Legislature:
Category:
Reset
Active:

Policies dwar parking

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn wasal il-proċess marbut mal-policies ta' parking madwar Malta? Jista’ jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jiġi finalizzat dan l-l-istess proċess?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li, wara li saru konsultazzjonijiet mal-entitajiet ikkonċernati, din il-policy tal-Parkeġġ reġgħet ġiet riveduta u diskussa internament. Il-pass li jmiss hu li din ser tiġi imnedija u miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika.
Leg 12 PQ #313 Sitting 185 2014-10-13 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – proġett ta’ sports complex

Question

Billi reċentement kien hemm dikjarazzjonijiet pubbliċi li kienu jgħidu li l-proġett ta' sports complex fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar kien se jitkompla, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda xi xogħol fuq dan l-istess proġett?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadhom għaddejjien il-proposti sabiex jiġi assigurat l-użu massimu tal-art li ġiet identifikat għal dan il-proġett, liem proġett se jkun jikkonsisti mhux biss f’bini ta’ kumpless sportiv iżda se jintuża wkoll għal faċilitajiet soċjo-edukattivi oħra.

Kunsilli lokali tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10231 u jagħti tagħrif dwar liema kienu l-proġetti li dwarhom il-kunsilli lokali tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar taw il-fehmiet tagħhom għall-applikazzjonijiet li kien hemm pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? F'liema laqgħat tal-kunsill ta' dawn il-lokalitajiet, kienet deċiża l-pożizzjoni li ttieħdet dwar dawn l-istess proġetti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għar-rigward tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, kif provduta mill-istess Kunsill Lokali. Intant ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-Kunsill ma ta l-ebda fehma fuq xi applikazzjoni quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl - crossing

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10230 u jitlob lill-Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar biex jieħu l-passi neċessarji ħalli fi Triq San Pawl, in-naħa tal-Veċċja, xi mkien qrib iż-żewġ bus stops li hemm qabel tibda t-telgħa, tkun tista' ssir zebra crossing, possibbilment pelican crossing, biex in-nies li joqogħdu fl-inħawi jkunu jistgħu jaqsmu mingħajr periklu żejjed għalihom, kif ukoll għas-sewwieqa li jkunu għaddejjin minn hemm hekk?

Response (BONNICI, OWEN)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalità legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Madankollu jien għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali konċernat.

Kunsilli lokali – bye-laws

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10233, billi fil-każ tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar kien hemm ħafna coverages tal-medja dwar suppost bye-laws li kellhom jiġu ppubblikati, u dwarhom inżammu wkoll laqgħat pubbliċi, jista' l-Ministru jikkonferma li fil-fatt id-dipartiment qatt ma kien infurmat b'dawn l-istess bye-laws?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ma rċeviex proposti ta’ bye-laws kif imsemmi mill-Onor. Interpellant.

Kunsilli lokali — proġetti ta' restawr

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10234, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-perijodu msemmi fid-domanda kienx hemm xogħol ta' restawr li sar mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, u li ġie inawgurat f'dawn il-jiem? Meta sar dan ix-xogħol? Min wettqu? Għal dak li jikkonċerna x-xogħol imsemmi mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, jista' jagħti tagħrif dwar min wettaq ix-xogħol u kemm ġie jiswa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa li meta saret il-mistoqsija ma kien għaddej ebda xogħol ta’ restawr kummissjonat minnu. Madankollu fl-istess żmien, saret sejħa għall-offerti għar-restawr tal-Għajn tal-Mellieħa, liema sejħa kienet tagħlaq fis-7 ta’ Lulju 2014. Ix-xogħol fuq il-proġett twettaq fil-parti l-kbira tiegħu u kien inawgurat kif ppjanat fis-7 ta’ Awwissu 2014. Kien hemm żewġ offerti u l-kuntratt ingħata lill-offerent Salamanda Ltd. Intant infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li r-restawr fuq il-Ġiebja tad-Dejma sar mis-Sur Antoine Borg u sewa €1,100 filwaqt li r-restawr fuq l-istruttura tal-Erba’ Mwieżeb sar ukoll mis-Sur Antoine Borg u sewa €590.

Il-Marsa — Triq Garibaldi - inċidenti ta' qlib

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm inċidenti ta' qlib (overturning) fi Triq Garibaldi fil-Marsa matul dawn l-aħħar sentejn? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hux qed tippjana xi bidliet partikolari għal din il-parti tat-triq li minn żmien għal żmien fiha jkun hemm inċidenti pjuttost kbar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatistika mitluba minnu tinżamm mill-Pulizija li għandhom isiru r-rapporti dwar inċidenti tat-traffiku. Mal-proġett ta’ Triq Garibaldi kien sar xi titjib fil-liwja msemmija fis-sens li tjiebet il-qlib tat-triq favur il-liwja u li l-asfalt il-ġdid sar bi żrara iktar b’saħħitha li toffri skid resistance aħjar. Madankollu, bħala liwja baqgħet hemm minħabba li dak il-proġett kien jasal sat-tarf ta’ Triq Garibaldi u allura fl-aħħar ix-xogħol kellu jaqgħad mat-triq eżistenti. Sadanittant, din il-parti tat-triq imsemmija hija inkluża fil-proġett tal-junction tal-Marsa (ta’ ħdejn l-Addolorata) fejn qed jiġi propost li titjieb il-kurva li minn Triq Garibaldi tieħdok għal Triq Aldo Moro billi il-vetturi jgħaddu minn quddiem il-fabbriki. Dawn il-pjanti ġew sottomessi lill-MEPA mid-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura fi ħdan Transport Malta permezz ta’ applikazzjoni numru PA2309/14.

Transport Malta — enforcement notices lill-Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħirf dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikulari għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni li ngħatat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4760?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-azzjoni ta’ infurzar fi Triq Turisti kienet dwar estenżjoni ta’ bankina mingħajr il-permessi neċessarji u wara li ttieħdu l-passi ta’ infurzar din il-bankina reġgħet ġiet mibnija kif kienet oriġinarjament.

Kunsilli Lokali — każijiet ta' press events

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet ta' press events mill-kunsilli lokali jew mal-kunsilli lokali tas-7, d-9 u t-12-il distrett elettorali matul din is-sena? Min kien mistieden biex jattendi għal dawn l-istess press events? Min, mill-kunsilli lokali rispettivi kien mistieden biex jattendi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl’informazzjoni hekk kif mgħotija lili mill-Kunsilli Lokali kkonċernati.

Żieda fil-qabda tat-tonn

Question

Billi jidher li mill-informazzjoni dwar il-qabda tat-tonn, u b'mod partikulari billi ġie ppubblikat li din is-sena l-qabda kienet iktar minn 80% iżjed mis-sena li għaddiet, u billi Malta għandha kwoti partikulari li jistgħu jinqabdu u li għandhom jiġu osservati, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kienx mitlub li jagħti spjegazzjonijiet dwar din iż-żieda fil-qabda? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi investigazzjoni dwar din l-informazzjoni, u jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar x'irriżulta minn dan?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-kwota tat-tonn għal Malta qatt ma nqabżet. Jidher li l-Onor. Interpellant qed jagħmel użu minn figuri tal-qabda tat-tonn ta’ din is-sena ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li jinkludu l-ħut maqbud ħaj għall-akkwakultura, filwaqt li dawk tas-sena ta’ qabel kien jinkludu biss it-tonn maqbud mis-sajjieda tradizzjonali permezz tal-konz.

Investigazzjonijiet dwar tanker

Question

Billi issa għaddew diversi xhur minn mindu tanker 'ħarab' mill-ibħra Maltin, u suppost li saret investigazzjoni dwar x'ġara f'dan il-każ, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'irriżulta minn dawn l-investigazzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Leg 12 PQ #325 Sitting 185 2014-10-13 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Qabda tat-tonn – ċifri żbaljati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal għal dawk li jidhru li huma ċifri żbaljati dwar il-qabda tat-tonn matul din is-sena?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Iċ-ċifri li kienu mgħoddija lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għat-tieni kwart ta’ din is-sena mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura ma kinux komparabbli maċ-ċifri għall-istess perjodu tal-2013. L-NSO kien talab kjarifika mid-Dipartiment dwar dawn iċ-ċifri u rriżulta li l qabda tat-tonn kienet tinkludi tonn li nqabad mill-purse seining. Wara li l-NSO ippubblika n-news release, dawn iċ-ċifri kienu riveduti. Għaldaqstant, l-NSO kien fid-dover li jippubblika errata corrige għall-istess news release.
Leg 12 PQ #326 Sitting 185 2014-10-13 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – arranġamenti għal ġbid ta’ film fix-Xemxija

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għamlitx xi arranġamenti partikulari biex ikun jista' jinġibed film fix-Xemxija, fl-inħawi fejn hemm it-Triq Rumana u jekk l-istess MEPA awtorizzatx lil min se jiġbed/ġibed dan il-film, biex ineħħi l-injam li kien hemm fl-istess post? Jekk iva, meta sar dan, u xi ħlas sar? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt sarx xi ħlas lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għal dan u jekk il-kunsill lokali kienx ikkonsultat? Jekk kien x'kienet ir-reazzjoni tal-istess kunsill?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-MEPA tirregola attivitajiet f'dawn it-tip ta' siti billi tirċievi applikazzjonijiet speċjali għal "Organised Outdoor Activities". Isir assessment fuq kull applikazzjoni, imbagħad jinħareġ permess b'numru ta' kundizzjonijiet annessi mall-permess. Fuq il-każ ta' iffilmjar fil-Heritage trail tax-Xemxija, inħareġ permess fil-11 ta' Awwissu 2014. Fost il-kundizzjonijiet hemm dawk numru 12 u 13 riprodotti hawn taht. 12. This consent does not remove or replace the need to obtain the consent of the land/building owner for this activity before it is carried out. Furthermore, it does not imply that consent will necessarily be forthcoming nor does it bind the land/building owner to agree to this activity. Where the land/building is owned or administered by the Government of Malta a specific clearance and agreement must be obtained for this development from the Land and/or Estate Management Departments. 13. This consent is granted saving third party rights. The applicant is not excused from obtaining any other permission required by law. Dan iffisser li l-applikant obbligat jikkuntattja lill-Awtoritajiet kollha ikkonċernati u iġib il-permessi kollha meħtiega sabiex jagħmel din l-attività.
Leg 12 PQ #327 Sitting 185 2014-10-13 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – Kennedy Drive – Ġiebja/kamra antika

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għamlitx xi kundizzjoni partikulari biex il-bini tal-kamra/ġiebja antika li hemm ħdejn Kennedy Drive San Pawl il-Baħar, fil-parti fejn qed isir xogħol ta' twessigħ tal-istess triq,jiġi b'xi mod protett jew rilokat? Jekk iva kif se jiġi protett dan il-bini, u fejn se jiġi rilokat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Fir-rapport li tħejja bħala parti mis-sottomisjonijiet tal-Istudju dwar l-Impatti Ambjentali (EIA) għall-applikazzjoni in kwistjoni, il-kamra imsemmija ġiet indikata bħala waħda fi stat dilapitat u li għandha titneħħa. Saru konsultazzjonijiet mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u din il-kamra ma kenitx identifikata bħala waħda li għandha tiġi kkonservata.

San Pawl il-Baħar – impjegati ta’ Transport Malta fuq il-bus stops

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu x-xogħol li qed iwettqu diversi persuni li qed ikunu fuq il-bus stops, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, libsin uniformi ta' Transport Malta? X'inhu l-iskop ta' dan ix-xogħol, meta nbeda u għal kemm żmien se jkompli jitwettaq? X'użu se ssir/qed isir mill-informazzjoni li qiegħda tinġabar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li fil-ġimgħat li għaddew uffiċjali ta’ Transport Malta wettqu eżerċizzji ta’ moniteraġġ fuq is-servizz tat-trasport pubbliku fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar kif ukoll taw informazjoni lill-passiġġiera li kienu qed jistennew fuq il- bus stop “Wileġ” minħabba li riċentament dan il-bus stop ġie rilokat. L-eżerċizzju ta’ moniteraġġ isir b’mod regolari fuq diversi rotot madwar Malta u Għawdex bil-għan li jiġi moniterjat l-andament tas-servizz fir-rigward ta’ frekwenza u puntwalità. Barra minn hekk, tkun moniterjata wkoll id-domanda għas-servizz. Permezz ta’ dan l-eżerċizzju, Transport Malta tidentifika problemi li jista’ jkun hemm fuq ir-rotot u jiġu senjalati lill-operatur sabiex jieħu l-azzjoni neċessarja.

Transport Malta – Studju dwar breakwater fil-port tal-Imġarr, Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hux qed tagħmel użu mill-Environment and Feasibility Study li kien sar dwar il-bini ta' breakwater fil-port tal-Imġarr Għawdex? Jekk iva, x'użu qed isir minn dan l-istess studju?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tikkoordina proġetti infrastrutturali f’Għawdex mal-Ministeru kkonċernat. Dan jinkludi l-użu ta’ rapporti li jkunu saru, fosthom dak dwar it-tkabbir tal-port tal-Imġarr. Għaldaqstant, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għal Għawdex.

San Pawl il-Baħar – rapporti dwar ġrieden

Question

Jista’ l-Ministru jagħti t-tagħrif dwar kemm u meta l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar irċieva rapporti dwar ġrieden fit-toroq tal-lokalità? X’passi ttieħdu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li minn Jannar 2014 sallum il-Kunsill irċieva 38 rapport dwar bżonn ta’ rat infestation, liema rapporti tgħaddew lid-Direttor tas-Saħħa Ambjentali.
Leg 12 PQ #332 Sitting 185 2014-10-13 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Selmun Palace Hotel

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm dwar is-Selmun Palace Hotel, wara li ngħatat it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3253? Meta hu mistenni li jiġu ffinalizzati l-proċeduri biex din l-istess lukanda tkun tista’ terġa’ tibda tintuża?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kuntrarju għall-amministrazzjoni preċedenti fejn il-Gvern baqa’ ma wettaq xejn fir-rigward ta’ Selmun Palace Hotel, dan il-Gvern midd idejh u fix-xhur li ġejjin se jkun qed iħabbar soluzzjoni sabiex jinħareġ proċess kompetittiv. Il-pjan huwa li din il-lukanda terġa’ tiġi operata u takkwista rilevanza fis-settur turistiku Malti.

Ċertifikati dwar l-enerġija fil-bini

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn persuni awtorizzati li joħorġu ċertifikati dwar l-enerġija fil-bini? Meta hu mistenni li jiġu organizzati korsijiet ġodda għall-persuni li jixtiequ jkunu akkreditati biex jagħmlu dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hawn reġistrati lokalment: · 165 assessur li jista’ jiċċertifika bini residenzjali · 28 assessur sabiex jiċċertifika kull bini ieħor · 11-il Air-Conditioning Systems Inspector · 11-il Heating Systems Inspector Kif kienet u għadha il-prassi,qed tinġabar lista ta’ min hu interessat li jsegwi tali kors u la darba jkun hemm numru suffiċjenti biex jagħmluh finanzjarjament vijabbli għall-parteċipanti, dan ikun organizzat.

Fertilizer plans

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-fertilizer plans f’Malta u f’Għawdex humiex kollha kompluti? X’diffikultajiet hemm biex dawn jitlestew?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari dan huwa proċess on-going skont kif stipulat fl-Avviż Legali 321 tal-2011.