Legislature:
Category:
Reset
Active:

Small Hive Beetles

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru waslulux rapporti dwar il-preżenza tal-hekk imsejjaħ small hive beetle li attakka l-kaxxi tan-naħal fl-Italja u iktar riċenti fi Sqallija? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi indikazzjoni li dan il-beetle wasal Malta? Jekk iva, x'passi ttieħdu? Jekk le, x'passi hemm il-ħsieb li jittieħdu biex tiġi evitata, kemm jista' jkun il-possibiltà li dan il-beetle jiddaħħal f'Malta?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-Kummissjoni Ewropea avżat liċ-Chief Veterinary Officers (CVO)s kollha tal-UE fuq il-preżenza tas-Small Hive Beetle (SMB) l-ewwel f’Calabria, u aktar riċenti, fis-7 ta’ Novembru, avżat lis-CVOs kollha ta’ l-UE illi l-SHB instab fi Sqallija. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li s-SHB waslet f’Malta. Id-Dipartiment għar-Regolazzjoni Veterinarja u s-Saħħa tal-Pjanti (VPRD) qiegħed jieħu dawk il-passi kollha meħtieġa hekk kif inhuma deskritti fl-Att dwar Servizzi Veterinarji; Kap 437, għal kontrol ta’ kull marda jew pest notifikabbli fl-annimali, hekk kif inhi l-SHB. Għaldaqstant, mhux qed jitħalla jsir intracommunitary trade ta’naħal bejn Malta u l-postijiet milquta fl-Italja.

Produzzjoni ta' għasel — naħal

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jinżamm it-tagħrif dwar kemm hawn persuni li qed iżommu n-naħal għal skop ta' produzzjoni tal-għasel? Kif qed jiġi kkontrollat il-moviment tal-kaxxi tan-naħal li għandna f'Malta?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, min irabbi n-naħal huwa obbligat, skont l-artiklu 35 tal-Att dwar is-Servizzi Veterinarji, Kap 437, li jgħarraf lis-servizzi veterinarji fuq din l-attivita` lid-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja (VRD). Fil-VRD issir reġistrazzjoni tal-attivita` taż-żamma tan-naħal u fost tagħrif ieħor ikun hemm ukoll informazzjoni fuq in-numru ta’ kaxxi (hives), fejn jinżammu u kif jitmexxew.
Leg 12 PQ #12196 Sitting 200 2014-11-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar — Triq James Smith u Triq Cassarino – toroq bla dawl pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’wassal biex id-dawl pubbliku fit-toroq, James Smith, Cassarino u fl-inħawni tal-madwar f’San Pawl il-Baħar, dam kważi tlett ijiem maqtugħ bejn is-Sibt u t-Tnejn ta’ din il-ġimgħa? Xi ħsarat kien hemm u meta ġew imsewwija?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-bozoz intfew minħabba li nħaraq fuse fis-sistema tal-provvista tagħhom kawża tal-maltemp ta’ dawk il-jiem. Hekk kif l-impjegati tal-Enemalta indunaw bil-ħsara, din ġiet irranġata mill-aktar fis possibbli.

San Pawl il-Baħar – Triq Jean de la Cassiere — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’qed iżomm milli jitkompla x-xogħol fi Triq Jean de La Cassiere, San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta bdiet bix-xogħlijiet, però bħalissa qiegħda tistenna lill-WSC biex tagħmel ix-xogħlijiet tagħha minħabba li WSC trid tgħaddi is-servizzi ġodda f’din it-triq.

Kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali – rotot tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu s-suġġeriment finali li tressqu mill-kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali għal dak li jikkonċerna r-rotot tat-trasport pubbliku f’dawn il-lokalitajiet? Meta tressqu f’kull każ dawn l-aħħar proposti u x’kienu? Liema mill-proposti indikati ġew approvati u inkorporati fl-iskeda tat-trasport li se tkun qed titħaddem? Minn meta se tibda titħaddem din l-iskeda?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 8268.

Irziezet — għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm mill-irziezet tal-bhejjem li kellhom ftehim iffirmat għadhom ma ħadux l-għajnuna li suppost kellhom jieħdu? Kemm minnhom għadhom qed jistennew konferma tal-għajnuna tagħhom? Kemm tħallsu, matul l-2014 u x’kienu l-ammonti li tħallsu?

Response (BRINCAT, LEO)

M’għandix x’inżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numbru 11763.

Pitkalija – diskussjonijiet dwar ir-riforma

Question

Jista’ l-Minsitru jagħti tagħrif dwar fiex waslu d-diskussjonijiet dwar ir-riforma fil-Pitkalija, issa li għaddiet sena oħra minn mindu kien intqal li dalwaqt tibda titħaddem din l-istess riforma? Meta saru l-aħħar taħdidiet u ma’ liema organizzazzjonijiet saru dawn l-istess laqgħat? Jista’ jagħti tagħrif dwar meta hi mistennija tiġi ffinalizzata din ir-riforma?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-proġett pilota huwa bbażat fuq koperazzjoni mal-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa. Għal dan il-għan isiru laqgħat regolari ma’ membri rappreżentanti tal-Koperattiva fuq dan il-proġett pilota. Isiru laqgħat formali u anke informali minn tal-inqas darba fil-ġimgħa. Il-proġett qiegħed fil-fażi fejn qed isir ix-xiri tal-makkinarju, apparat u sistemi neċessarji. Għal dan il-għan diġa’ ħarġu 4 tenders, u tenders oħrajn qegħdin fil-proċess li jiġu ppublikati.

Buġibba u Xemxija – xogħlijiet fuq il-moll

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-preparazzjonijiet marbuta max-xogħol li għandu jsir fuq il-moll tax-Xemxija u dak ta’ Buġibba? Meta hu mistenni li jsir ix-xogħol li hu meħtieġ li jsir fuq dawn iż-żewġ mollijiet? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk inħarġux il-permessi neċessarji għal dan ix-xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, dan il-Ministeru m’għandu l-ebda proġett marbut mal-moll ta’ Buġibba. Fir-rigward tal-proġett fix-Xemxija, ninsab infurmat li għada ma ttiħdietx deċiżjoni finali mill-MEPA dwar dan l-iżvilupp. It-tenders għax-xogħol neċessarju jkunu jistgħu jinħarġu wara li jinħareġ il-permess mill-MEPA.
Leg 12 PQ #12070 Sitting 199 2014-11-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Selmun Palace Hotel – tmexxija mill-privat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li l-Gvern jagħti t-tmexxija tas-Selmun Palace Hotel lill-privat? Xi proċess hu mistenni li jintuża biex dan it-trasferiment isir?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Intepellant illi l-Gvern ser joħrog proċess kompettitiv is-sena d-dieħla fejn il-lukanda Selmun tingħata lill-privat b’rispett dejjem lejn il-prijoritajiet turistiċi ta’ pajjiżna. Dan il-Gvern hu determinat li ma jagħmilx bħall-amministrazzjoni preċedenti fejn is-soluzzjonijiet tagħha kienu li tagħlaq Selmun, tkeċċi lill-ħaddiema u tikkonduċi proċess biex terġa’ tiftaħ il-lukanda li falla mill-ewwel.

Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni għad-differenza fl-informazzjoni mogħtija fir-risposti ta' mistoqsijiet parlamentari 11762 u 11719 għar-rigward ta' San Pawl il-Baħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-proġett tal-bandli ta’ Thalassalejn ma kienx imniżżel fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11719, li kienet tikkonsisti fl-informazzjoni għal Memo 24/2014, peress li sa dak iż-żmien kien għad ma hemmx applikazzjoni pendenti mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Infurmat mill-Kunsill Lokali li l-istess Kunsill ssottometta l-applikazzjoni biex jitkompla l-proġett wara dak iż-żmien. Dan però twaqqaf wara oġġezzjoni mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabiltà.
Leg 12 PQ #11989 Sitting 198 2014-11-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Xiri ta’ proprjetà

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet ta’ persuni li xtraw proprjetà matul l-2014 s’issa, u kemm minnhom kienu first-time buyers? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm minn dawk li xtraw tali proprjetà ġiet rifjutata lilhom it-talba biex jibbenefikaw mill-proposta tal-Gvern li jħallsu taxxa anqas u dan għaliex kellhom proprjetà oħra, bħal garaxx jew qabar?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. nterpellant li n-numru ta’ kuntratti li ġew reġistrati mill-1 ta’ Jannar, 2014 s’issa jammonta għall-11,389. In-numru ta’ kuntratti fejn mill-anqas wieħed mix-xerrejja kien first time buyer skont l-Avviż Legali Numru 393/13 jammonta għall-2,069. In-numru ta’ xerrejja li bbenefikaw minn xi eżenzjoni ta’ taxxa fuq il-boll jammonta għall-2,805. Kien hemm 54 konvenji fejn persuni li kienu qed jidhru fuqhom ma kienux eliġibbli li jibbenifikaw minn din l-iskema peress li rriżulta li diġa kellhom proprjeta’ oħra. In-numru ta’ xerrejja relatati ma dawn il-kuntratti kienu jammontaw għall-79. Biex wieħed jikkwalifika għal konċessjoni mit-taxxa skont l-artikolu 32(4)(a) tal-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti, l-proprjeta’ li qed tiġi akkwistata għandha tkun l-ewwel proprjeta’ immobbli akkwistata inter vivos mill-persuna li qiegħda tapplika. In-numru ta’ xerrejja huwa differenti minn n-numru ta’ kuntratti peress li jkun hemm kuntratti fejn ix-xerrejja jkunu aktar minn persuna waħda.

Tindif – ħaddiema u inġenji

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba l-ħadiema u l-inġenji tal-Ministeru ntużaw biex jieħdu sehem f'xi forma ta' tindif li ma jkunx qed jiġi organizzat mill-Ministeru nnifsu, jew mid-dipartiment ikkonċernat matul l-aħħar sitt xhur? Fejn ġara dan, u ma’ min kien organizzat it-tindif?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull meta tintalab xi għajnuna sabiex isir kull tip ta’ tindif minn entità governattiva, kunsilli lokali, NGOs, skejjel jew xi entitajiet oħrajn, id-Direttorat għat-Tindif huwa dejjem disponibbli sabiex jagħti l-għajnuna permezz ta’ makkinarju, ħaddiema u anke għodod sabiex isir it-tindif. Matul dawn l-aħħar sitt xhur, ingħatat għajnuna lil dawn l-entiajiet : Let’s Do It Malta – sar tindif f’diversi żoni madwar il-pajjiż. Din kienet inizjattiva fil-pajjiżi kollha ta’ madwar il-Mediterran. Ingħatat għajnuna permezz ta’ vetturi sabiex inġarr l-iskart li inġabar. Proud to live in St.Paul’s bay – sar tindif minn grupp ta’ voluntiera f’dawn iż-żoni (Triq it-Turisti k/m Triq Cassarino, fuq Bellavista, żoni ħdejn il-football pitch Sirens FC). Ingħatat għajnuna permezz ta’ vetturi sabiex jinġarr l-iskart miġbur. Park tal-Majjistral – Sar tindif minn voluntiera. Id-Direttorat assista permezz ta’ vetturi sabiex jinġabar l-iskart miġbur.
Leg 12 PQ #12051 Sitting 198 2014-11-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar — ħruġ ta' drenaġġ ħdejn l-Iskola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ħruġ tad-drenaġġ minn ħdejn l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, liema ħruġ, llum hu t-tielet wieħed mill-bidu ta' Ottubru 2014? X'passi ħadet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ILma biex dan il-fawran jitwaqqaf darba għal dejjem kemm fis-sajf kif ukoll fix-xitwa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’każijiet bħal dawn il-Korporazjzoni għas-Servizzi tal-Ilma tibgħat minnufih il-bowżer sabiex ibattal is-sistema tad-drenaġġ, u wara ssir spezzjoni sabiex tiġi identifikata l-problema u jsiru t-tiswijiet. L-infrastruttura hija waħda antika ħafna u qed jiġu kkunsidrati l-alterazzjonijiet meħtieġa sabiex titjieb il-prestazzjoni waqt kundizzjonijiet ta’ xita u għargħar.

San Pawl il-Baħar — Wesgħat Mary Zarb - reserved parking spaces

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha, fl-inħawi ta' Wesgħat Mary Zarb, f'San Pawl il-Baħar hemm erba' reserved parking spaces?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onor, Interpellant huwa mitlub jipprovdi l-ismijiet tat-toroq fejn qed jitlob l-informazzjoni dwar parkeġġi riservati.

San Pawl il-Baħar – reserved parking spaces

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm mir-reserved parking spaces li hemm San Pawl il-Baħar huma intenzjonati għal karozza speċifika, kemm huma sempliċiment reserved mingħajr m’huma assenjati lil xi karozza partikolari, u kemm minn dawk li huma loading u unloading huma speċifikati għal xi negozju partikolari? F’kull każ f’liema toroq, jinsabu dawn il-parking spaces?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.

Malta Public Trasport – impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhu l-iskop li l-Malta Public Trasport, jew xi awtorità oħra timpjega drivers ġodda ftit ġimgħat qabel ma suppost jibda jaħdem operatur ġdid privat, fit-trasport pubbliku Malti? Kemm hu n-numru ta’ xufiera li huma preżentament impjegati? Kemm minnhom huma Maltin u kemm mhumiex? Dawk li mhumiex Maltin, ta’ liema nazzjonalità huma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm din is-sena kien hemm anqas xufiera li telqu mill-impjieġ tagħhom milli kien hemm is-snin ta’ qabel, xorta waħda hemm l-bżonn ta’ aktar xufiera sabiex l-operatur ikun jista’ jopera n-network eżistenti b’mod effiċjenti. Fil-preżent hemm 565 impjegat li jaħdmu fuq bażi full-time u li minnhom hemm 527 impjegat li huma ta’ nazzjonalita Maltija filwaqt li hemm 38 impjegati oħra li huma ta’ nazzjonalita’ barranija. Infurmat ukoll li hemm 71 impjegat oħra li jaħdmu fuq bazi part-time u li minnhom hemm impjegat wieħed biss li mhux ta’ nazzjonalita’ Maltija. In-nazzjonalitajiet tax-xufiera huma hekk kif ġej: Nazzjonalita Full time Part Time English 15 1 Somalia 1 Bulgarian 1 Algerian 1 Portugese 1 Spanish 1 Ertirean 2 Austrian 1 Italian 2 Nigerian 2 Romanian 3 Ethiopian 1 Irish 1 Swedish 1 Libyan 1 Tunisian 3 Sudan 1

Awtorità tad-Djar – kirjiet ta’ postijiet residenzjali

Question

Billi skont dak li ġie ppubblikat, l-Awtorità tad-Djar mhix l-awtorità li tiddeċiedi kif u kemm jogħlew il-kirjiet tal-postijiet residenzjali tal-Gvern, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar min jieħu tali deċiżjoni? Jista’ jagħti tagħrif dwar kif, imbagħad, l-Awtorità tad-Djar tieħu deċiżjoni dwar tali żieda?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Bħalma jaf l-Onor. Interpellant hi l-Awtorita’ tad-Djar li tiddeċiedi jekk jogħlewx il-kirjiet residenzjali ta’ djar/appartamenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tagħha. L-Awtorita’ tad-Djar qatt ma stqarret dak li qed jinsinwa l-Onorevoli Membru fl-istqarrija tiegħu. Nikkonferma li l-istqarrija maħruġa mill-Awtorita’ tad-Djar li ma għollietx kirjiet ta’ propjetajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tagħha, kuntrarju għal dak li ngħad minn persuni parlamentari, politiċi u xi ġurnali li juri b’mod ċar li m’għamlux il-homework sew.
Leg 12 PQ #11898 Sitting 197 2014-11-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proprjetà tal-Gvern – kirjiet ta’ postijiet residenzjali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk id-dipartiment responsabbli mill-proprjetà tal-Gvern jistabilixxix hu l-kirjiet li jridu jitħallsu minn inkwilini ta’ postijiet residenzjali? Jekk iva, abbażi ta’ xiex jieħu tali deċiżjoni dwar il-bidla fil-kera?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dipartiment responsabbli mill-proprjetà tal-Gvern ma jistabilixxix hu l-kirjiet li jridu jitħallsu minn inkwilini ta’ postijiet residenzjali. Madankollu, minħabba l-emendi fil-Kodiċi Ċivili li daħħlu fis-seħħ fl-2009 fejn ġie stabbilit li b’effet mill-1 ta’ Jannar 2010, l-kera minima għas-sena 2014 sas-sena 2016 għandha tkun ta’ €197.58 fis-sena, d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern ħa passi sabiex madwar tlett elef post residenzjali li kellhom il-kera tagħhom inqas minn dak stabbilit mil-Liġi ġew riveduti għall-€197.58 fis-sena, b’effett mill-1 t’Ottubru 2014.

San Pawl il-Baħar – ħsarat fi Triq San Pawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm rapporti ta’ ħsara fi Triq San Pawl, f’San Pawl il-Baħar, bejn in-numru 550 u 560, kemm minħabba l-istat ħażin ta’ partijiet mill-bankina kif ukoll minħabba ħofor (tumbati fit-triq) li qed jikkawżaw problemi ta’ tixrib kull darba li jkun hemm ħalba xita? Jista’ jara li x-xogħol meħtieġ jitwettaq u dan għall-benefiċċju tar-residenti li hemm f’dawk in-naħiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ma rċieva l-ebda rapport fir-rigward ta’ ħsara kif indikat mill-Onor. Interpellant. Infurmat ukoll li wara spezzjoni li saret mill-Kunsill Lokali rriżulta li ma hemm ebda ħsara viżibbli.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - tarmak

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jingħata t-tarmak fi Triq is-Simar, San Pawl il-Baħar? X'xogħlijiet mistenni li jsiru bħala parti minn dan ix-xogħol marbut mas-servizzi f'din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Triq is-Simar għadha mhiex iffurmata skont kif titlob il-liġi u għaldaqstant kif diġa’ġie mwieġeb diversi drabi, Transport Malta ma tistax tagħmel xogħolijiet għalissa.