Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli Lokali tal-11-il u t-12-il Distrett Elettorali – xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq hu ppjanat li jsir xogħol infrastrutturali fihom mill-kunsilli lokali tal-11-il u t-12-il distrett elettorali, lokal b’lokal bejn issa u Diċembru 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif mgħotija mill-Kunsilli Lokali kkonċernati.

Kunsilli Lokali – spezzjonijiet għal għarrieda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk id-dipartiment responsabli mill-Kunsilli Lokali jagħmilx spezzjonijiet għal għarrieda fil-kunsilli lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li l-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ Gvern lokali b’personalità legali distinta li fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, eżiġenzi u l-mezzi tagħhom. Fost il-funzjonijiet tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali hemm il-moniteraġġ tal-operat u l-ħidma tal-Kunsilli Lokali permezz tal-Monitoring Unit, iżda bl-ebda mod id-Dipartiment ma għandu funzjoni polizjeska fuq il-Kunsilli Lokali kif qed jirreferi l-Onor. Interpellant.

12-il Distrett Elettorali – kunsilli lokali – programm LEAP

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kunsilli lokali tat-12-il distrett li qed jieħdu sehem fil-programm LEAP u kemm hemm persuni li qed jibbenefikaw minn dan il-programm ma’ kull kunsill rispettivament? Jista’ jindika kif intagħżlu l-persuni kkonċernati?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Transport Malta – San Pawl il-Baħar – xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq f’San Pawl il-Baħar li skont Transport Malta għad iridu jsiru? Liema toroq qed isir xogħol fuqhom preżentament? Liema toroq oħra hu mistenni li jsiru fil-futur qarib?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’San Pawl il-Baħar Transport Malta tagħmel it-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha filwaqt li preżentement qed isir xogħol fi Triq Jean De La Cassiere. It-toroq l-oħra li jaqgħu taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta jsiru skont il-programm ta’ xogħlijiet u l-prijoritajiet li jirriżultaw.

Kunsilli Lokali — korrispondenzi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif jista’ persuna residenti f’lokalità, jieħu l-passi fil-konfront ta’ sindku jew kunsillier li fil-korrispodenza interna tal-kunsill ikun qed jipprova jattakah meta l-istess persuna mhux membru tal-kunsill? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk tali korrispondenza li tkun tiġri fl-idejn tistax tiġi użata mill-persuni msemmija fl-istess korrispondenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nfurmat mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali li f’każ li persuna taħseb li kien hemm allegatament amministrazzjoni ħażina li tinkludi deċiżjonijiet minn rappreżentanti eletti jew uffiċċjali ta’ xi kunsill lokali li jieħdu tul ta’ żmien mhux raġonevoli mingħajr ebda ġustifikazzjoni, proċeduri li ma jkunux konsistenti adottati f'ċirkostanzi simili, l-għoti ta’ informazzjoni jew dokumentazzjoni żbaljata, jew deċiżjonijiet li ma jkunux skont il-liġi jew il-proċeduri statutorji, xi azzjoni li fl-implimentazzjoni tagħha toħloq inkonvenjent bla ħtieġa jew xi abbuż ta’ diskrezzjoni, l-istess persuna tista’ tagħmel ilment quddiem il-Bord ta’ Governanza Lokali.

Neighbourhood watches

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema lokalitajiet hemm neighbourhood watches? X’kollaborazzjoni qiegħda tagħti l-pulizija f’dawn il-lokalitajiet?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm kien hemm okkażjonijiet fejn saru tentattivi kemm mill-Pulizija kif ukoll minn xi Kunsilli Lokali sabiex titwaqqaf u tibda tiffunzjona n-Neighbourhood Watch f’ċerti lokalitajiet f’Malta, din l-iskema ma qabditx. Għaldaqstant bħalissa ma’ hemm l’ebda lokalita f’Malta fejn hemm in-Neighbourhood Watch.

Torri ta' Marsaxlokk — ċentru tar-riċerka dwar l-akwakultura

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10871, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-istudji dwar żviluppi, investimenti u bidliet oħra li mistennija jseħħu f’dan il-qasam? Meta hu mistenni li jispiċċaw l-istudji, jekk bdew, dwar ir-rilokazzjoni taċ-Ċentru tal-Akwakultura? X’sejħiet seħħew s’issa dwar dan u x’rispons kien hemm?

Response (BRINCAT, LEO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10871, nirreferi ukoll lill-Onor. Interpellant għall-Istrateġija dwar l-Akwakultura (Aquaculture Strategy for the Maltese Islands...towards sustainability 2014 – 2015) li ġiet ippublikata f’Ġunju 2014.

Laqgħa tal-SCRC — rappreżentanza Maltija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10870, billi fit-tweġiba jingħad li fil-materja ta’ konservazzjoni tal-ħut, l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza esklussiva u kull pożizzjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali tittieħed minn rappreżentanti tal-Kummisjoni Ewropea, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dan l-istatement ifissirx li l-pajjiżi differenti ma jeħdux sehem fil-preparazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea? Jekk ikun hemm diskussjoni dwar dan, x’pożizzjoni ħadet Malta fil-laqgħat preċedenti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, fil-każ ta’ din il-laqgħa, bħal ma jsir kull sena, il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea ġiet ikkoordinata minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, flimkien mar-rappreżentanti tal-iStati Membri, fosthom Malta. Il-pożizzjoni ta’ Malta waqt dan il-proċess kien li qagħdet mal-parir tal-Kumitat Xjentifiku tal-ICCAT li peress li kien hemm żieda sostanzjali ta’ stokk ta ħut allura ma kelliex tkun problema li l-kwota tal-tonn tiżdied b’mod gradwali.

San Pawl il-Baħar — skola primarja - trasport

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10895, billi qed jingħad li fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar hemm 919 studenti li minnhom 405 għandhom it-trasport ipprovdut mill-Gvern, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar minn liema distanzi għandhom dritt għat-trasport it-tfal li jattendu din l-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-prassi li tfal fil-livell primarju jinġabru minn distanza ta’ mil mill-iskola li jagħmlu magħha, fl-aħħar snin naqset għal distanza ta’ kilometru. Dan japplika wkoll għall-iskola tal-Kulleġġ Maria Reġina ta’ San Pawl il-Baħar. It-talbiet eliġibbli kollha għal servizz ta’ trasport li waslu fl-uffiċċju tat-trasport għall-iskejjel ġew milqugħa u akkomodati.
Leg 12 PQ #11522 Sitting 192 2014-10-28 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra — Qtugħ tal-provvista tal-ilma

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10902, billi fil-mistoqsija mkien ma ntqal li l-ilma kien maqtugħ għal 48 siegħa sħaħ, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu t-toroq affetwati u jista’ jagħti tagħrif dwar kif wasal għall-konklużjoni li mhux minnu li l-ilma kien maqtugħ, meta r-residenti ta’ diversi toroq ilmentaw pubblikament li ma kellhomx ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt mgħarraf li sakemm saret it-tagħqida tal-mejn max-xogħol il-ġdid, ir-residenti bdew jingħataw ilma mir-reverse osmosis tal-Mellieħa minflok mill-ġibjun tan-Naxxar biex żgur ma jispiċċawx bla ilma. Meta l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tkun ħa tagħmel xi xogħlijiet li jirrikjedu qtugħ fil-provvista, il-konsumaturi dejjem jiġu avżati.

San Pawl il-Baħar – Triq it-Turisti — Tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10929 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u jinvestiga r-raġuni li għaliha l-ispazju li hemm wara l-binja ta' Flats Indipendenza, fi Triq it-Turisti San Pawl il-Baħar (Buġibba/il-Qawra), u t-triq li hemm fl-istess spazju mhumiex mogħtija wiċċ bit-tarmak, bil-konsegwenzi kollha li jkollhom ibatu dawk li joqogħdu f’dawk l-inħawi jew jgħaddu minn hemm? Jista’ l-kunsill lokali, li hu responsabbli minn din l-area, jieħu l-passi neċessarji biex dan il-post jingħata t-tarmak? Jista’ jagħti tagħrif dwar min hu responsabbli mit-triq imsemmija u ċjoè Triq it-Turisti li tinsab f’nofs il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, ladarba ma taqax taħt il-Kunsill Lokali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed nifhmu li qed jirreferi għall-parti minn Triq il-Fliegu. Fil-parti li hija ffurmata skont l-iskema tal-MEPA, l-asfaltar huwa responsabilta’ ta’ Transport Malta u għalhekk tinsab fil-lista ta’ toroq li jridu jsiru mill-Awtorita’. Għat-tieni parti tal-mistoqsija, peress li l-istess mistoqsija tindika ċar li qed issir lill-Kunsill Lokali, mhux il-lok li nirrispondi jien.

Kunsilli Lokali — kontroll

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ kontroll jagħmel il-Ministeru biex jara li l-kunsilli lokali jkunu qed jimxu ma’ dak li jipproklama l-istess Ministeru? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm hemm kunsilli li għadhom mhux qed iwettqu l-istreaming tal-laqgħat? Liema huma u x’passi qed jittieħdu biex dan ma jibqax jirrepeti ruħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Direttorat tal-Gvern Lokali li hemm tmienja u tletin (38) Kunsill Lokali li diġa qed jagħmlu streaming tal-laqgħat tagħhom waqt li hemm seba’ (7) Kunsilli Lokali oħrajn li mistennija jibdew matul ix-xahar id-dieħel. Intant hemm ħames (5) Kunsilli Lokali li qed jinstallaw is-sistema, ħdax (11)-il Kunsill Lokali fi stadju ta’ evalwazzjoni u seba’ (7) oħra għadhom ma bdewx il-proċess peress li se jbiddlu l-uffiċini tagħhom. Il-mira hi li l-Kunsilli Lokali kollha jkunu qed ixandru l-laqgħat tagħhom b’mod dirett permezz tal-live streaming sal-aħħar tas-sena. Hekk kif isir dan ser nieħdu ħsieb li ndaħħlu linji gwida apposta dwar dan.

Il-Qawra – Triq Annetto Caruana – tarmak fit-triq il-ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex triq ġdida fi Triq Annetto Caruana, eżatt wara l-knisja tal-Qawra, tiġi mogħtija t-tarmak għaliex hi mibnija u mimlija residenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta kienet ħarġet tender għall-kostruzzjoni ta’ din it-triq. Dan it-tender qiegħed fl-istadju ta’ evalwazzjoni u għaldaqstant ix-xogħlijiet mistennija jibdew fil-futur qrib.

San Pawl il-Baħar – Triq iċ-Ċern – bankina

Question

Jista' l-Ministru jitlob lill-Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar biex jieħu l-passi neċessarji biex tigi rranġata l-bankina li hemm fi Triq iċ-Ċern, San Pawl il-Baħar, billi hemm diversi partijiet minnha li qed jinqalgħu, b'periklu għal min ikun għaddej minn hemm?

Response (BONNICI, OWEN)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalità legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Madankollu jien għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali konċernat.

San Pawl il-Baħar – avviżi ta’ żgumbrament

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm twaħħlu avviżi ta’ żgumbrament fuq dgħajjes, karozzi u affarijiet oħra fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar matul din is-sena? Fejn kienu l-postijiet li fihom twaħħlu dawn l-avviżi? Kemm kien hemm sidien li neħħew dawk l-oġġetti li dwarhom kellhom avviż ta’ żgumbrament? Liema oġġetti ma tneħħewx u liema oġġetti hu mistenni li jneħħi l-kunsill lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li matul din is-sena waħħal tmien (8) avviżi ta’ żgumbrament ma’ dgħajjes u tlieta u għoxrin (23) avviż ta’ żgumbrament ma’ karozzi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-postijiet li fihom twaħħlu dawn l-avviżi. Infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali li għandha ssir spezzjoni aktar tard dan ix-xahar biex jitneħħew il-karozzi u d-dgħajjes li jkunu għadhom ma tneħħewx.
Leg 12 PQ #11345 Sitting 191 2014-10-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Nefqa fuq il-Biċċerija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10985, billi qed jingħad li wara Diċembru 2013 intefqu €164,000 fuq il-biċċerija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar minn fejn intefaq dan l-ammont meta fir-risposta qed jingħad li l-Vot 7263 ma baqax jidher? X’kienu l-ħlasijiet li saru?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ € 164,000 intefaq minn Vot 7263 f’Diċembru 2013 meta l-Vot imsemmi kien għadu eżistenti u dawn kienu ħlas ta’ retention money fuq il-kuntratt ta’ Provvista, Istallazzjoni, Ittestjar u Kummissjonar ta’ Apparat u Servizzi Anċillari għall-Biċċerija ta’ Għawdex.
Leg 12 PQ #11346 Sitting 191 2014-10-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – Voti 7117 u 7118 — nefqa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10985 u partikularment dwar il-Voti 7117 u 7118, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex intefqu l-ammonti indikati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li n-nefqa mill-Voti 7117 u 7118 li ngħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10985 hija kif tidher fl-iskeda li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar u tas-Salini – rapporti ta’ ħsejjes matul il-lejl

Question

Billi matul l-aħħar ġimgħat, f'diversi okkażjonijiet matul il-lejl instemgħu ħsejjes qishom tiri jew murtali żgħar, f'diversi postijiet ta' San Pawl il-Baħar, inkluż sal-bieraħ, 15 ta' Ottubru, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt kienx hemm rapporti dwar dan fl-għassa tal-Pulizija tal-Qawra? Jekk kien hemm, jista' jagħti tagħrif dwar x'irriżulta li kienu dawn l-istess ħsejjes? Jekk le, jista' jitlob li jiġu investigati dawn il-ħsejjes, li qed iħassbu ħażin lil bosta residenti li joqogħdu fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar u tas-Salini?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interellant li ma’ kienx hemm rapporti dwar dawk il-ħsejjes li hemm deskritti f’din il-mistoqsija Parlamentari fl-għassa tal-Pulizija tal-Qawra. Jekk ikun hemm il-Pulizija ser tagħmel min kollox biex tara min fejn ġejjin u tinvestiga kull każ skont il-ħtieġa.

Park tal-Majjistral – bdil ta’ użu tal-art

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm art fil-park tal-Majjistral li bidlet l-użu tagħha matul l-aħħar xhur? Billi fi stqarrija ntqal li kien hemm xi individwi li ħadu art tal-Gvern għal skop ta' nsib, jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każi meta ġara dan matul l-aħħar xhur, u x'tip ta' sorveljanza hemm fil-post biex dan ma jiġrix?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar xhur ma ġie awtorizzat l-ebda bidla fl-użu tal-art tal-Park tal-Majjistral. Peress li l-art tal-Park hija waħda mifruxa, kull meta l-Managment tal-Park jinduna li hemm xi tip ta’ abbuż, dan jikkoordina mal-awtoritajiet ikkonċernati fosthom il-MEPA u d-Dipartiment tal-Artijiet sabiex jitneħħa l-abbuż.
Leg 12 PQ #11001 Sitting 190 2014-10-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Lukanda Selmun Palace– proċess ta’ bejgħ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess ta' bejgħ tal-lukanda Selmun Palace, f'Selmun, limiti tal-Mellieħa?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari W332.