Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma l-persuni li se jibbenefikaw minn support ta’ LEAP? Kif applikaw jew setgħu japplikaw persuni biex jingħataw għajnuna dawk li kienu interessati? X’xogħol qed jagħmlu dawk li ntgħażlu u ma’ min?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nnforma lill-Onorevoli Interpellant li huwa ttamat li l-proġett LEAP iwassal li permezz ta’ outreach aktar wiesgħa fil-komunita jintlaħqu dawk il-persuni u familji vulnerabbli u jingħataw l-għajnuna neċessarja. Dan qed isir flimkien ma’ diversi Dipartimenti u entitajiet governattivi, N.G.O.’s u ħafna oħrajn.
Il-proċess li ppermetta l-benefiċjarji / entitajiet biex ikunu parti mill LEAP seħħ kif indikat:
Matul l-aħħar xahrejn, e-mails ġew mibgħuta lill-NGOs kollha rreġistrati mal-Kummissjoni għall-Organizzazzjonijiet Volontarji kif ukoll lil Kunsilli Lokali u Parroċċi. Dawn ġew mitluba biex jimlew formoli ta' applikazzjoni biex jieħdu sehem fil-LEAP bħala l-benefiċjarji, li se jospitaw l-apprendisti. Sabiex jiġi żgurat li r-relazzjoni tkun waħda tajba u affidabbli bejn il-benefiċjarju u l-entita, l-entitajiet ġew imħeġġa biex jinnominaw ismu. Wara li dan il-proċess ġie konkluż, saret sejħa għall-benefiċjarji u permezz tal-appoġġ tal-ETC, (mail shots ġew mibgħuta lill-klijenti kollha tagħhom). Dan il-proċess renda aktar minn 350 applikani, li għaldaqstant ippermetta li tintlaħaq il-mira inizjali ta 200 persuna.
Ix-xoġħol li qed jingħataw lill-benefiċjarji huwa determinat mill-entità, li qed tospitahom skond il-proċess ta' tqabbil tal-ħiliet tagħhom. Il-mentors soċjali tal-proġett LEAP ser jgħinu u jakkumpanjaw il-benefiċjarji tul it-tmien xhur tal-proġett.
It-12-il Distrett — Kunsilli Lokali – ħasil ta’ bankini
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsilli Lokali tat-12-il distrett għandhomx xi programm speċjali biex jaħslu l-bankini? Jekk iva, liema huma l-bankini li qed jinħaslu, minn min, u b'liema arranġament qed isir dan il-ħasil? Kemm qed jiswa dan l-istess ħasil tal-bankini? Kif intgħażlu n-nies/kuntraturi li qed jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-infomazzjoni mitluba hekk kif mgħotija lili mill-Kunsilli Lokali kkonċernati.
Il-Mellieħa – Kunsill Lokali – inizjattivi ta’ natura kapitali
Question
Billi fil-media dehru artikli dwar inizjattivi ta' natura kapitali li qed jiġu kkunsidrati mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma dawn l-inizjattivi li s’issa waslu għand il-Ministeru, u x'passi ttieħdu s’issa biex ikun hemm finanzjament għalihom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ta preżentazzjoni dwar erba’ proġetti kapitali waqt laqgħa li kellu mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali. Dawn huma:
· soluzzjoni għall-konġestjoni tat-traffiku fi Triq il-Kbira u Triq Ġorġ Borg Olivier bi tħaffir ta’ mina;
· titjib ta’ aktar toroq arterjali permezz tal-programm tal-UE
TEN-T
, li jinvolvi t-triq bejn San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa, u t-triq tal-Għadira;
· bini ta’ Ċentru tal-Komunità b’faċilitajiet ta’
child care centre
, faċilitajiet sportivi, parkeġġ eċċ; u
· servizz ta’
cable car
bejn il-bajja tal-Għadira u l-parti urbana tal-Mellieħa.
L-għan tal-Kunsill hu li jqajjem interess anke mis-settur privat għal dawn il-proġetti. Għaldaqstant l-intenzjoni mhux li jinkseb xi finanzjament biex dawn il-proġetti jitwettqu mill-Kunsill.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi se jittieħdu biex fejn hemm dawl pubbliku nieqes fi Triq is-Sajjied, Buġibba, u l-inħawi ta' madwar, ikollhom dawl adegwat?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-dawl tat-triq imsemmija u l-inħawi tal-madwar huma fdati f’idejn il-Kunsill lokali. F’każ li jkun meħtieġ tibdil jew żieda fid-dawl eżistenti, l-Kunsill lokali jista’ jsegwi l-proċedura stabbilita biex jikseb l-awtoriżżazzjoni u jwettaq ix-xogħlijiet relatati.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm xufiera li għandhom il-liċenzja tagħhom li għaliha tapplika s-sistema ta' points skont il-kontravvenzjonijiet li jkun għamel dak ix-xufier partikulari? Kemm kien hemm xufiera li tilfu l-liċenzja tagħhom minħabba li laħqu l-massimu ta' tnax-il punt li huma stabbiliti? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk il-liċenzji l-ġodda għadhomx joħorġu b'din is-sistema? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li din is-sistema tiġi estiża għad-drivers kollha f'Malta u Għawdex? Jekk iva, meta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-liċenzji tas-sewqan il-ġodda kollha joħorġu b’sistema ta’ punti sakemm jgħaddu l-ewwel tlett snin mill-ħruġ tal-liċenzja. Preżentament hemm 16,154 persuna li għandhom il-liċenzja tagħhom li għaliha tapplika s-sistema ta’ punti. Matul din is-sena, kien hemm 50 persuna li tilfu l-liċenzja tagħhom minħabba li laħqu l-massimu ta’ tnax-il punt.
Nhar it-22 ta’ April 2014 kien ġie ppubblikat dokument msejjaħ bħala Road Safety Strategy Document liema dokument kien inħareġ għall-konsultazzjoni pubblika. F’dan id-dokument kienet ġiet proposta l-miżura li nestendu s-sistema tal-punti fuq ix-xufiera kollha sabiex niskoraġixxu l-ksur tar-regoli repetutament, filwaqt li ninkoraġixxu t-taħriġ kontinwu. Din il-miżura hija proposta biex tkun mifruxa fuq medda ta’ għaxar snin.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm uffiċjali ta' Transport Malta li qed ikunu fuq il-bus stops biex jagħmlu spezzjonijiet fuq il-karozzi tal-linja? X'tip ta' spezzjonjiet qed iwettqu dawn il-persuni? Minbarra impjegati ta' Transport Malta, Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk hemmx ukoll ħaddiema ta' kumpaniji privati li qed iwettqu dan ix-xogħol? Jekk iva, kif saret l-għażla ta' dawn il-ħaddiema?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox hemm ħames impjegati ġewwa s-sezzjoni tat-Trasport Pubbliku ta’ Transport Malta li għandhom ir-rwol li jagħmlu spezzjonijiet fuq il-karozzi tal-linja. L-ispezzjonijiet li jwettqu dawn l-impjegati jinkludu:
· Spezzjonijiet fuq ix-xarabanks fejn tiġi iċċekkjata fost l-oħrajn, l-indafa, apparat ta’ sigurtà u t-temperatura ambjentali ġewwa ix-xarabank;
· Spezzjonijiet fuq l-infrastruttura, fejn jiġi ċċekjat li hemm l-iskedi mwaħħla fuq il-
bus stops
kif ukoll l-indafa f’dawk il-vened immaneġġjati mill-operatur;
· Xufiera u impjegati oħra tal-operatur li jkollhom kuntatt mall-passiġġieri;
· Moniteraġġ fuq ir-rotot fejn jiġu ċċekjati fuq affidabbiltà u puntwalità.
Minbarra dawn il-ħames impjegati, Transport Malta għandha numru ta’ Enforcement Officers li jassistu fi spezzjonijiet li għandhom x’ jaqsmu mas-sigurta’ tal-karozzi tal-linja.
Infurmat ukoll li l-moniteraġġ tar-rotot isir ukoll permezz ta’ impjegati ta’ kumpanija privata, liema kumpanija ġiet magħżula wara li kienet ħarget tender għal tali servizzi. L-ammont jista jvarja bejn 2 u 8 persuni skont in-neċessitajiet ta’ Transport Malta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidla fir-rotta tal-ġbir tat-tfal tal-iskola ta' San Pawl il-Baħar, din is-sena skolastika? Jekk iva, x'kien it-tibdil li seħħ, u kif qed jiġi assigurat li l-ġenituri jkunu infurmati dwar dan it-tibdil? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi rappreżentazzjonijiet mill-ġenituri dwar dan it-tibdil?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li bħala riżultat dirett ta’ tfal ġodda fl-iSkola kif ukoll ta’ tfal li jkunu spiċċaw mill-istess Skola Primarja, ir-rotot jiġu emendati biex jaqdu l-bżonnijiet tal-istudenti matul is-sena skolastika msemmija. L-ippjanar u tibdil fir-rotot isir biex minn naħa jinżamm livell għoli ta’ servizz kif ukoll livell għoli ta’ effiċjenza u valur.
Preżentament, fl-iSkola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar qegħdin iservu tlettax-il (13) vettura; kien hemm żieda ta’ erba’ (4) coaches fuq is-sena l-oħra u l-ebda pick-up point uffiċjali li kien jintuża s-sena l-oħra ma tneħħa. Mill-banda l-oħra, l-iskola talbet żewġ pick-up points ġodda fiż-żona ta’ Buġibba/Qawra (immarkati fir-reġistru tat-trasport bħala Playing Field u Miracle Foods) u dawn ġew inklużi.
L-iskola tilqa’ talbiet għall-użu tat-trasport u permezz ta’ komunikazzjoni bejn l-iskola u l-ġenituri jkun hemm tagħrif ta’ liema pick up points ser jintużaw mill-istudenti. L-iskola mbagħad tgħaddi din l-informazzjoni lill-uffiċċju tat-trasport għall-iskejjel fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, fejn dan tal-aħħar ifassal ir-rotot u jinforma lis-service providers bir-rotot u d-dettalji relatati.
Filwaqt li kien hemm korrispondenza fuq is-servizz tat-trasport, ma jirriżultax li kien hemm rappreżentazzjonijiet li waslu fl-uffiċċju tat-trasport għall-iskejjel li huma riżultat dirett taż-żieda fis-servizz ta’ pick-up points għal din is-sena.
San Pawl il-Baħar – sensors tal-veloċità fil-bypass
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar hux se jiġu stallati xi sensors fil-bidu u fit-tmiem tat-triq biex ikun irrekordjat il-ħin li jittieħed minn tarf għall-ieħor tal-istess triq, ħalli jiġi assigurat li l-average speed matul l-istess triq ma jaqbiżx it-80 kilometru s-siegħa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorità tat-Trasport irċeviet talba mill-kumitat reġjonali għall-installazzjoni ta' speed camera. Din it-talba ġiet approvata mill-Awtorità u tali speed camera ġiet istallata mill-istess kumitat reġjonali. L-Awtorità ma rċeviet l-ebda talba għall-istallazzjoni ta' Average Speed Camera li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant.
San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra – pressa tal-ilma tal-vit
Question
Billi fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra, matul dawn l-aħħar jiem, u dan f'perijodu meta l-konsum tal-ilma suppost li beda jonqos u mhux jiżdied, partijiet sostanzjali ta' San Pawl il-Baħar qed ikollhom jew qtugħ totali, inkella tnaqqis sostanzjali fil-pressa tal-ilma tal-vit, jista' l-Ministru jinvestiga x'inhi r-raġuni għal dan in-nuqqas serju, li qed jikkawża diffikultajiet mhux żgħar lir-residenti ta' dawn l-inħawi?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pressa baxxa hija dovuta għal xogħlijiet infrastrutturali li qegħdin isiru fil-Coast Road.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux possibbli li fl-inħawi ta' Kennedy Grove, fid-direzzjoni li minn Baħar iċ-Ċagħaq tkun ġej lejn San Pawl il-Baħar, fejn l-ilma tal-wied jiżbokka fil-kanal tas-Salini, fil-fatt jiġi assigurat li l-mini li qed jitqiegħdu jkunu kbar biżżejjed biex jieħdu l-ilma li normalment jgħaddi minn dawn l-inħawi wara kull xita? Billi nies midħla sew tal-inħawi huma preokkupati li dawn il-mini mhumiex kbar biżżejjed, jista' jinvestiga jekk dawn il-mini jew xi mini oħra se jkunu kbar biżżejjed biex jieħdu l-ilma li jiġi fihom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mini li qegħdin jiġu mibnija huma estensjoni tal-mini eżistenti, kemm bħala daqs kif ukoll bħala direzzjoni. Il-mini eżistenti għandhom jinżammu u jiġu rranġati. Għaldaqstant il-passaġġ tal-ilma fil-kanal tas-salini mhux ser jiġi mblukkat jew ostakolat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Malta kenitx rappreżentata fil-laqgħa tal-SCRC li nżammet riċentement f'Madrid, liema laqgħa tippreċedi l-laqgħa ta' l-ICCAT li se tinżamm iktar tard din is-sena? Jekk iva, min ħa sehem fil-laqgħa, u x'pożizzjonijiet ittieħdu mir-rappreżentant/i Malti/Maltin?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħal ma jiġri kull sena Malta attendiet għal-laqgħa li saret f’Madrid. Min-naħa ta’ Malta attenda Uffiċjal Xjentifiku Anzjan bħala parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Infakkar lill-Onor. Interpellant li fil-materja ta’ konservazzjoni tal-ħut, l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza esklussiva u kull pożizzjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali tittieħed minn rappreżentanti tal-Kummisjoni Ewropea.
Torri ta' Marsaxlokk — ċentru tar-riċerka dwar l-akwakultura
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn hu mistenni li jiġi rikolat iċ-ċentru tar-riċerka dwar l-akwakultura li ilu snin twal fit-torri ta' Marsaxlokk? X'investiment hu mistenni li jsir u min hu maħsub li jagħmel dan l-investiment?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, bħalissa m’hemmx pjan li ċ-Ċentru ta’ Riċerka dwar l-Akkwakultura jiġi rilokat
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tfal li jattendu l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, bħalissa? Kif inhuma mqassma dawn it-tfal skont il-klassijiet li hemm fl-istess skola? Kemm minn dawn it-tfal li jattendu l-iskola primarja jużaw it-trasport li hu pprovdut mill-Gvern? Kif qed jiġi assigurat li t-tfal li għandhom dritt li jinġarru lejn l-iskola u lura permezz tat-trasport, qed ikunu infurmati b'dan id-dritt li għandhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ tfal fl-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar, Kulleġġ Maria Reġina, kif ukoll dettalji ta’ kif inhuma mqassma, huwa kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Preżentement, in-numru ta’ tfal li huma rregistrati biex jużaw it-trasport ipprovdut mill-Gvern huwa ta’ 405 student.
Kull talba għat-trasport tigi proċessata mill-iskola u wara li tiġi kkonfermata l-eliġibilita’ għat-trasport, isir eżerċizzju bejn l-iskola u s-sezzjoni tat-trasport tal-iskejjel biex jingħaqdu rotot li huma konvenjenti u effiċjenti. Dawn ir-rotot jinħadmu abbażi tal-kuntratt iffirmat bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-kumpaniji varji ta’ trasport.
San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra — Qtugħ tal-provvista tal-ilma
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex partijiet sostanzjali ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba, u l-Qawra kienu bla ilma matul l-aħħar 48 siegħa? Liema toroq kienu affettwati u x'passi ttieħdu biex il-ħsara ma ddumx ma tissewwa? X'miżuri ħadet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex dan il-qtugħ ma jirrepetix ruħu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-postijiet imsemmija m’għamlux 48 siegħa mingħajr ilma iżda ftit sigħat bi pressa baxxa. Dan kien dovut għal xogħlijiet infrastrutturali li qegħdin isiru fil-Coast Road.
Jista’ l-Ministru jinvestiga r-raġuni li għaliha l-ispazju li hemm wara l-binja ta' Flats Indipendenza, fi Triq it-Turisti San Pawl il-Baħar (Buġibba/Qawra), u t-triq li hemm fl-istess spazju mhumiex mogħtija wiċċ bit-tarmak, bil-konsegwenzi kollha li jkollhom ibatu dawk li joqogħdu f’dawk l-inħawi jew jgħaddu minn hemm? Jista’ l-kunsill lokali, li hu responsabbli minn din l-area, jieħu l-passi neċessarji biex dan il-post jingħata t-tarmak?
Response (BONNICI, OWEN)
Niltob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema fondi huma mistennija li jingħataw lill-kunsilli lokali tat-tnax-il distrett minn fondi ta’ skemi differenti li ħabbar il-Gvern? Meta hu mistenni li jingħataw dawn il-fondi u x'inhu mistenni li jsir b'dawn l-istess fondi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li preżentament hemm żewġ skemi li qed jiġu evalwati u li għad iridu jiġu aġġudikati qabel jitħabbar ir-riżultati tagħhom.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm deċiżjoni li ħamrija li hemm fl-inħawi tas-Salina tintradam, minflok ma titneħħa qabel ma jinbeda x-xogħol neċessarju biex tinbena l-parti tat-triq li tgħaddi minn dawk in-naħiet? Jekk iva x'wassal għal din id-deċiżjoni, u ma’ min saret il-konsultazzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art inkwistjoni tikkonsisti f’ħamrija organika fuq saffi ta’ materjal fin ħafna, liema materjali ġew ikklassifikati bħala silt u clay.
Il-ħamrija organika, li hija tajba għall-agrikoltura, ġiet maħżuna fuq il-post u ser terġa’ tintuża fil-proġett.
Is-subsoil, li tikkonsisti f’silt u clay, għandhom karatteristiċi fisiċi li ma kienx jaqbel li jitneħħew, peress illi l-blat jinsab fil-fond ħafna kif ukoll minħabba l-fatt illi l-livelli tal-kostruzzjoni jinsabu qrib il-livell tal-baħar. Dawn il-fatti ġew stabbiliti wara diversi studji fuq dawn il-materjali magħmulin minn esperti tekniċi.
San Pawl il-Baħar — dawl pubbliku ħdejn it-torri u fil-pjazza ta’ Buġibba
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’passi ttieħdu biex id-dawl pubbliku li hemm ħdejn it-torri ta’ San Pawl il-Baħar, kif ukoll fil-pjazza ta’ Buġibba jiġi rranġat? Kemm-il darba saru rapporti tal-qtugħ ta’ dan id-dawl fl-aħħar ġimgħat?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-dawl pubbliku li hemm ħdejn it-Torri ta’ San Pawl il-Baħar, kif ukoll fil-pjazza ta’ Buġibba ma’ jaqax taħt ir-responsabbilta’ tal-Enemalta. Kien hemm rapport wieħed biss fuq qtugħ ta’ dawn ħdejn it-Torri, liema rapport ġie mgħoddi lil Kunsill Lokali.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru, jekk saru, rapporti dwar il-fatt li l-pelican lights li hemm ħdejn l-iScotts Supermarket f’Burmarrad, ilu ma jaħdimx għal diversi ġimgħat? X’passi ttieħdu biex din il-ħsara tissewwa? Lil min saru r-rapporti relevanti?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-Awtorita’ tat-Trasport ġiet mgħarrfa bil-ħsarat fil-pelican crossing ta’ Burmarrad mill-uffiċċjali li jagħmlu r-ronda biex jiċċekkjaw il-ħsarat u wkoll mill-pubbliku mis-sistema tal-Customer Care. Il-ħsara kienet fis-safety CPU card tas-sistema fejn, wara li sar kuntatt mal-kumpanija li tissuplixxi l-apparat, irriżulta li tali card kellha tintbagħat lura lill-kumpanija sabiex jiġi aġġornat il-Firmware. Għalkemm l-Awtorita’ kellha aktar minn dawn il-cards fl-istokk, il-kumpanija nfurmat lill-Awtorita’ li dawn kollha kellhom bżonn li jiġu aġġornati. Għaldaqstant, il-cards kollha kienu ntbgħatu barra minn Malta għand il-kumpanija. L-Awtorita’ rċeviet dawn il-cards aġġornati, il-card ġiet installata fit-traffic light controller u issa din il-pelican crossing qed taħdem.
Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar – ħsarat fis-sistema tad-dawl
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba ġew irrappurtati lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar il-ħsarat li hemm fis-sistema tad-dawl, ħdejn it-torri ta’ Wignacourt San Pawl il-Baħar u fil-pjazza ta’ Buġibba? X’passi ttieħdu biex dawn id-dwal jiġu rranġati? Meta saru r-rapporti relattivi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-Kunsill Lokali rċieva rapporti dwar erba’ ħsarat fid-dawl dekorattiv ta’ Triq San Franġisk kantuniera ma’ Triq San Ġiraldu. Dawn tgħaddew lill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu peress li dan id-dawl jaqa’ fir-responsabbiltà tagħha. Irċieva wkoll żewġ rapporti dwar id-dawl dekorattiv ta’ Misraħ il-Bajja f’Buġibba: rapport tad-dawl kollu maqtugħ u dawl ta’ arbli individwali. Dawn ir-rapporti tgħaddew lid-Dipartiment konċernat (MTI-MSD.)