Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba l-Qrati użaw is-sistema tal-SMS Alert biex jawżaw lill-persuni li suppost ikollhom jidhru quddiem il-Qorti li l-każ tagħhom kien ġie diferit? Kemm kien hemm okkazjonijiet li fihom, minkejja li kien se jkun hemm differiment dawk konċernati baqgħu ma ġewx avżati, u dan minn mindu ddaħħlet is-sistema?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mgħotija mill-Qrati tal-Ġustizzja, kemm ilha li ġiet introdotta is-sistema tal-SMS meta kawża tkun ġiet differita’ mil-21 t’Ottubru 2013 intbagħtu 6660 avviż. Kien hemm 11,123 li ma nbagħtilhomx SMS u dan għar-raġuni li jew l-avukat tal-parti, jew il- Prokuratur Legali jew xi ħadd mill-partijiet f’kawża m’applikax biex jingħata dan is-servizz.
Nappella biex kull min hu interessat li jgawdi minn dan is-servizz bla ħlas jagħmel dan bla dewmien.
Dipartiment tal-Kunsilli Lokali — talbiet pendenti
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet pendenti quddiem id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, minn kunsilli tat-12-il distrett elettorali biex jiġu approvati xogħlijiet fil-lokalitajiet imsemmija? Liema huma dawn ix-xogħlijiet u kemm ilhom hekk pendenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Niltob lill-Onor. Interpellant jispeċifika x’tip ta’ xogħlijiet qed jirreferi għalihom. Dan peress li fid-dawl tal-awtonomija tagħhom, il-kunsilli lokali jistgħu jieħdu bosta inizjattivi mingħajr xi approvazzjoni partikolari, dejjem dment li tkun fil-parametri tal-liġi u r-regolamenti.
MEPA -– applikazzjonijiet pendenti għal yacht marinas
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA għall-iżvilupp ta’ yacht marinas? F'liema bajjiet hu propost li jsiru dawn il-marinas? Kemm ilhom hekk pendenti dawn it-talbiet?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10488, il-MEPA għandha quddiema tmien (8) applikazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' yacht marinas .
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm hawn barranin jgħixu hawn Malta, lokalità b'lokalità, u għall kull lokalità, minn liema pajjiż huma dawn il-barranin inkluż l-ammont għal kull pajjiż f'dik il-lokalità?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kunsilli Lokali tat-12-il Distrett Elettorali – vetturi mixtrija/mikrija
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ vetturi li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom b’xiri, kiri jew xi forma oħra, kull wieħed mill-Kunsilli Lokali tat-12-il distrett elettorali? Kemm ilhom għand il-kunsilli dawn l-istess vetturi? X’użu qed isir minnhom, kemm swew biex inxtraw jew inkrew, u b'liema mod ġew għand il-kunsill partikulari?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal- Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif mgħotija lili mill-Kunsilli Lokali kkonċernati.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi qed jieħu l-Ministeru biex jassigura li l-prodotti agrikoli li jidħlu f'pajjiżna minn pajjiżi oħra, fil-fatt ma jinbiegħux bħala prodotti lokali? Ma' liema Ministeri / dipartimenti oħra jikkordina din il-ħidma l-Ministeru responsabbli mill-agrikoltura?
Response (BRINCAT, LEO)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub ikun aktar speċifiku għal-liema prodotti agrikoli qed jirreferi u mil-liema pajjiżi.
Fish Farming f'Malta u f'Għawdex — bdil ta' policies
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'policies mistennija jinbidlu għal dak li jikkonċerna l-fish farming f'Malta u f'Għawdex? Meta hu mistenni li jidħlu fis-seħħ dawn il-bidliet? X'konsultazzjoni saret dwar dan is-settur, u ma min?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dokument “Aquaculture Strategy for the Maltese Islands - towards Sustainability 2014-2025” li ġie ppreżentat lill-medja f’Konferenza Stampa li saret fis-16 ta’ Lulju 2014. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Istqarrija Nru. 141618 maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni f’dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jaħgti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux qed jipproponi xi bidliet għal dawk li jikkonċernaw il-proposti tal-proġett marbut mar-riabilitazzjoni ta' dik li kienet il-miżbla tal-Magħtab? Jekk iva, x'kienu dawn il-bidliet proposti
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif jaf, kien ġimgħa ilu, fil-15 ta’ Lulju, fejn il-Gvern, permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, ħareġ Stqarrija għall-Istampa, Numru PR141610 u li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li fiha għamel ċar il-pożizzjoni tiegħu. Għaldaqstant f’dan l-istadju m’għandi xejn x’inżid.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kien ix-xogħol li sar f'isem Transport Malta f'Imdina Road Ħal Qormi, matul l-aħħar xhur? Jista' jagħti tagrif dwar x'serva dan it-tip ta' xogħol? X'tip ta' konsultazzjoni wettqet Transport Malta mal-Kunsill Lokali involut biex ġie maqbul li x-xogħol f'din it-triq isir? X'tip ta' studju/studji partikolari wettqet Transport Malta qabel sar dan ix-xogħol? Meta saru l-aħħar traffic counts f'dawn in-naħat u kif jitqabblu man-numri ta' qabel?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li x-xogħol li sar fi Triq Mdina k/m Triq Manuel Dimech kien li jiġi magħluq id-dħul li jagħti mir-roundabout għal ġo Triq Mdina n-naħa tal-Marsa. Id-disinn tar-roundabout fil-parti ta’ bejn Triq Manuel Dimech u Triq Mdina (Marsa) ma kienx skont l-istandards stabbiliti għad-disinn ta’ tali tip ta’ inkroċju. Minħabba li d-disinn ma kienx wieħed aċċettabbli, fil-fatt kienu spiss iseħħu kolliżjonijiet f’tali inkroċju, liema kollużjonijiet kienu qed jikkawżaw konġestjoni tat-traffiku u kienu ta’ periklu għas-saħħa u sigurtà tas-sewwieqa u passiġġieri f’dan l-inkroċju. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi kien talab diversi drabi lill- Awtorità tat-Trasport sabiex tindirizza din il-problema ta’ sigurta fl-inkroċju. L-Awtorità tat-Trasport għamlet studju tan-numru ta’ vetturi li jgħaddu minn dan l-inkroċju u kif it-traffiku jiġi distribwit fit-toroq biswit, saru ukoll queue and delay surveys u ġew investigati disinji alternattivi iżda minħabba l-angolu akut ta’ bejn Triq Manuel Dimech u Triq Mdina (Marsa) ma kienx hemm alternattivi sodisfaċenti li jindirizzaw il-problema skont standards stabbiliti. L-aħħar traffic counts saru waqt il-proċess tad-disinn ta’ dan l-inkroċju lejn l-aħħar tas-sena l-oħra. Id-distribuzzjoni tat-traffiku illum bid-disinn il-ġdid, meta mqabbel mat-traffic counts li saru, juri li t-traffiku li ġie distribwit kien ta’ massimu ta’ 7.5% fil-peak hour ta’ filgħodu, liema traffiku inqasam bejn vetturi lejn Triq Luqa u Triq Manuel Dimech.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'rapporti rċieva d-dipartiment responsabbli dwar il-ħanfusa tat-tin (bajtar ta' San Ġwann)? Kemm-il rapport irċieva l-Ministeru, min liema lokalitajiet u x'passi ttieħdu dwar dan? X'passi ngħataw lill-bdiewa kkonċernati dwar din l-istess problema?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li minn Lulju 2012 ‘l hawn, id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti rċieva 68 rapport mill-pubbliku rigward il- ħanfusa tat-tin Hypocrypahlus scabricollis. Dawn kienu minn diversi lokalitajiet fosthom il-Mellieħa, l-iMġarr, San Pawl il-Baħar, Had-Dingli, il-Għargħur, in-Naxxar, il-Mosta, l-Iklin, Birkirkara, tas-Sliema, Ħaż-Żebbuġ, Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun, Ħal Kirkop, iż-Żurrieq, il-Gudja, Ħal Għaxaq, ix-Xgħajra, Ħal Luqa, Santa Venera, is-Siġġiewi, H’Attard, Ħal Balzan, Ħal Lija, ir-Rabat u l-Baħrija f’Malta u mix-Xagħra, Għawdex.
Wara r-rapporti saru spezzjonijiet mid-Direttorat u l-klijenti ngħataw pariri dwar kif jistgħu jippruvaw jikkontrollaw din il-ħanfusa. Inħarġu wkoll 15-il notifikazzjoni ta’ infurzar għad-distruzzjoni tas-siġar tat-tin mid-Direttorat. Id-Direttorat ippublika wkoll fuljett dwar dan l–insett bħala tagħrif dwar il-kontroll ta’ din il-marda.
Ta’ min isemmi li l-informazzjoni dwar dan l-insett hija limitata ħafna, u d-Direttorat qiegħed f’komunikazzjoni ma’ entitajiet oħra esperti f’dan il-qasam biex jiġbor informazzjoni dwar kif dan l-insett jista’ jiġi kkontrollat aħjar.
Is-Selmun — Fortizza Campbell – talbiet pendenti għal żvilupp
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10235, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk id-Dipartiment tal-Artijiet, il-Ministeru jew l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandhomx talbiet pendenti quddiemhom applikazzjonijiet/talbiet biex l-inħawi ta’ Selmun, fil-parti li kienet il-Fortizza Campbell, jiġu b’xi mod żviluppati? Jekk iva, liema huma dawn it-talbiet pendenti u kemm ilhom hekk pendenti dawn l-istess talbiet?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Artijiet m’għandu l-ebda talbiet ġodda fuq din il-proprjetà ħlief għal dawk li kienu ġew indikati lill-Onor. Membru fit-tweġiba parlamentari numru 24048, liema talbiet imorru lura għall-2008 u 2010.
Rigward l-MEPA ma hemm l-ebda applikazzjoni għall-izvilupp pendenti fis-sit imsemmi. Applikazzjoni PA 1977/00 għal rijabilitazzjoni ta' Fortizza Campbell, li daħlet f'April tal-2000, kienet irtirata mid-Direttorat tal-Ippjanar fis-16 t'Awwissu 2012 wara li ma ġietx sottomessa l-informazzjoni mitluba.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10257, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar ma’ min saru l-konsultazzjonijiet dwar il-policy ta’ parking f’Malta? Liema kienu l-konsultazzjonijiet esterni li saru dwar dan is-suġġett? Billi fir-risposta jingħad li l-policy mhux se tiffoka fuq in-numri ta’ parkeġġi iżda tiffoka fuq il-massimizazzjoni tal-użu tal-parkeġġi eżistenti u tippromwovi l-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport, jista’ jagħti tagħrif dwar dan x’ifisser verament? Minbarra hekk, billi jingħad ukoll li mhux se jkun hemm prijorità ta’ lokalitajiet, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk dan ifissirx li l-lokalitajiet kollha ta’ Malta huma meqjusa bħala lokalitajiet bl-istess ħtiġijiet ta’ parkeġġ?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-Awtorità tat-Trasport kellha konsultazzjonijiet mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Unjoni Ħaddiema Magħqudin, General Workers Union, Malta Hotels and Restaurants Association, General Retailers and Traders Union, Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità, Sliema Business Association, Pulizija, Chamber of Commerce u Bicycle Advocacy Group. Dawn l-entitajiet ġew ikkonsultati dwar l-aktar partijiet kritiċi li hemm proposti fil-polza l-ġdida. Xi proposti ġew emendati fl-isfond tad-diskussjonijiet li saru bi qbil mal-entità kkonċernata. Ingħata widen ukoll lil dak kollu li ntqal fuq il-mezzi tax-xandir u tas-suġġerimenti mill-pubbliku in ġenerali, kif ukoll ta’ dak kollu li kellhom xi jgħidu il-Kunsilli Lokali kollha permezz ta’ laqgħat li saru magħhom hekk kif jien ġejt inkarigat minn dan il-Ministeru. Il-polza tiffoka fuq il-massimiżżazzjoni tal-użu tal-parkeġġ eżistenti u tippromwovi l-użu ta' meżżi alternattivi ta' transport billi qed tvara proposti ġodda u sistemi ta' kontroll li għandhom dan l-għan aħħari. Il-polza nfisha ma tagħtix prijorità lill- ebda raħal ġol-pajjiż iżda tiffoka fuq żoni ta' priorita’ li huma definiti mill-użu tal-art (land use).
San Pawl il-Baħar – Trejqet Toni Fenech – kaxxi tal-parkeġġ
Question
Billi numru ta’ ġimgħat ilu f’risposta parlamentari li għamilt, ingħatajt l-impressjoni li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kien intalab biex jimmarka l-kaxxi tal-parkeġġ fi Trejqet Toni Fenech, San Pawl il-Baħar, u billi sal-lum dawn l-istess sinjali għadhom ma nżebgħux, jista’ l-Ministru jassigura li jittieħdu l-miżuri neċessarji biex dan ix-xogħol ikun jista’ jitkompla u jitlesta?
Response (BONNICI, OWEN)
Bħal ma jaf sewwa l-Onor. Interpellant, il- Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ Gvern lokali b’personalità legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Madanakollu ninforma lill-Onor. Interpellant li jiena għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali kkonċernat.
Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – spazji pubbliċi
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema spazji pubbliċi li jinsabu fil-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali (il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar), sar xogħol fuqhom matul l-aħħar tliet snin? Għal liema skop kienu jintużaw dawn l-istess spazji qabel ma sar ix-xogħol fuqhom, u kif qed jintużaw preżentement? F'kull każ, kemm kienet l-ispiża involuta biex saru l-bidliet involuti, meta nbeda x-xogħol u meta tlesta?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għar-rigward tal-Mellieħa u tan-Naxxar, kif provduta mingħand iż-żewġ Kunsill Lokali ta’ dawn il-lokalitajiet. Intant infurmat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li qed jistenna aktar informazzjoni mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Hekk kif din tasal inkun nista’ npoġġi din l-informazzjoni wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra.
Private Public Partnership – xogħlijiet fuq toroq fil-Mellieħa u San Pawl il-Baħar
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu t-toroq li suppost saru mill-Private Public Partnership (PPP) fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar? Liema toroq sar xogħol fuqhom? Meta nbeda x-xogħol u meta tlesta, u kemm ġie jiswa dan l-istess xogħol? Liema xogħol ieħor mistenni li jsir permezz ta' dawn l-istess skemi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bl’informazzjoni mitluba hekk kif mgħotija lili mill-Kunsilli Lokali kkonċernati.
Tnax-il Distrett Elettorali — Xogħlijiet fuq toroq residenzjali
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu x-xogħlijiet fuq it-toroq residenzjali fit-12-il distrett elettorali li tlestew matul l-aħħar 18-il xahar? Meta nbeda x-xogħol fuq dawn l-istess toroq? Kemm kienet l-ispiża involuta? Kemm għad fadal isir xogħol ieħor f’dawn l-istess lokalitajiet? Meta mistenni li jinbeda u jitlesta dan ix-xogħol li hemm ippjanat?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista ta’ xogħlijiet li saru fuq toroq residenzjali fit-12-il distrett elettorali matul l-aħħar 18-il xahar, ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal f’numru ta’ distretti oħra, għad fadal numru ta’ toroq residenzjali li jridu jsiru fit-12-il distrett. Dawn it-toroq isiru skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li għadhom kif waslu numru ta’ kaxxi ġodda għall-użu tal-Pitkalija sabiex fihom issir il-preżentazzjoni ta’ prodotti agrikoli fl-istess Pitkalija? Kemm hu n-numru ta’ dawn il-kaxxi u kif se jiġi assigurat li jibdew jintużaw fl-iqsar żmien possibbli? Jista’ jikkonferma wkoll li hemm possibilità li l-kaxxi tal-plastik kif nafuhom illum jispiċċaw miċ-ċirkolazzjoni biex minflok jintużaw kaxxi differenti? Jekk iva, ma’ min saru diskussjonijiet dwar dan?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-Uffiċċju tas-Segretariat Parlamentari fil-ġranet li għaddew waslu madwar 7000 kaxxa tal-plastik ġodda (minn ordni ta' 10,000) għall-użu fil-Pitkalija . Huwa mistenni li 3,000 kaxxa, il-kumplament tal-ordni, jiġu kkunsinjati fil-Pitkalija sa' l-aħħar ta' din il-ġimgħa jew għall-bidu tal-ġimgħa d-dieħla. Jien infurmat ukoll li qegħdin isiru diskussjonijiet interni biex ikun assigurat li dawn il-kaxxi jintużaw bl-aħjar mod skont il-ħtiġijiet tal-bdiewa u sabiex ikun assigurat li dejjem ikun hemm provvista adegwata ta' dawn il-kaxxi. Ta' min ifakkar ukoll li l-proġett pilota, li qed isir mill-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa (l-FCCS) flimkien ma' Pitkalija Ltd., fix-xhur li ġejjin maħsub jiddaħħlu numru konsiderevoli ta' kaxxi ġodda u innovattivi, skont kif kien ippjanat u pprogrammat mill-istess koperattiva tal-bdiewa.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar ma’ min saret konsultazzjoni dwar l-introduzzjoni tal-marka tal-kwalità li dwarha se jkun hemm leġiżlazzjoni ġdida? Meta hu mistenni li tidħol fis-seħħ din il-leġiżlazzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretariat Parlamentari li l-abbozz leġislattiv dwar l-iskema ghal-Prodotti ta' Kwalita' ser joħrog għal-konsultazzjoni fil-jiem li ġejjin liema konsultazzjoni ser idum miftuħa għal-perjodu ta' 30 ġurnata.
Il-Ministeru diġa identifika għaxar 'round tables' sabiex jikkonsulta magħhom. Ħamsa minn dawn, li jkopru s-setturi tat-tadam ghall-iproċessar, il-ħalib mill-baqar, l-għasel, iż-żejt taż-żebbuġa u l-laħam tal-majjal diġa` ġew organiżżati. Il-Ministeru qiegħed ukoll fil-proċess li jwaqqaf 5 'round tables' oħra li jkopru s-setturi tal-laħam tat-tiġieġ, il-bajd, il-frott u l-ħaxix frisk, il-laħam tal-fenek kif ukoll tal-ħalib tan-nagħaġ u l-mogħoż.
Wara l-perjodu ta' konsultazzjoni l-abbozz leġislattiv ikun irid jiġi notifikat lill-Komunita Ewropea u wara dan il-proċess il-liġi tkun tista' tidħol fis-seħħ.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm okkażjonijiet fejn kunsilli lokali ħassru l-laqgħat tagħhom matul l-aħħar 18-il xahar? Liema kienu l-kunsilli li ħassru dawn l-istess laqgħat? X’kienet ir-raġuni għal dan? X’tip ta’ investigazzjoni għamel id-dipartiment biex jassigura li ma jkunx hemm abbużi ta’ dawn il-posponimenti u tħassir ta’ laqgħat?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ ċirkolari elettronika maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba bl-informazzjoni miġbura tingħata f’xi seduta oħra.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Pijunieri - bus shelter
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min waħħal żewġ biċċiet kee clamps u għammilhom bus shelter ħdejn it-traffic lights fid-daħla ta' Triq il-Pijunieri f'San Pawl il-Baħar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar li dawn saru mill-Kunsill ta' San Pawl il - Baħar.