Jista’ d-Deputat Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess li permezz tiegħu għandu jiġi ffinalizzat il-programm għall-iżvilupp rurali għas-snin li ġejjin? Xi żviluppi kien hemm minn mindu twieġbet il-mistoqsija parlamentari 7032?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li wara konsultazzjoni pubblika l-programm għall-Biedja w l-Iżvilupp Rurali ġie sottomess lill-Kummissjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2014. Il-Ministeru qed jistenna r-reazzjoni tal-Kummissjoni għall-abbozz mibgħut.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm żviluppi għal dak li jirrigwarda l-ħruġ ta’ permessi għal kmamar tan-nar, minn meta twieġbet il-mistoqsija parlamentari 7014? Jekk kien hemm, x’kienu dawn l-iżviluppi li seħħew? Kemm hemm? Fejn qegħdin l-applikazzjonijiet li hemm pendenti bħalissa quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W336, qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli. L-ewwel tabella telenka l-applikazzjonijiet msemmija fil-mistoqsija parlamentari 7014 u l-istat preżenti tagħhom, peress li l-ebda waħda minnhom għadha ma' ġiet deċiża. It-tabella l-oħra telenka kull applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar relatati ma' kmamar tan-nar (inklużi dawk ġa elenkati f'mistoqsija parlamentari 7014) bid-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari 6130, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm persuni, minn dawk li għandom 60 tomnaraba’ jew iktar, li talbu lill-Ministeru biex ikunu jistgħu jorganizzaw xi forma ta' agrituriżmu? Jekk iva, f'liema lokalitajiet jinsabu dawk li talbu li jseħħ dan l-iżvilupp? X'kienet il-pożizzjoni li ħa l-Ministeru dwar tali talbiet, jekk kien hemm?
Response (BRINCAT, LEO)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li r-Rural Policy and Design Guidance daħal fis-seħħ fit-22 t’Awwissu 2014. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant japrezza li għadu kmieni wisq biex jingħataw aktar dettalji.
Billi diversi drabi ntqal li Transport Malta qed tfassal policy dwar speed cameras madwar Malta, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk din il-policy tfasslitx? Jekk iva, jista’ l-Ministru jippubblika din l-istess policy? Jekk mhux lesta, jista’ jagħti tagħrif fuq liema bażi ġew installati l-cameras fil-bypass ta’ San Pawl il-Baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-Awtorita’ tat-Trasport ħejjiet Speed Management Policy li tinkludi l-metodoloġija ta' kif jiġu eżaminati talbiet għall-istallazzjoni ta' speed cameras kif ukoll il-Posted Speed Limit tat-toroq arterjali u dawk distributorji. Il-polza tinsab fuq il-website uffiċċjali tal-Awtorita’ tat-Trasport.
(Informazzjoni Addizzjonali: Ara dokument PL 3345 li tpoġġa fis-Seduta 186 ta' nhar it-Tlieta, 14 ta' Ottubru 2014)
San Pawl il-Baħar – tickets mill-ispeed camera tal-bypass
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm inħarġu tickets mill-cameras tal-bypass ta’ San Pawl il-Baħar minn mindu ġew installati sal-mument tar-risposta tal-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li din l-informazzjoni għandha tintalab lill-Kumitat Reġjonali tat-Tramuntana.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm, jekk kien hemm, rapporti ta’ ħmieġ fil-baħar, fl-inħawi tal-pjazza ta’ Buġibba, fid-29 ta’ Awwissu 2014? Jekk kien hemm, x’passi ttieħdu mill-kunsill lokali dwar dawn l-istess rapporti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-Kunsill rċieva żewġ rapporti ta’ ħmieġ fil-baħar, fl-inħawi tal-pjazza ta’ Buġibba, kif indikat mill-Onor. Interpellant, liema rapporti l-Kunsill għaddiehom lid-Dipartiment konċernat.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar f’liema ħinijiet hu permessibbli li l-wardens jagħtu ċ-ċitazzjonijiet f’San Pawl il-Baħar?
Response (BONNICI, OWEN)
Persważ li l-Onor. Interpellant jifhem u konxju li l-ħarsien u l-infurzar tal-liġi m’ għandhomx limitazzjonijiet ta’ ħin irrispettivament mill-lokalitajiet u minn min jinforza.
Jista’ l-Minstru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm skips, kemm dawk ta’ fuq ir-roti u dawk li huma weqfin ba roti, fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar li jew tneħħew, jew ġew imqiegħda f’post ieħor, matul dawn l-aħħar tliet xhur? X’kienet ir-raġuni għal dan iċ-ċaqliq?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li kien hemm żewġ Bring-In-Sites li tneħħew, waħda fi Triq il-Wileġ u oħra fi Triq Raddet ir-Roti. Dik fi Triq il-Wileġ tneħħiet wara li uħud mill-kontenituri tkissru, u anke peress li kien qed jintefa’ ammont konsiderevoli ta’ skart madwarhom. Infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali ser jiddeċiedi jekk għandux jerġa jkun hemm Bring-In-Site f’din it-triq. Il-Bring-In-Site fi Triq Raddet ir-Roti tneħħiet peress li hemm Bring-In-Site oħra ferm viċin ħdejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Jista’ l-Ministru jinvestiga l-possibilità li fit-triq li tieħu mill-cross road ta’ l-Imbordin San Martin, fit-triq kollha li twassal saż-Żebbiegħ, jinżebgħu linji fin-nofs tat-triq li jservu ta’ indikazzjoni għal min ikun tiela’ u nieżel minn din l-istess triq peress li qed ikun hemm inċidenti tat-traffiku b’mod regolari ħafna?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika l-isem proprju tat-triq u jiprovdi wkoll site-plan tagħha. Dan peress li l-inħawi tat-triq huma rurali u mifruxa sew, u allura jista’ jkun li t-triq li qed jirreferi għaliha tkun f’xi arterja jew inkella taqa’ fir-responsabbiltà ta’ aktar minn Kunsill Lokali wieħed.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’qed iwassal biex il-ħaddiema li bħalissa huma responsabbli mill-ħasil tal-kaxxi fil-Pitkalija jitneħħew minn hemm u minflokhom jiġu ngaġġati persuni oħra, jekk dan hu l-każ? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li bħalissa qed jagħmlu dan ix-xogħol u kemm hu mistenni li jkun fil-futur? X’tip ta’ arranġamenti ta’ xogħol hu mistenni li jkollhom dawk li jridu jkunu qed iwettqu dan ix-xogħol fil-futur?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari mhu minnu xejn li tneħħew xi ħaddiema li jaħslu l-kaxxi tal-Pitkalija u minflokhom ġew ingaġġati nies oħra. Li sar huwa li bħala parti mill-isforzi biex intejbu l-affarijiet, f’dawn l-aħħar ġimgħat daħħalna reġim iktar serju ta’ kif u meta jinħaslu l-kaxxi billi ma nħallux kaxxi jidħlu u jerġgħu joħorġu mill-Pitkalija mingħajr ma jkunu għaddew mill-proċess ta’ kontroll ta’ ndafa u allura ħasil kif jixraq. Dan qed ngħidu għax kien hemm min kien jidħol bil-kaxxi mimlija u minflok jirritornhom għall-ħasil jgħabbihom bi prodotti, jew addirittura iżommhom għandu vojta, mingħajr ma jgħaddu għall-ħasla. Dan kien jikkawża nuqqas fil-kaxxi disponibbli għall-Pitkalija u nuqqas ukoll ta’ iġene. B’riżultat tal-miżura li ħadna pero’, żdied b’mod konsiderevoli l-ammont ta’ kaxxi li qed ikun hemm bżonn li jinħaslu. Għalhekk bħala miżura ta’ urġenza u sakemm nagħmlu arranġamenti fit-tul, qabbadna kuntrattur sabiex żiedna l-ammont ta’ ħassiela b’ħamsa oħra, ‘l fuq mill-għaxra li diġa kien hemm, biex b’hekk it-total disponibbli llum huwa ta’ ħmistax u foreman fuqhom. Ovvjament dan ma jfissirx li dawn kollha jkunu hemm kuljum u dan għal raġunijiet ta’ vacation leave u ta’ sick leave. Nispera li l-Onorevoli Interpellant jaqbel magħna li dak li għamilna hija xi ħaġa li hija tajba u ta’ ġid kemm għall-bidwi kif ukoll għall-konsumatur.
Sadanittant irrid ngħid li dawn il-ħassiela huma ħaddiema tal-kuntrattur u, wara assessment finanzjarju, kien konkluż li jkun ferm irħas jekk il-Gvern jimpjega hu numru ta’ ħaddiema. Bħalissa għaddej proċess ta’ reklutaġġ tramite il-proċeduri tal-ETC, li hija solita f’tali każi. Id-deċiżjoni sa issa hija li jiddaħħlu 10 impjegati iżda jista' jagħti l-każ li dawn jiżdiedu jekk jinħass il-bżonn. Ovvjament kull persuna li tkun tikkwalifika skont il-proċeduri tal-ETC, inkluż jekk ikunu eliġibbli dawk li jaħdmu mal-kuntrattur, tkun trid tgħaddi minn proċess ta’ għażla skont ir-regolameti applikabbli.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex Transport Malta tinvestiga l-possibilità li fit-triq li tgħaddi minn San Martin, limiti ta’ San Pawl il-Baħar, u twassal saż-Żebbiegħ, limiti tal-Imġarr, jinżebgħu linji biex iservu ta’ indikazzjoni għal dawk li jgħaddu minn dawn l-inħawi, u dan peress li qed ikun hemm numru sostanzjali ta’ inċidenti?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li, minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċċjali tal-Awtorita’ tat-Trasport, irriżuta li f’din it-triq imsemmija hemm installati t-tabelli tat-traffiku meħtieġa u anki crash barriers. Fir-rigward ta’ sinjali tat-traffiku hemm edgeline f’parti maġenb culvert iżda minħabba li t-triq hija dejqa m’hemmx lok li jiġi mmarkat is-centreline.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10342, billi fir-risposta qed jingħad li saru ħames round tables oħra, jista' l-Minsitru jgħati tagħrif dwar meta ltaqgħu l-istess round tables u x'ħareġ minn dawn ir-round tables? Jista' l-Ministru jagħti wkoll tagħrif dwar meta hu msitenni li jiltaqgħu l-istess round tables?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ir-round tables li nżammu s'issa ltaqgħu fid-dati 2,3,9 u 10 ta’ Lulju. Dawn ir-round tables introduċew il-proċess ta' ħidma li jrid jitwettaq sabiex jiġu stabbiliti regoli ta' produzzjoni u standards ta' kwalita` għal prodott jew prodotti f'settur, li jkunu jistgħu jsiru eliġibbli għall-marka ta' kwalita` fuq bażi volontarja. Kull round table qed titmexxa skont iċ-ċirkostanzi partikolari f'dak is-settur u ser jiġu mlaqqa’ skont l-eżiġenzi tal-parteċipanti u l-progress tekniku li jkun qed iseħħ. Waqt dawn ir-round tables ġie spjegat aktar fil-fond kif ser tkun qegħda taħdem l-iskema tal-kwalita` u x’ser ikun ir-rwol ta’ dawn ir-round tables fl-iżvilupp tal-Marka tal-Kwalita`. Waqt dawn il-laqgħat ġie ukoll maqbul kif id-Direttorat ser ikun qed jaħdem mar-round tables biex jiġu stabbiliti l-istandards tal-prodotti kkonċernati.
Sensiela ta’ laqgħat qed jiġu ppjanati għall-aħħar ta’ Ottubru.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10343, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm okkażjonijiet fejn kunsilli lokali ħassru l-laqgħat tagħhom matul l-aħħar 18-il xahar? Liema kienu l-kunsilli li ħassru dawn l-istess laqgħat? X’kienet ir-raġuni għal dan? X’tip ta’ investigazzjoni għamel id-dipartiment biex jassigura li ma jkunx hemm abbużi ta’ dawn il-posponimenti u tħassir ta’ laqgħat?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il - Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-bed occupancy fl-Isptar Mater Dei, ġimgħa b’ġimgħa, bejn Jannar u Mejju 2014?
Response (MIZZI, KONRAD)
L-informazzjoni miġbura mis-sistema ta’ CPAS l-average bed occupancytas-sodod fl-Isptar Mater Dei li jintużaw għal in-patients hija kif tidher fit-tabella hawn taħt:
Xahar 2014
% Average Bed Occupancy for In-patient beds
Jannar
93.7
Frar
91.6
Marzu
91.5
April
92.7
Mejju
92.0
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9933 u jagħti informazzjoni dwar kemm hawn barranin jgħixu hawn Malta, lokalità b'lokalità, u għall kull lokalità, minn liema pajjiż huma dawn il-barranin inkluż in-numru għal kull pajjiż f'dik il-lokalità?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija parlamentari 9933 ġiet mwieġba nhar it-22 ta’ Lulju 2014.
Il-Qawra – Bini tal-Awtorità tad-Djar bejn Triq Porzjunkola u Triq Frejgatina
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex xi pjan partikolari biex issebbaħ mill-ġdid l-ispazju (bitħa kbira) li hemm bejn il-blokki mibnija mill-istess Awtorità bejn Triq Porzjunkola u Triq il Frejgatina, il-Qawra, San Pawl il-Baħar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa m’hemmx pjanijiet għal tali xogħlijiet fl-inħawi msemmija.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema tenders/ quotations marbuta max-xogħol li għaddej fis-Salina, limiti ta’ San Pawl il-Baħar, għad iridu joħorġu u jingħataw lil xi kuntrattur għax-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10156.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux xi pjanti partikolari biex iktar monumenti u tempji li għandna f'pajjiżna jitgħattew bħalma ġara f'tempji oħra? Jekk iva, liema tempji mistennija jitgħattew? F'liema stadju wasal il-proċess marbut ma tali xogħol? Minfejn hu mistenni li jiġu ffinanzjati dawn il-proġetti?
Response (BONNICI, OWEN)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk qed jagħmel referenza għat-tempji Preistoriċi, ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-unika monument li prezentement qed jigi ppjanat li jitgħatta huwa dak tat-Tempji ta’ Ħal Tarxien. Il-preparamenti għal dan ix-xogħol waslu fl-aħħar u fix-xhur li ġejjin tibda l-implimentazzjoni. Ix-xogħol, li jitlesta s-sena d-dieħla, ġej jiswa madwar €2.4 miljun u huwa ko-finanzjat (85%) mill-Fond Ewropew ghall-Izvilupp Regjonali.
San Pawl il-Baħar — Transport Malta - xogħol ta' patching
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba kien hemm kuntratturi/ħaddiema ta' Transport Malta li matul dawn l-aħħar 18-il xahar għamlu xogħol ta' patching fit-toroq arterjali ta' San Pawl il-Baħar? Min għamel dan ix-xogħol (ħaddiema tal-Gvern/kuntrattur) u kemm ġie f'kull każ l-istess xogħol fi spejjeż li riedu jitħallsu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta ghamlet xoghol ta’ patching f’diversi toroq arterjali u distributorji f’San Pawl il-Bahar . Din l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Transport Malta — Park and Ride f'San Pawl il-Baħar
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hijiex qed tikkonsidra li tintroduċi xi sistema ta' park and ride fl-inħwai ta' San Pawl i-Baħar u b'mod partikolari, jista' jagħti d-dettalji ta' kif qed tikkunsidra din it-talba Transport Malta? Jekk Transport Malta għadha ma rċevitx talbiet simili, jista' jassigura li l-istess Transport Malta tagħmel l-istudji neċessarji biex jiġi assigurat li kull tip ta' parkeġġ li jsir fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar ma jkunx sors ta' perikolu għat-traffiku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent Transport Malta mhux ser tintroduċi sistema ta’ park and ride fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar.