Afrika ta' Fuq — Għoġġiela u barrin

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li jintbagħtu għoġġiela/barrin lejn l-Afrika ta' Fuq (pajjiż pajjiż) sal-aħħar ta' din is-sena? Kemm hu n-numru ta' għoġġiela li jitwieldu kull sena (bejn wieħed u ieħor), f'Malta u f'Għawdex?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, s’issa qatt ma ntbagħtu għoġġiela/barrin lejn l-Afrika ta’ Fuq. Sadanittant mgħarraf li minn Jannar 2011 sa l-aħħar ta Ġunju 2014 kien hemm wild ta’ 17,809 għoġol.
Leg 12 PQ #10322 Sitting 177 2014-07-15 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Karozzi li jkunu involuti f'inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga r-raġuni li għaliha meta persuna tkun involuta f'inċident tat-traffiku, u l-parti l-oħra taċċetta t-tort tal-każ, jispiċċa mingħajr karozza, jew mezz ta' trasport ieħor, matul il-perijodu sakemm jiġu deċiżi l-modi kif se ssir it-tiswija, u hu biss għall-perijodu ta' żmien meta l-vettura tiegħu tkun qiegħda tiġi rranġata li dak li jkun hu ntitolat għall-karozza, u dan meta fil-fatt hu ma jkollu l-ebda tort, biex jew jibqa bla vettura għal perjodu ta' żmien jew inkella jkollu jħallas minn butu għal tali kirjiet?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġeneralment, il-parti li ma jkollhiex it-tort tkun intitolata li titlob lill-kumpanija tal-assikurazzjoni tal-parti terza (jiġifieri dik li jkollha tort) biex tipprovdilha vettura temporanja jew tkopri l-ispejjes tal-kirja, mhux biss għall-perjodu li matulu tkun qed tissewwa l-karozza, iżda wkoll għaż-żmien li forsi jkollha tistenna biex jinkisbu il-parts meħtieġa. Dan ġie wkoll stipulat mill-Qrati ta’ Malta f’sentenzi diversi li ingħataw. Madankollu, il-Qrati enfasizzaw ukoll li d-drittijiet ta’ persuna li m’għandhiex tort mhumiex bla limitu, u li din għandha tagħmel ħilitha biex tnaqqas kemm jista’ jkun l-ispejjeż. Per eżempju, jista’ ma jkunx raġonevoli li wieħed jitlob għal karozza tal-kiri jekk is-surveyor jiddetermina li l-vettura bid-daqqa tista’ xorta waħda tinstaq sakemm jiġu l- parts . Lanqas ma jista’ jkun raġonevoli li persuna titlob rifużjoni għal jiem żejda ta’ kiri meta l-persuna jew kumpanija li tkun qed tagħmel it-tiswijiet iddum inutilment biex tibda t-tiswijiet. Għalhekk huwa importanti li meta wieħed jitlob rimborż għal karozza tal-kiri, irid juri li kien hemm bżonn li l-karozza tinkera, u li l-ispejjeż inżammu baxxi kemm jista’ jkun. Importanti ħafna wkoll li l-assikurazzjoni tal-parti terza tinżamm infurmata. Ir-rimborż għal karozza temporanja mhuwiex dritt awtomatiku, iżda wieħed li jiddependi fuq diversi fatturi, inkluż jekk ir-responsabbiltà ġietx ikkonfermata, u meta. Barra minn hekk, il-kumpaniji tal-assikurazzjoni ma jagħtux kumpens għal karozza tal-kiri meta vettura tiġi ddikjarata beyond economic repair (jiġifieri li l-vettura mhijiex vijabbli li tissewwa).

San Pawl il-Baħar – xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni tas-Salini

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10218, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Ministeru li tiegħu hu responsabbli, m’għandu l-ebda rwol f’dan l-istess proġett, u għalhekk bħala Ministeru m’għandu l-ebda diffikultajiet marbuta ma’ dan l-istess proġett?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li m’għandix x’inżid mat-tweġiba li diġà tajt. Altrimenti nitlob lil Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku.

Wied il-Għajn, l-Imsida u San Pawl il-Baħar — programmi spċjali ta' integrazzjoni ta' tfal ta' nazzjonalità differenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux qed jipprepara, jew forsi għandu xi programm speċjali ta' integrazzjoni tat-tfal, u possibilment ukoll tal-ġenituri tagħhom, f'lokalitajiet fejn hemm numru kbir ta' tfal minn nazzjonalitajiet differenti, li jattendu l-iskola primarja, bħal fil-każ ta' Wied il-Għajn, l-Imsida u San Pawl il-Baħar, fost l-oħrajn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li fil-każ ta’ dawk it-tfal li ma għandhomx problemi ta’ komunikazzjoni bażika, l-integrazzjoni sa issa qegħda ssir mill-iskejjel stess. Sabiex nilqgħu għall-influss ta’ tfal illi ma jikkomunikawx la bil-Malti u lanqas bl-Ingliż, inbdiet inizjattiva fejn, bl-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropeja apparti fondi lokali, a) inxtraw materjali għat-tagħlim li ġew approvati minn uffiċjali tad-Direttorat tal-Kurrikulu b) ġew magħżula bi proċess formali numru ta’ Language Support Assistants; u c) dawn ingħataw taħriġ u appoġġ minn għalliema diġa speċjalizzati fit-tagħlim tal-lingwi; li wkoll taw tagħlim f’dan il-qasam; d) ġie stabbilit programm formali li mmirat biex jagħti ħiliet ta’ espressjoni bażiċi. e) twaqqaf ċentru amministrattiv, b’Kap ta’ Skola jmexxi, fl-Iskola tal-Kulleġġ San Injazju Qormi u dan jirċievi numru ta’ studenti minn inħawi differenti. f) imbagħad f’inħawi li huma milqutin f’mod aktar numeruż, ingħata s-servizz fl-iskejjel stess. Per eżempju f’San Pawl il-Baħar kien hemm tlett għalliema jaħdmu ma’ dawn it-tfal. Tajna wkoll is-servizz f’Birżebbuġa u ma tħalliet ebda skola mingħajr xi forma ta’ servizz. Hemm pjanijiet u fondi sabiex issa nibdew nirreklutaw support għall-ġenituri ta’ dawn it-tfal.

Persuni li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea — reġistrati li jistgħu jaħdmu

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li huma reġistrati bħala li qed jaħdmu hawn Malta? Minn liema pajjiżi, pajjiż pajjiż huma dawk li għandhom permess li jaħdmu hawn Malta? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux informazzjoni dwar f'liema lokalità, lokalità b'lokalità joqogħdu l-persuni li jistgħu jaħdmu hawn Malta għaliex ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Miżuri preventivi dwar atteġġjament negattiv ta' tfal u żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux qed jikkollabora ma' aġenziji tal-Gvern bħal l-Appoġġ biex jassigura li l-istess Ministeru jkun jista' jiġi nfurmat dwar xi żviluppi partikulari li jkunu qed iseħħu f'lokalitajiet partikularu, għal dak li jikkonċerna tfal u żgħażagħ, biex b'hekk ikunu jistgħu jittieħdu miżuri preventivi dwar atteġġjament negattiv li jista' jkun qed jiżviluppa f'xi lokalità partikulari?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema soċjali fi ħdan id-Dipartiment Servizzi għall-Istudent jaħdmu id f’id mal-ħaddiema soċjali u l-community workers li jaħdmu fl-Aċċessijiet. Fejn ikun hemm klijenti komuni ħafna mill-interventi bħal viżti fid-djar isiru flimkien. Huwa wkoll il-każ li tinżamm komunikazzjoni regolari bejn il-professjonisti involuti għall-ġid tal-istudent u l-familja tiegħu. Huwa importanti li wieħed jiċċara li l-ħaddiema soċjali jaħdmu wkoll ma’ studenti li għandhom problemi ta’ mġieba u atteġġjament negattiv. Inħaddmu anke proġetti flimkien bħal fil-każ tal-Aċċess tal-Imsida fejn għaddejjin il-preparamenti bejn il- community worker u t-tim ta’ professjonisti Edukattivi Psikosoċjali fi ħdan il-Kulleġġ Santa Tereża biex jiġi żviluppat programm ta’ parenting skills għall-ġenituri tat-tfal li jattendu l-primarja tal-Imsida. Hemm ukoll il-ħsieb li dan il-programm isir fi skejjel oħra fi ħdan l-istess Kulleġġ. Din il-miżura hija waħda preventiva minħabba li l-ġenituri qed jitgħallmu ħiliet biex ikunu jistgħu irabbu t-tfal tagħhom bl-aħjar mod u b’hekk innaqqsu l-problemi ta’ mġieba li qed niffaċċjaw fl-iskejjel. Meta jiġu organizzati proġetti mill-Aċċessijiet għat-tfal, żgħażagħ u familji, l-professjonisti li jaħdmu fil-Kulleġġi relevanti jiġu infurmati biex jidentifikaw studenti u familjari tagħhom li jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-proġetti. Kien hemm ukoll proġetti li ġew organizzati u mwaqqfa ma’ skola partikolari fejn ġew indirizzati problemi speċifiċi tal-lokalità, per eżempju, Homework Club f’San Pawl il-Baħar. Kien hemm ukoll ċirkostanzi fejn ittieħdu inizjattivi fuq livell ta’ Kulleġġ biex ittejjeb il-komunikazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet, per eżempju, fi skola minnhom isiru laqgħat fuq bażi regolari mar-rappreżentanti mis-Servizz ta’ Protezzjoni għat-Tfal tal-Agenżija Appoġġ minħabba li hemm numru mhux ħażin ta’ studenti li jiġu segwiti mill-istess servizz. Din it-talba tressqet mill-iskola li ħasset il-ħtieġa li jaħdmu aktar mill-qrib mal-Appoġġ għall-ġid tal-istudent u biex il-professjonisti jintervjenu mill-ewwel biex jipprevenu li s-sitwazzjoni tal-istudent tmur għal agħar. Mizuri oħra relatati mal-assentejiżmu: 1. Il-Ħaddiema Soċjali jattendu għas-seduti tat-tribunali reġjonali biex jgħaddu informazzjoni relevanti dwar l-istudent lill-Kummissarju li tippresiedi l-każijiet ta’ assentejiżmu biex jassistuha meta hi tagħti ġudizzju. 2. Għaddejjin taħditiet mal-Ministeru tal-Politika Socjali minħabba ċ-Child Supplement Benefit peress li ser ikun marbut ukoll mal-attendenza Miżuri kontra s- cyber bullying fuq programmi preventivi kemm mal-istudenti kif ukoll mal-ġenituri flimkien mas-Cyber Crime Unit. Miżuri kontra l-użu tas-sustanza tad-droga fuq programmi preventivi u informattivi kemm mal-istudenti kif ukoll mal-ġenituri flimkien mad- Drug Squad . Min-naħa l-oħra ta’ min jinnota li l-professjonisti fi ħdan is-Servizzi Edukattivi Psikosoċjali jaħdmu b’mod konsistenti ma’ Aġenziji oħra barra mid-Direttorati fuq bażi ta’ każi individwali jew fuq bażi ta’ Kulleġġi. Dawn jinkludu l-Aġenżiji Appoġġ, Sedqa u Sapport, l- Employment Training Corporation , Open Centre Ħal-Far, Health Services - Child Guidance Clinic - CGC, Child Development Assessment Unit – CDAU , Mental Health Services,, Health Services, Midwives Booking Office at Mater Dei Hospital, Parental Craft – Mater Dei, Fejda u Jean Antide Home, Youth Clubs, AWAS, Aġenżija Żgħażagħ u Youth.Inc., Police Force -Cyber Crime Unit u Drug Squad. L-Aġenzija Żgħażagħ tikkollabora mal-FSWS dwar żgħażagħ li jiġu l-Youth Cafes ġewwa l-Qawra, Kottonera, Msida u l-Belt. Infatti dawn il-Youth Cafes qegħdin fiċ-Ċentri tal-Aċċess u jsir xogħol interdixxiplinarju sabiex jittieħdu miżuri preventivi fuq iż-żgħażagħ ta' dawn il-lokalitajiet.

Boroz ta' studju f'oqsma differenti tal-agrikultura

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux se joffri xi boroz ta' studju, f'oqsma differenti tal-agrikultura, l-ortikultura, it-trobbija tal-annimali u setturi oħra agrikoli, biex jiġi assigurat li jkun hawn persuni mħarrġa biżżejjed fl-oqsma kollha marbuta ma' dan is-settur? Jekk il-Ministeru diġà offra tali boroz ta' studju, jista' jagħti tagħrif dwar kemm hemm żgħażagħ li preżentement qed igawdu minn dawn il-boroz ta' studju u f'liema oqsma qegħdin jibbenefikaw? Meta hu mistenni li jintemmu dawn l-istess studji, u xi propsetti ta' xogħol għandhom dawk li qed jagħmlu dawn l-istess studji bħalissa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li preżentement hemm żewġ studenti li qed jibbenefikaw minn boroż ta' studju u li qed isegwu l-Kors Accelerated BVet Med li huwa twil 4 snin. Min-naħa tagħhom dawn huma marbuta li meta jiggradwaw, jagħtu s-servizzi tagħhom lill-Ministeru kkonċernat għal ħames snin. Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija nista nassigura lill-Onor. Interpellant li boroż ta’ studju jingħataw min żmien għal-żmien skont in-neċessità tal-Ministeru.

Dipartiment tal-Cleansing — ħaddiema ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' ħaddiema li huma ngaġġati fit-tindif (Dipartiment tal-Cleansing) li ġew mogħtija xogħol fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Dawn l-istess ħaddiema jista' jagħti tagħrif dwar jekk għandhom makkinarju li qed juża waqt it-twettiq ta' xogħlhom? X'tip ta' makkinarju qed jużaw? Minbarra hekk jista' jagħti tagħrif dwar f'liema toroq qed iwettqu xogħol dawn l-istess ħaddiema?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema assenjati fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar huma kif ġej : 2 ħaddiema li se jaħdmu minn 12.00pm ‘l quddiem li jiġbru l-iskart kollu li jkun depożitat kif ukoll jitbattlu kontenituri tal-iskart; 6 ħaddiema li se jaħdmu minn 12.00pm ‘l quddiem li jagħmlu xogħol ta’ knis manwalment; 2 ħaddiema li se jaħdmu minn 7.00pm ‘l quddiem li jiġbru l-iskart kollu li jkun depożitat kif ukoll jitbattlu kontenituri tal-iskart; 4 ħaddiema li se jaħdmu mis-7.00pm ‘l quddiem li jagħmlu xogħol ta’ knis manwalment; Apparti dan, il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar qiegħda tibbenifika wkoll minn programm ta’ ħasil ta’ toroq li jinbeda mis-1.30am ‘l quddiem. Il-makkinarju li qiegħed jintuża huma vetturi li jiġbru l-iskart kif ukoll vannijiet. Jintuża wkoll bowser tal-ilma. Ix-xogħol qiegħed isir fit-toroq u fiż-żoni li ġejjin: Il-promenade kollha ta’ San Pawl il-Baħar , Buġibba u Qawra (minn ħdejn l-iskola sa’ ħdejn il-lukanda Suncrest) Pjazza ta’ Buġibba u żona pedonali madwar il-pjazza Triq il-Pijunieri Triq it-Turisti Żona tal-Bus Terminus – Buġibba

Selmun — Fortizza Campbell - proġetti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-kunsill lokali tal-Mellieħa għandux xi proġett partikulari għal dik li kienet il-fortizza Campbell, f'Selmun, limiti tal-Mellieħa? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx ukoll xi talbiet oħra li waslu għand il-kunsill lokali Mellieħa biex isir użu minn dan il-post?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li ma għandux xi proġett partikulari għal dik li kienet il-Fortizza Campbell, f'Selmun, u lanqas sarulu xi talbiet oħra biex isir użu minn dan il-post.

Vetturi tas-servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid preżentement kemm hu n-numru ta' vetturi li qed jagħtu servizz ta' trasport pubbliku bi skeda? Kemm minn dawn il-vetturi huma mgħammra b'ticketing machines u kemm vetturi għandhom sistema ta' arja kkundizzjonata li qed taħdem?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li fil-ħinijiet peak tal-ġurnata qed ikun hemm bejn 297 u 307 vetturi sabiex jipprovdu servizz tat-trasport pubbliku bi skeda. L-ammont ta’ vetturi li jkun hemm jiġi determinat skont id-domanda li jkun hemm għas-servizz. Infurmat ukoll li l-vetturi li huma proprjetà tal-Malta Public Transport, inklużi dawk li ġew mikrija minn barra minn Malta mill-istess kumpanija, huma mgħammra b’ticketing machines. Mill-banda l-oħra l-vetturi li huma subcontracted m’humiex qegħdin jużaw ticketing machines u minflok fuq dawn il-vetturi qed jinbiegħu biljetti tat-tip Scratch Cards, kemm ta’ ġurnata kif ukoll ta’ sebat ijiem. Il-vetturi kollha li qegħdin jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku huma mgħammra b’sistema ta’ arja kkundizzjonata li qiegħda taħdem.

Parkeġġ – policy nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-pjanijiet biex ikun hawn policy nazzjonali dwar il-parking, issa li għaddew diversi xhur minn mindu ssemmiet mill-istess Ministru? Jista’ jagħti tagħrif dwar min fassal din l-istess policy, u meta hu mistenni li din il-policy tiġi ppublikata, u iktar importanti tibda tiġi mħaddma? Minn liema lokalitajiet hu mistenni li tibda titħaddem din l-istess policy, u kemm hu mistenni li jinħolqu spazji b'riżultat tagħha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanijiet dwar it-tfassil tal-polza l-ġdida dwar il-parkeġġ waslu fl-aħħar parti tal-konsultazzjonijiet esterni mal-entitajiet ikkonċernati. Din il-polza ġiet imfassla mid-Direttur tal-Immaniġġjar tat-Traffiku fuq bażi ta' konsultazzjonijiet interni u esterni. Il-polza għandha tiġi mnedija fil-ġimgħat li ġejjin u suċċessivament tiġi mħaddma. Il-polza hija waħda ġenerali li tkopri l-irħula kollha ta' Malta u għalhekk ma hemmx prijorità ta' lokalitajiet. Il-polza mhux qed tiffoka fuq in-numri ta' parkeġġi iżda tiffoka fuq il-massimizazzjoni tal-użu tal-parkeġġi eżistenti u tipprimwovi l-użu ta' mezzi alternattivi ta' trasport.

Transport Malta – Residents’ parking schemes

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il proposta ta’ residents' parking schemes wasslet għand Transport Malta, bejn Jannar 2013 u llum, minn kunsilli lokali, jew individwi, għal dak li jikkonċerna l-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali? Meta saru dawn it-talbiet u minn min? Wara li kkunsidrat il-proposti li rċeviet x'passi ħadet Transport Malta biex twettaq dawn il-proposti? ,

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li Transport Malta rċeviet żewġ talbiet li saru mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fis-17 ta' Ġunju 2013 u mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar li saret fis-17 ta' Frar 2014. Dawn il-proposti se jiġu evalwati fl-isfond tal-polza l-ġdida dwar il-parkeġġ.