San Pawl il-Baħar — Triq l-Iskuna u Triq it-Tamar - tarmak
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li tingħata t-tarmak it-triq (jew parti minnha) li tgħaqqad Triq l-Iskuna ma' Triq it-Tamar f'San Pawl il-Baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi il-parti ffurmata ta’ Triq it-Tamar kantuniera ma’ Triq l-Iskuna tinsab fil-lista ta’ toroq li jridu jinbnew minn Transport Malta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu l-perijodu taż-żmien li qed jistennew dawk il-persuni mhux Maltin li talbu biex ikollhom ID card f'Malta wara li ġew joqogħdu hawn għal tup ta' żmien? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx distinzjoni fil-perijodu li wieħed irid jistenna, qabel jingħata din l-ID card, bejn dawk li huma ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi oħra? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti bħalissa għall-għoti ta' tali ID card? Minn liema pajjiżi, pajjiż b'pajjiż?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li Malta, wara l-emendi li saru fl-Att dwar il-Karta ta’ l-Identita u Dokumenti oħra tal-Identità (Kap 258), m’għadhiex toħroġ ID Cards lill-Barranin.
Id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u tal-Expatriates joħroġ dokumenti ta’ residenza lill-barranin awtorizzati joqogħdu f’Malta. Dan id-dokument jista’ jintuża wkoll għall-skopijiet ta’ identifikazzjoni. Iż-żmien li jieħu l-iproċessar ta’ dan id-dokument ivarja skont il-każ u min-numru ta’ applikazzjonijiet li jridu jiġu pproċessati fil-perjodu partikolari. It-tul ta’ żmien medju għall-iproċessar tad-dokument huwa ta’ ftit ġimgħat.
L-iproċessar ta’ dokumenti ta’ dawk il-persuni li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea huwa iqsar minħabba li dawn għandhom, skont il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, dritt li dan id-dokument jinħareġ immedjatament.
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, dokument li juri applikazzjonijiet pendenti għal ħruġ ta' dokumenti ta' residenza skont il-pajjiż.
Twaqqif ta' producer organisations f'oqsma ta' agirkolatura
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm żviluppi għal dak li jirrigwardja t-twaqqif ta' producer organisations f'xi oqsma marbuta mal-agrikolatura, f'Malta jew f'Għawdex? Liema huma s-setturi li fihom hu mistenni li jitwaqqfu dawn l-istess organizzazzjonijiet? Meta hu mistenni li jitwaqqfu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-ħolqien ta’ Producer Organisations f’oqsma speċifiċi jsiru abbażżi ta’ inizjattivi ta’ individwi – bdiewa jew raħħala - li jingħaqdu flimkien volontarjament sabiex iwaqqfu Producer Organisation fis-settur tagħhom.
Ta min jgħid ukoll li filwaqt li d-Direttorat tal-Agrikoltura offra kors b’xejn ta’ kif għandha tiġi rikonoxxuta u mmexxjia 'Għaqda tal-Produtturi' u jagħti pariri fi stadju preliminari qabel l-applikazzjoni, il-proċess formali għar-rikonoxximent jibda mas-sottomissjoni tal-applikazzjoni.
Preżentement hemm biss applikazzjoni waħda għar-rikonoxximent bħala 'Għaqda ta’ Produtturi tal-Fniek'.
fondi ewropej — talbiet għal finanzjament għal bdiewa
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm intlaqgħu talbiet għal finanzjament minn fondi ewropej għal bdiewa f'Malta u Għawdex? Kemm minn dawn it-talbiet diġà tħallsu u kemm le, dejjem għal dak li jikkonċerna l-2013 u l-2014?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
fondi ewropej — talbiet għal finanzjament minn sajjieda
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm intlaqgħu talbiet għal finanzjament minn fondi ewropej, matul l-2013 u l-2014, minn sajjieda Maltin u Għawdxin? Kemm minn dawn it-talbiet diġà tħallsu u kemm le? Kemm talbiet għad iridu jiġu deċiżi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, matul is-sena 2013 kien hemm żewġ skemi iffinanzjati minn Fondi Ewropej. In-numru ta` applikanti b’ kollox kien ta’ 12. Minn dawn ħames sajjieda, tnejn minnhom residenti f’ Għawdex, kienu eliġibbli u tħallsu kollha.
Fl-2014 ma nħarġet l-ebda skema għas-sajjieda Maltin u Għawdxin b’ finanzjament minn Fondi Ewropej.
Fondi Ewropej — talbiet għal finanzjament minn raħħala
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm intlaqgħu talbiet għal finanzjament minn fondi ewropej, minn raħħala Maltin u Għawdxin, matul l-2013 u l-2014? kemm minn dawn it-talbiet intlaqgħu u diġà tħallsu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux normali li uffiċjali tal-MEPA li ma jkunux ħadmu fuq files partikolari, ukoll sa waqt l-appell, imbagħad imorru għand l-applikant biex jiddiskutu l-applikazzjoni li tkun diġà rifjutata?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ġie jqum ix-xogħol li sar wara l-BOV f'San Pawl il-Baħar? Min għamel dan ix-xogħol u fiex kien jikkonsisti? Kif intagħżlu l-kuntratturi li wettqu dan ix-xogħol? Jista' jagħti l-informazzjoni skond ix-xogħlijiet differenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif mgħoddija mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Intant ninforma lill-Onor. Interpellant l-ispiża globali għax-xogħol li sar kienet ta’ €8,929.30.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm irziezet tal-baqar, u jekk hu l-każ, irziezet ta' annimali oħra li għalihom saru t-talbiet għal għajnuna tal-Gvern, li ġew approvati, fil-passat u li għadhom ma tħallsux ta' din l-istess għajnuna? Jista' jagħti tagħrif dwar f'liema lokalitajiet jinsabu l-irziezet li ġew apporvati l-għajnuna għalihom li iżda għadhom ma tħallsux din l-istess għajnuna minkejja li x-xogħol li kellu jsir tlesta, f'xi każijiet, żmien twil ilu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi jiena nfurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-ammont ta’ rziezet inkwistjoni huwa ta’ 64 u dawn huma mifruxa madwar Malta u Għawdex. Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant il-ħlas li kien miftiehem mal-Gvern Nazzjonalista, lejlet l-Elezzjoni Ġenerali, kien suġġet għal-liġijiet u r-regoli kollha applikabbli tal-Unjoni Ewropea. F’dan l-istadju l-Gvern qed jaħdem biex kemm jista’ jkun malajr jara li jiffinalizza l-każijiet li jaqgħu fil-kwadru tar-regoli.
Kunsilli Lokali tal-11-il u t-12-il Distrett Elettorali – xogħlijiet infrastrutturali
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11615, jista' l-Minsitru jagħti tagħrif dwar x'inhu x-xogħol li mistenni jsir mill-kunsilli lokali rispettivi fit-toroq li għataw fil-lista li tqegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra, waħda waħda, mill-kunsilli li huma responsabbli għal dawn it-toroq partikolari? Xi preparazzjoni saret s'issa dwar ix-xogħol li hu meħtieġ f'dawn it-toroq? Minn min saret?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif mgħotija mill-Kunsilli Lokali kkonċernati.
Billi jidher li fl-inħawi tas-Salina fejn qed isir xogħol fuq it-triq il-ġdida, il-livell tat-triq se jkun ferm aktar għoli milli se jkun il-livell tal-ħamrija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jiġi assigurat li l-istess għelieqi ma jispiċċawx mgħarrqa kull meta jkun hemm ħalba xita, b'dannu għall-bdiewa li jaħdmu dawn l-istess għelieqi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-proġett tal-kostruzzjoni tat-triq jinkludi biss il-bini mill-ġdid u twessieħ ta’ triq li diġà tinsab f’livell iktar għoli mir-raba’ imsemmi.
Il-proġett mhux maħsub bħala flood relief project, peress li ir-raba’ imsemmi jegħreq minħabba inżul ta’ ilma tax-xita mill-widien li jiġu minn taħt il-Mosta.
It-triq għandha sistema ta’storm water drain li jieħu l-ilma minn wiċċ it-triq u li jiġi dirett lejn il-baħar biex b’hekk ma jiżdietx iktar l-għargħar ġo dan ir-raba’.
Billi fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10785 ngħadd li l-inħawi tas-Salina kien hemm silt u clay u kien deċiż li fil-fatt dan ma jitneħħiex minn hemm, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti li jindikaw li ma kienx f'loku li dan l-istess materjal jitneħħa minn fejn kien imma kien jaqbel li jibqa hemmhekk? Jista' jagħti tagħrid dwar jekk waqt l-istess investigazzjonijiet instabux xi fdalijiet ta' oġġetti importanti għall-arkeoloġija ta' pajjiżna, peress li dawk l-inħawi kienu jiffurmaw parti mill-baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward l-investigazzjoni arkeoloġika, ix-xogħlijiet kollha fuq dan il-proġett huma sorveljati minn Arcaheological Monitor li ikun f’kuntatt dirett mas-Superintendent of Cultural Heritage. Infatti ix-xogħlijiet ta’skavar isiru biss wara sorveljanza u rappurtaġġ estensiv. F’din in-naħa tas-sit, sa issa ma instabu l-ebda fdalijiet arkeoloġiċi.
Kunsilli lokali tat-12-il distrett — servizz tat-trasport pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi rappreżentazzjonijiet ġodda li saru mill-kunsilli lokali tat-tnax-il distrett elettorali għal dak li jirrigwardja t-trasport pubbliku, matul dawn l-aħħar għaxar xhur u dan fid-dawl tal-fatt li kienu bosta l-ilmenti li ħarġu fil-pubbliku dwar is-servizz kif kien provdut matul dan is-sajf?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ir-rappreżentazzjonijiet li saru mill-kunsilli lokali tat-tnax-il distrett elettorali f’dawn l-aħħar għaxar xhur kienu diġà ġew ikkunsidrati fir-rotot il-ġodda li ġew proposti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm reserved parking spaces li ġew approvati minn Transport Malta matul din is-sena, f'San Pawl il-Baħar? Fejn jinsabu (triq triq) dawn l-istess spazzjoni u minn min ġew rakkmandati? Kemm hu n-numru totali ta' spazji riservati għall persuni b'diżabilità, għal raġunijiet oħra u għax-xhur Ġunju - Settembru rispettivament?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li, matul din is-sena kien hemm tlettax-il applikazzjoni għal parkeġġ riservat għall-persuni b’diżabilita’ li ġew approvati San Pawl il-Baħar. Id-dettalji ta’ tali parkeġġi qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Skont l-arkivji ta’ Transport Malta, matul din is-sena kien hemm żewġ applikazzjonijiet għal parkeġġ riservat għall-persuni b’diżabilità li ġew approvati għal perjodu bejn Ġunju u Settembru.
Ninsab infurmat ukoll li mhemmx proċedura ta' rakkomandazzjoni fil-proċess tas-servizz ta' Parkeġġ Riservat għal Persuni b'Diżabilità. Is-servizz jitħaddem fuq bażi tal-applikazzjoni li jissottometti l-applikant.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11614 rigward il-proċess tal-istreaming tal-laqgħat, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema, f’kull każ, huma l-kunsilli li:
a. Bdew l-i
streaming
tal-laqgħat tagħhom?
b. Se jibdew matul ix-xahar id-dieħel?
c. Qed jistallaw is-sistema?
d. Li qed jagħmlu evalwazzjoni?
e. Dawk li għadhom ma bdewx?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
12-il Distrett Elettorali – kunsilli lokali – programm LEAP
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11617 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar liema huma l-kunsilli lokali tat-12-il distrett li qed jieħdu sehem fil-programm LEAP u kemm hemm persuni li qed jibbenefikaw minn dan il-programm ma’ kull kunsill rispettivament? Jista’ jindika kif intgħa¿lu l-persuni kkonċernati?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tal-Kunsilli Lokali li qed jipparteċipaw fil-LEAP mit-12-il distrett, sal-lum nsibu il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li qiegħed jieħu sehem f’din l-iskema. Il-persuni li hemm mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl jammontaw ghal-9. Sebgħa minnhom ġew referuti mill-Appoġġ, waqt lit-tnejn l-ohra ġew nominati mill-Kunsill Lokali stess. Dawn il-persuni kkonċernati ġew referuti mill-Aġenzija Appoġġ kif ukoll mil-Kunsill Lokali stess li aċċetta li jżomm dawn il-benefiċjarji biex ikun jista’ jipprovdilhom l-esperjenza li tant qed jisħaq fuqa l-proġett LEAP.
Il-Qawra – Triq Annetto Caruana – tarmak fit-triq il-ġdida
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11231, jista’ l-Ministru jagħti taħgrif dwar meta ħarġet it-tender indikata? Kemm kien hemm u min kienu l-kuntratturi li tefgħu t-tender? Meta hu mistenni li jsir ix-xogħol marbut ma’ din it-tender?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Trransport Malta ħarġet it-tender għall-kostruzzjoni u asfaltar ta’ parti minn Triq Annetto Caruana fl-1 t’Awissu 2014. Sitt kuntratturi tefgħu l-offerta tagħhom hekk kif indikat:
- Asfaltar Construction Ltd
- E. Mifsud & Sons Building & Con. Ltd
- Polidano Brothers Ltd
- V & C Contractors Ltd
- Road Servicing Ltd
- Philip Agius & Sons Ltd
Kif diġà ġie mwieġeb, ix-xogħlijiet mistennija jibdew fil-futur qarib.
San Pawl il-Baħar — stallazzjoni ta' camera fil-bypass - talbiet mir-Reġjun tat-Tramuntana
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba kien hemm talbiet mir-Reġjun tat-Tramuntana, biex tiġi stallata camera fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar? Meta saru dawn it-talbiet, u f'liema laqgħat tar-Reġjun ġew deċiżi? Min kien preżenti għal-laqgħat meta ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-PQ 3336, 3595, 3746, 4469, ta’ din il-Leġiżlatura stess. Ninsab infurmat illi l-Kamera ġiet installata fit-2 ta’ Settembru 2014 u dan wara li r-reġjun kien iddiskuta din ir-rikjesta fix-xhur ta Mejju, Ġunju, Lulju u Awwissu.
Il-membri kollha tar-Reġjun qablu ma’ dina l-installazzjoni.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif jista' wieħed jaċċessa l-minuti tal-kunsilli lokali, meta dawn ikun għadhom ma ttellgħux fuq il-website tal-kunsill partikolari? Kif qed jiġi assigurat li l-minuti jkunu aċċessibbli? Kif qed jiġi assigurat li l-minuti li jkunu kkoreġuti jidhru fuq l-istess website tal-kunsilli partikulari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont Artiklu 14(A) tal-Ordnijiet Permanenti kif elenkati fis-Sitt Skeda ta’ Kapitlu 363 fil-Liġi tal-Kunsilli Lokali:
“(5) Il-Minuti kif miżmuma mis-Segretarju Eżekuttiv, kif approvati mill-Kunsill, għandhom jitqiesu bħala l-Minuti uffiċjali tal-Kunsill.
(6) Il-Minuti jsiru dokumenti pubbliċi hekk kif jiġu approvati mill-Kunsill u ffirmati miċ-Chairman u s-Segretarju Eżekuttiv.
(7) Meta l-Minuti jiġu approvati, ċ-Chairman għandu wkoll jinizjala kull paġna.
(8) Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jara li l-Minuti approvati jiġu mdaħħla sew fil-file u jkun responsabbli għall-kustodja tagħhom. Is-Segretarju Eżekuttiv għandu wkoll jara li l-minuti approvati jitpoġġew fuq il-website uffiċjali tal-Kunsill”.
Intant ninsab infurmat ukoll li dwar dan, il-Kunsilli Lokali huma wkoll gwidati permezz ta’ diversi Memos li joħroġ id-Dipartiment għall-Gvern Lokali minn żmien għal żmien. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ Memo 36 u 59 tal-2011 u Memo 2 u 9 tal-2014.
Infurmat ukoll illi waħda mill-funzjonijiet tal-Monitoring Unit fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali hi li kull ġimgħa jsir eżerċizzju li jara li l-portal elettroniku tal-Kunsilli Lokali www.lc.gov.mt ikun aġġornat bid-dokumenti kollha meħtieġa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol fuq il-bandli ta' ħdejn l-iskola ta' San Pawl il-Baħar? Meta hu mistenni li jitlesta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li x-xogħol jinsab wieqaf u dana wara request for information rikjesta mill-MEPA, liema request jiena qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.