Legislature:
Category:
Reset
Active:

In-Naxxar u l-Imġarr –materjal użat f’pilastri fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema materjal intuża fil-pilastri li twaħħlu fit-triq li min-Naxxar tagħti għas-Salina, u fi Triq Temi Zammit, iż-Żebbiegħ, l-Imġarr? Billi f'dawn l-istess postijiet diġà kien hemm xi forma ta' sinjali li tkissru, jista' l-Ministru jassigura li dawn il-poles mhumiex ta' periklu għal dawk li jużaw dawn it-toroq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dawn il-vertical road signs jaqgħu taħt il-kategorija ta’ portable deformable warning devices and delineators (cylinders). Dawn huma addattati għall-użu fit-toroq skont BS EN 13422.

Vetturi b’liċenzja tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu, preżentament, in-numru ta’ vetturi b’liċenzja tal-Unjoni Ewropea li qegħdin fuq it-toroq Maltin? X’tip ta’ spezzjonijiet twettaq Transport Malta, weħidha jew mal-pulizija biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm abbużi minn nuqqasijiet ta’ liċenzjar ta’ dawn l-istess vetturi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa’ spjegajt fir-risposta parlamentari 9661, Transport Malta tirreġistra n-numri ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi barranin fejn dawn ikunu ser jiġu reġistrati f’Malta għall-ewwel darba, jew meta jkunu tneħħew mit-triq meta jirriżulta li ma kellhomx l-awtorizzazzjoni meħtieġa sabiex jinstaqu fit-toroq ta’ Malta. Il-vetturi li jkunu qed jintużaw temporanjament – per eżempju minn turisti – ma jiġux reġistrati u b’hekk Transport Malta m’għandiex l-ammont ta’ vetturi b’liċenzja tal-Unjoni Ewropea li preżentament qegħdin fit-toroq Maltin. Uffiċjali ta’ Transport Malta jagħmlu spezzjonijiet fuq vetturi b’liċenzja barranija fejn jiġu spezzjonati il- logbook tal-vetturi, il-polza tal-assigurazzjoni, id-data ta’ meta l-vettura daħlet Malta u l-liċenzja tas-sewqan tax-xufier tal-vettura.

Is-seba’, id-disa’ u t-12-il Distrett Elettorali – bini ta’ ċentri ċiviċi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali fis-seba’, id-disa’, u t-12-il distrett elettorali għandhom pjanijiet jew talbiet pendenti biex jibnu ċentru ċiviku fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom? Fejn qed jiġi propost li jinbnew dawn iċ-ċentri ċiviċi fil-lokalitajiet differenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Medja tal-Kamra.

Is-seba’ u t-12-il Distrett Elettorali — Bini ta’ għases tal-pulizija ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali fis-seba’ u t-12-il distrett elettorali qed jipproponu li jinbnew għases tal-pulizija ġodda? Fejn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda wieħed qed jipproponu dak imsemmi fil-mistoqsija

It-12-il Distrett Elettorali – priġunieri li jagħtu servizz fil-lokalità

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali għandhom priġunieri li qed jagħtuhom servizzi fil-lokal tagħhom? F’kull każ, kemm hu n-numru u x’xogħol qed iwettqu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mgħotija mill-Kunsill Lokali kkoċernat, m’hemm l-ebda lokalita fit-12-il Distrett elettorali fejn hemm xi priġunieri jagħtu s-servizz tagħhom.
Leg 12 PQ #297 Sitting 185 2014-10-13 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gżejjer ta’ San Pawl — investiment

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x’investiment sar fuq il-Gżejjer ta' San Pawl, liema gżejjer jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Gvern ċentrali minkejja li jinsabu fil-konfini tal-Mellieħa, bħala kunsill lokali?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar restawr fuq l-istatwa ta’ San Pawl li hemm fuq il-gżejjer liema, restawr sar min għaqda non-governattiva, fl-2007.
Leg 12 PQ #298 Sitting 185 2014-10-13 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gżejjer ta’ San Pawl — amministrazzjoni

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Gżejjer ta' San Pawl humiex amministrati mid-dipartiment li hu responsabbli mill-proprjetà tal-Gvern? Jekk iva, x'tip ta' kontroll għandu l-istess dipartiment fuq dawn l-inħawi u l-proprjetajiet li hemm mibnija fuqhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gżejjer ta’ San Pawl huma proprjetà tal-Gvern u amministrati mid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern.

Gżejjer ta’ San Pawl – investiment minn fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jagħmel xi investiment partikolari fuq il-Gżejjer ta' San Pawl, liema gżejjer jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Gvern Ċentrali, u dan minn fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi sottomissjoni partikolari għal dak li jikkonċerna nfiq fuq dawn il-gżejjer, kemm mill-privat kif ukoll mill-Gvern ċentrali?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li f’dan l-istadju l-Gvern mhux qed jikkunsidra l-ebda investiment partikolari fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl minn fondi Strutturali w ta’ Investiment.
Leg 12 PQ #300 Sitting 185 2014-10-13 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Gżejjer ta’ San Pawl — investiment

Question

Billi l-Gżejjer ta' San Pawl huma meqjusa bħala attrazzjoni turistika mil-lat reliġjuż, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru, permezz tal-Awtorità tat-Turżmu ta’ Malta hux se jwettaq xi investiment partikolari fuq dawn il-Gżejjer?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Il-Ministeru għat-Turiżmu għandu ferm għal qalbu dawn il-Gżejjer, kemm bħala parti mill-wirt kulturali tagħna, kif ukoll bħala parti mill-prodott turistiku ta’ pajjiżna. Fil-fatt, l-Awtorità Maltija għat-Turizmu qed tassumi n-nefqa finanzjarja tar-restawr tal-istatwa ta’ San Pawl li hemm fuq dawn il-Gżejjer. Dan ir-restawr qed tieħu ħsiebu l-organizazzjoni Din l-Art Ħelwa. Wara li jitlesta dan ir-restawr, l- Awtorità għandha l-ħsieb li tħares lejn ir-restawr ta’ elementi oħra ta’ dan is-sit sabiex ikun aktar aċċessibli u ta’ dehra isbaħ.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Mosta – palm

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jew xi dipartiment li jaqa’ taħtu rċeviex talbiet biex fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar, jinqalgħu iktar minn għoxrin palma li hemm f'din l-istess triq? Jekk irċieva tali talba x'kienet ir-reazzjoni tal-Ministeru? Jekk ma rċeviex talba bħal din, jista' jinvestiga jekk hux se jinqalgħu dawn il-palm li hawn f'din it-triq?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti ma rċieva l-ebda talba biex il-palm li jinsab fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar jiġi maqlugħ. Minn spezzjoni li saret mill-istess Dipartiment fl-10 t’Ottubru 2014, jirriżulta li dawn is-siġar tal-palm jinsabu fl-istess post.

Kaxxi ġodda għal użu tal-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-kaxxi l-ġodda li suppost kellhom jidħlu fiċ-ċirkulazzjoni għall-użu mill-bdiewa bdewx jintużaw? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar kemm daħlu kaxxi ġodda fis-sistema u kemm għad fadal ħtieġa ta’ iktar kaxxi biex il-ħtiġijiet tal-bdiewa jkunu moqdija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, minn April tas-sena l-oħra sal-lum inħarġu 32,000 kaxxa ġdida li qegħdin jaqdu l-ħtiġijiet tal-bdiewa.

Konsultazzjoni dwar bdiewa, raħħala u sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma s-suġġetti li bħalissa l-Ministeru qed jagħmel konsultazzjoni dwarhom għal dak li jikkonċerna, bdiewa, raħħala u sajjieda? Kif jista’ wieħed jagħti s-sehem tiegħu f'dawn il-konsultazzjonijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-konsultazzjonijiet isiru regolarment u kontinwament skont il-ħtieġa.

Proġetti marbuta mal-oqsma tas-sajd

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti marbutin mal-oqsma tas-sajd, fil-fatt għaddej ix-xogħol fuqhom min naħa tal-Ministeru? Fejn jinsabu dawn ix-xogħlijiet u meta hu mistenni li jitlestew l-istess xogħlijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, bħalissa qegħdin isiru dawn ix-xogħolijiet u mistenni li jitlestlew kif ġej: Lokal Natura tax-Xogħol Data tat-Tlestija Mġarr, Għawdex Landing Office Diċembru 2014 Marsa Pixkerija Ġdida Marzu 2015 Marsa Landing Site Awwissu 2015 Marsaxlokk Landing Site Awwissu 2015 Veċċja, San Pawl il-Baħar Landing Site Ottubru 2015 Marsaskala Slipway Marzu 2015 Xemxija Slipway Marzu 2015 Marsaxlokk Breakwaters Diċembru 2017

Parkeġġi riservati

Question

Billi f’diversi nħawi qed jinżebgħu sinjali ta’ parkeġġi riservati li qed ikollhom in-numru tal-vettura miktuba fil-parkeġġ, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikolari bejn Transport Malta u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità? Jekk iva, x’kienu dawn l-iżviluppi?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 7994.
Leg 12 PQ #306 Sitting 185 2014-10-13 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – żvilupp tal-inħawi

Question

Billi waqt laqgħa ta' diskussjoni mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa saret riferenza għall-proġetti li kienu msemmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8348 u li kienu riferuti wkoll fil-mistoqsija parlamentari 8389, billi fil-laqgħa tal-Mellieħa ngħatat l-impressjoni li dalwaqt ikun hemm sejħiet għall-iżvilupp tal-inħawi msemmija, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt kienx hemm żviluppi konkreti, u allura jista' jagħti tagħrif dwar liema proġetti se jsiru mill-Gvern, liema se jsiru mill-privat u liema se jsiru bejn il-Gvern u l-privat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-MEPA għandha kuntratt mal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, sabiex mill-fondi tal-UIF tħallas għall-ispejjeż li kellhom isiru fil-proġett sabiex jiġu mtejjbin il-bandli magħrufa bħala Thalassalejn biswit l-iskola ta' San Pawl il-Baħar. Madankollu l-Kunsill Lokali informa lill-MEPA sabiex dan il-kuntratt jiġi estiż indefinitament, sakemm tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-art imsemmija hiex se tibqa bandli jew jekk il-Gvern ċentrali jagħmilx użu ieħor minnha.

Park tan-Nofsinhar — kummerċ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-iżviluppi li seħħew bejn Marzu u llum għal dak li jirrigwarda offerti ta' kummerċ kif mistoqsi fil-mistoqsija parlamentari 8404?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li bħalissa qed isiru taħdidiet mad-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern li ovvjament għandu l-esperjenza u l-kapaċità teknika meħtieġa sabiex ikunu ffinalizzati l-offerti u l-kundizzjonijiet għall-kirjiet. Is-sejħa għall-offerti mistennija jinħarġu fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 12 PQ #308 Sitting 185 2014-10-13 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Kunsill Malti għall-Isport – għaqdiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-għaqdiet sportivi mis-7, d-9 u t-12-il distrett elettorali, raħal b’raħal, li huma rreġistrati mal-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi l-għaqdiet sportivi rreġistrati mal-KMS skont id-distretti indikati mill-Onor. Interpellant huma kif jidher fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #309 Sitting 185 2014-10-13 Written · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Organizzazzjonijiet li jaħdmu maż-żgħażagħ rikonoxxuti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm organizzazzjonijiet li jaħdmu maż-żgħażagħ huma rikonoxxuti bħala tali mill-Ministeru? F'liema lokalitajiet huma rreġistrati dawn l-istess għaqdiet? Kemm ilhom hekk reġistrati dawn l-istess għaqdiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għaqdiet taż-żgħażagħ li huma rreġistrati mal-Aġenzija Żgħażagħ minn kemm ilha mwaqqfa fl-2011 huma kif jidher fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Casinos – proċess ta’ evalwazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess ta' evalwazzjoni tal-casinos li għalihom ħarġet is-sejħa ta' interess? Kemm minn dawk li kienu talbu l-informazzjoni fil-fatt tefgħu l-interess tagħhom, u meta hu mistenni li jiġi ffinalizzat il-proċess kollu? Fil-każ speċifiku ta' Għawdex, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk għadx fadal interess biex jinfetaħ casino f'Għawdex?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li l-proċess ta’ evalwazzjoni tal-casinos li għalihom kienet ħarġet sejħa ta’ interess (Expression of Interest) kien ġie konkluż u fil-fatt kien ħareġ Request for Proposals (RFP) li wasal fi stadju avvanzat. Dawk li kienu tefgħu l-interess tagħhom għall-Expression of Interest (EOI) kienu ħamsa (5). Dwar meta hu mistenni li jiġi ffinalizzat il-proċess kollu, wieħed irid iqis li każijiet bħal dan, fejn għandhom x’jaqsmu casinos, huma sensittivi u delikati u ghalhekk ikollhom bżonn iż-żmien tagħhom biex jiġu ffinalizzati. Fil-każ t’Għawdex, kienet intefgħet proposta waħda fl-istadju tal-EOI iżda ma kien hemm l-ebda proposta fl-istadju tal-RFP. Dan ma jfissirx li m’hemmx interess li jinfetaħ casino f’Ghawdex meta s-suq jippermetti.

Transport Malta – żviluppi ta’ yacht marinas

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-yacht marinas li għadhom qed jiġu kkunsidrati għall-iżvilupp min-naħa ta' Transport Malta? Fejn jinsabu, u f'kull każ fejn wasal il-proċess li nbeda?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għadu għaddej il-proċess għas-sejħa għall-proposti (RFP) għall-iżvilupp ta’ yacht marina ġewwa Sa Maison. Transport Malta qegħdha wkoll fil-proċess li tibda l-proċess ta’ privatizazzjoni tal-marina ġewwa l-Gżira kif ukoll, b’koordinament mal-Ministeru t’Għawdex, qed tevalwa l-possibilta’ għat-tkabbir tal-port tal-Imġarr. L-Awtorita’ qed tikkunsidra wkoll pjanijiet għall-iżvilupp tal-Baċir Nru 1.