Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta – diskussjoni mar-residenti tas-Salina

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ konsultazzjoni għamlet Transport Malta mar-residenti tas-Salina biex magħhom jiġi diskuss it-tibdil li ser iseħħ biex huma jkunu jistgħu jidħlu fit-toroq fejn jabitaw? Meta saret din l-istess konsultazzjoni? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tat-triq f’dawn l-inħawi?

Response (MIZZI, JOE)

Għal dan il-proġett Transport Malta kienet daħħlet applikazzjoni għall-iżvilupp mal-MEPA. Dan il-proċess tal-MEPA kien jinkludi fost l-oħrajn perjodu fejn wieħed setgħa jissottometti rappreżentazzjonijiet jew kummenti dwar il-pjanti li kienu qed jiġu proposti dak in-nhar. L-istess proċess kien jinkludi wkoll “Environmental Impact Assessment” (EIA) li parti minnu kien jinkorpora “Social Impact Assessment”. Waqt dan il-proċess kienu saru konsultazzjonijiet mir-residenti li kienu ser jiġu effetwati mill-proġett in-ġenerali. Waqt dan il-perjodu kienu ġew organizzati wkoll sessjonijiet ta’ konsultazzjoni f’ diversi postijiet fil-viċinanzi tal-proġett u għalihom attendew diversi residenti li kienu ser jiġu effettwati minn dan il-proġett. Ir-riżultati tal-EIA kienu ġew ippreżentati wkoll f’public hearing organizzata mill-MEPA u t-Transport Malta fejn kulħadd kien mistieden jagħti l-kummenti tiegħu dwar il-proġett. Dan seħħ qabel ma’ l-istess proġett għadda għand il-Board tal-MEPA fejn saret public hearing oħra u fl-istess public hearing kien ġie approvat il-proġett in-kwistjoni. F’ din l-istess approvazzjoni, il-kwistjoni tal-aċċess għar-residenti tas-Salina kienet ġiet kwalifikata bħala “reserved matter” u l-proposta kienet dejjem tinkludi it-tneħħija tar-rampi eżistenti. Riċentament saru wkoll aktar laqgħat mar-rappreżentanti tar-residenti.
Leg 12 PQ #12488 Sitting 203 2014-11-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar — bidla fis-sistema tad-drenaġġ

Question

B'referenza għal tweġiba riċenti fejn ingħad li f'San Pawl il-Baħar hu mistenni li jkun hemm ħtieġa ta' bidliet kbar fis-sistema tad-drenaġġ, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi preparamenti saru s'issa mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u meta hu mistenni li jsiru dawn ix-xogħlijiet?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-ebda istant ma ntqal li hemm ħtieġa ta’ bidliet kbar fis-sistema tad-drenaġġ. Li ntqal kien li s-sistema hija antika u qed jiġu kkunsidrati l-alterazzjonijiet meħtieġa sabiex titjieb is-sistema. Fil-preżent il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tistudja sistemi eżistenti biex tkun tista’ tiddetermina partijiet li għandhom bżonn bdil.
Leg 12 PQ #12489 Sitting 203 2014-11-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema xogħlijiet huma mistennija jsiru fi Triq is-Simar, San Pawl il-Baħar, għal dak li jikkonċerna s-servizzi ta' ilma u drenaġġ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-formazzjoni ta’ Triq is-Simar għadha mhux ifinaliżżata, iżda fil-jiem li ġejjin il-Korporazzjoni għandha tlesti estensjoni ta’ drenaġġ sabiex jiġu eliminati żewġ fosos.

San Pawl il-Baħar — Triq Jean de la Cassiere - xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12306, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta nbdiet il-koordinazzjoni dwar kull xogħol ta' servizzi li kienu/huma meħtieġa jsiru fi Triq Jean de la Cassiere, f'San Pawl il-Baħar? Meta hu mistenni li jitkompla x-xogħol f'din il-parti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kordinazzjoni bdiet f’Ottubru 2013 mal-entitajiet kollha li setgħa kellhom bżonn jgħaddu xi servizz. Ix-xogħol jitkompla ladarba il-WSC jkollhom id-dokumentazzjoni meħtieġa, ħalli l-kuntrattur l-ewwel ikun jista’ jkompli bix- xogħol tiegħu.

San Pawl il-Baħar — Ċitazzjonijiet dwar rimi ta' skart

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ħarġu ċitazzjonijiet minn wardens jew uffiċjali oħra f'San Pawl il-Baħar matul din is-sena, għal dak li jikkonċerna ksur ta' regolamenti dwar ir-rimi ta' skart? Kif jinqasmu dawn iċ-ċitazzjonijiet xahar b'xahar matul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #12310 Sitting 202 2014-11-19 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — restawr fuq it-torri ta' Wignacourt

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li jiġi jiswa x-xogħol ta' restawr li qed isir fuq it-torri ta' Wignacourt, f'San Pawl il-Baħar? Kemm ilha, l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu taħdem biex dan it-torri jiġi restawrat mill-ġdid? Min qed jagħmel ir-restawr?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija ghat-Turiżmu qed timplimenta proġett ko-finanzjat mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropeja. Dan il-proġett jikkonsisti f’xogħol ta’ restawr tal-faċċati tat-Torri ta’ Wignacourt, kif ukoll ir-restawr tal-‘beachpost’ ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. L-istess Awtorità ħarġet tender għax-xogħol li ntrebaħ f’Lulju ta’ l-2014.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Mosta - palm

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru rċeviex xi talbiet biex il-palm li hemm fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar, jinqala minn fejn jinsab? Jekk iva, x'inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru dwar dan l-istess palm?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari W301 u ninfurmah illi minn dak iż-żmien il hawn id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti ma rċieva l-ebda talba biex il-palm li jinsab fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar jiġi maqlugħ.

Kumpens għas-sajjieda ta' Marsaxlokk

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru rċeviex talbiet għall-kumpens wara l-ħsara li ġarrbu s-sajjieda ta' Marsaxlokk wara l-maltempata li kien hemm matul l-aħħar jiem? Jekk iva, kemm saru talbiet? X'qed jagħmel il-Ministeru biex sitwazzjonijiet kif imsemmija fuq jiġu evitati kemm jista' jkun?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ma rċievejna l-ebda talba tat-tip li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija naħseb li l-Onor. Interpellant japprezza li wieħed ftit li xejn jista’ jagħmel biex jiġu evitati maltempati u l-ħsarat li jiġu kkawżati minnhom.

Riforma tal-Pitkalija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux se jieħu xi inizjattivi ġodda biex ir-riforma tal-Pitkalija tkun tista' ssir b'pass iktar mgħaġġel milli jidher li qed isir bħalissa? X'inhi l-pożizzjoni tar-rappreżentanti tal-bdiewa dwar dan is-suġġett, almenu kif komunikati lill-Ministeru?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, r-riforma tal-Pitkalija qiegħda fl-implementazzjoni tal-proġett pilota. Dan il-proġett qiegħed isir flimkien mal-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa. Il-proġett pilota qiegħed fil-fażi ta’ xiri ta’ makkinarju neċessarju u sistemi ta’ kontroll.

Reġistru Elettorali — persuni li għandhom sittax-il sena

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru ressaqx xi proposti partikulari biex ir-reġistru elettorali li jinkludi lil dawk il-persuni li għandhom sittax-il sena jkun jista' jiġi ppublikat? Jekk iva, x'kienu dawn il-proposti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju Elettorali jikkonferma li qed jieħu l-passi kollha meħtieġa biex, b'seħħ mill-ewwel ta' Jannar, 2015, dawk il-persuni Maltin u Ċittadini mill-Unjoni Ewropea li jagħlqu s-16-il sena minn din id-data 'il quddiem, jiddaħħlu, jekk għandhom il-kwalifiki meħtiega l-oħra Kostituzzjonali, fir-Reġistru Elettorali tal-Kunsill Lokali fejn ikunu reġistrati bħala residenti u jidhru bhala votanti fl-ewwel reġistru li jkun ippubblikat fis-sena 2015.
Leg 12 PQ #12315 Sitting 202 2014-11-19 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Xiri ta' proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fost dawk il-persuni li kellhom it-talba tagħhom għal ħlas ta' rata iktar baxxa għal dak li jirrigwarda xiri tal-ewwel proprjetà rifjutata, kienx hemm persuni li ma kellhomx proprjetà residenzjali, iżda xi one car garage, jew xi qabar? Jekk iva, jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawn is-sitwazzjonijiet jiġu indirizzati, u jingħata rimedju lil dawk li kellhom it-talba rifjutata?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli nterpellant li d-Dipartiment m’għandux informazzjoni immedjata fis-sistema biex ikun jaf f’hiex kienet tikkonsisti proprjeta oħra, akkwistata inter vivos, minn dawk ix-xerrejja li ma kienux eliġibbli li jibbenifikaw mill-konċessjoni mit-taxxa skont l-artikolu 32(4)(a) tal-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti.
Leg 12 PQ #12233 Sitting 201 2014-11-18 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl il-Baħar - drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru, permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, jinvestiga x'inhi r-raġuni li għaliha d-drenaġġ qed joħroġ fuq il-wiċċ tat-triq, fi Triq San Pawl, kantuniera ma' Triq San Pawl il-Baħar (St. Paul's By the Sea street), San Pawl il-Baħar? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dan il-fawran ma jibqax isir?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn investigazzjonijiet li saru fuq il-post irriżulta li dan kien leak mill-mejn tal-ilma qrib il-kaptell tad-drenaġġ u mhux fawran ta’ drenaġġ. It-tiswijiet meħtieġa saru minnufih.

Xemxija/Għajn Tuffieħa — tneħħija ta' ġebel mit-triq

Question

Jista' l-Minstru jara li jittieħdu passi biex il-periklu li hemm fit-triq li twassal minn ħdejn ir-roundabout fit-triq li mix-Xemxija twassal għal Għajn Tuffieħa, li tieħu lejn San Martin, jitneħħa l-periklu li hemm kawża ta' ġebel li waqa? Jista' jara li jittieħdu passi biex ir-reflectors li kien hemm u li issa b'xi mod m'għadhomx hemm, matul l-istess triq, jerġgħu jitpoġġew f'posthom u dan biex jiġu evitati inċidenti u periklu għal min ikun għaddej minn dawn l-inħawi ta San Pawl il-Baħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li peress li l-Kunsill m’għandux il-makkinarju neċessarju biex jagħmel ix-xogħol rikjest, huwa għamel talbiet lill-Ministeru konċernat biex ineħħi l-ġebel imsemmi. Intant ninsab infurmat ukoll mill-istess Kunsill Lokali li l-istess Kunsill ta struzzjonijiet lill-kuntrattur sabiex jagħmel ix-xogħol fuq ir-reflectors.

San Pawl il-Baħar — Triq Jean de la Cassiere - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' koordinazzjoni saret mal-entitajiet, rigward ix-xogħol ta' tarmak li suppost se jsir fi Triq Jean de la Cassiere San Pawl il-Baħar? Meta hu mistenni li jsir ix-xogħol meħtieġ f'din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta bdiet ix-xogħlijiet f’din it-triq. Minħabba l-fatt li mill-koordinazzjoni mal-entitajiet irriżulta li l-Water Services Corporation għandhom bżonn jagħmlu xogħlijiet f’din it-triq, bħalissa Transport Malta qed tistenna lil din l-entità tlesti d-dokumentazzjoni meħtieġa biex il-kuntrattur ikun jista’ jagħmel dawn ix-xogħlijiet ukoll.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fi Triq is-Simar, San Pawl il-Baħar, biex jiġi assigurat li r-residenti jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-proprjetà tagħhom, mingħajr periklu għalihom u dannu għall-vetturi tagħhom? X'rappreżentazzjonjiet saru, kemm, minn korpi uffiċjali, kif ukoll mingħand individwi (mingħajr ma jingħataw ismijiet)? X'reazzjoni kellu l-Ministeru jew Transport Malta għal dawn ir-rappreżentazzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Hekk kif imwieġeb għall-mistoqsija parlamentari 11947, ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq is-Simar għadha mhiex iffurmata skont kif titlob il-liġi u għaldaqstant kif diġà mwieġeb diversi drabi, Transport Malta ma tistax tagħmel xogħlijiet għalissa.

San Pawl il-Baħar/Naxxar — is-Salini - xogħlijiet

Question

Billi x-xogħol fuq is-Salini limiti ta' San Pawl il-Baħar/Naxxar, kien ingħad li għandu jkun lest sa l-aħħar ta' din is-sena, iżda jidher li dan mhux se jkun il-każ, billi ilu żmien twil ma jsir xi xogħol fuq dawn l-inħawi, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi diffikultajiet partikulari biex ix-xogħol ikun jista' jitlesta, u b'kemm hu mistenni li titwal id-data ta' tkomplija ta' dan ix-xogħol? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jkun hemm ħruġ ta' xi tenders ġodda dwar dan l-istess proġett? Jekk iva, meta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien ninsab infurmat li kien hemm xi dewmien fil-ħrug tal-aħħar tender relatat ma’ dan il-proġett. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq ir-rijabilitazzjoni tas-salt marsh u t-tindif tal-garrigue (CT3182/2013).Kien hemm dewmien biex inbeda x-xogħol fuq dan il-kuntratt minħabba li din it-tender kellha terġa toħroġ wara li l-ewwel żewġ sejħiet kellhom jitwaqqgħu. Barra dan riċentament inħarġet l-aħħar tender in konnessjoni ma’ dan il-proġett, jiġifieri dik għal kostruzzjoni u twaħħil fuq il-post ta’ pont tal-ħadid li ser jipprovdi l-aċċess mit-triq għall-proġett. (CT3184/2014). Din it-tender bħalissa qed tiġi aġġudikata. Hu mistenni li dan il-proġett ikun lest sa’ Ġunju 2015.
Leg 12 PQ #12309 Sitting 201 2014-11-18 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Selmun Palace Hotel — tkabbir

Question

Billi fit-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari preċedenti ingħad li l-Gvern se jkun qed jaħdem biex ikun jista' jsir użu mis-Selmun Palace Hotel, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-lukanda hux mistenni li tiġi mkabbra qabel ma toħroġ, mill-ġdid għall-bejgħ? X'tip ta' garanziji hu mistenni li jiġu mitluba għall-protezzjoni tat-torri/Palazz ta' Selmun?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-Gvern ser ikun qed jagħti d-dettalji dwar il-proċess kompetittiv li ser ikun qed ivara is-sena d-dieħla, meta jiġi biex jiġi varat dan l-imsemmi proċess. Dan il-proċess għandu l-għan li jimmasimizzza l-potenzjal tal-konċessjoni għal istess Gvern, kif ukoll li jkun jagħmel sens mil-att ta’ negozju għal min ser ikun qed jinvesti fih. Dan dejjem b'rispett lejn ir-regoli tal-ippjanar, kif ukoll lejn dak li hu ta’ valur storiku.

playing fields – ċertifikazzjoni mill-MCCAA

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm ġew ċertifikati playing fields bħala li huma tajbin skont il-kriterji tal-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) matul din is-sena? Fejn jinsabu? X’tip ta’ apparat għandhom dawn il-playing fields li ġew hekk ċertifikati?

Response (DALLI, HELENA)

Mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-lum, gew ċertifikati 108 playing fields li jikkonformaw mal-kriterji maħruġa mill-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA). Dawn jinstabu fil-lokalitajiet li ġejjin: B'Kara Birzebbuga Bormla Dingli Fgura Floriana Fontana Ghajnsielem Gharb Ghaxaq Gudja Ħal Balzan Hal Gharghur Ħal Tarxien H'Attard Haz-Zebbug Iklin Kalkara Kercem Kirkop Lija Luqa Marsa Marsaskala Marsaxlokk Mdina Mellieha Mgarr Mosta Msida Mtarfa Munxar Nadur Naxxar Paola Pembroke Pieta' Qala Qormi Qrendi Rabat Malta San Giljan San Ġwann San Pawl il-Bahar Santa Luċija Sliema Sta Venera Swieqi Ta' Sannat Valletta Xaghra Xewkija Xghajra Zabbar Zejtun Zurrieq L-apparat li ġew hekk ċertifikati f’dawn il-playing fields huma: Swings, slides, carousels, rocking equipment, climbing frame, u multifunctional slides .

San Pawl il-Baħar – permessi għall-bejgħ minn vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm inħarġu liċenzji/permessi matul l-aħħar sentejn f’San Pawl il-Baħar biex ikun jista’ jsir bejgħ ta’ prodotti mhux tal-ikel minn vetturi jew bħala hawkers jew bħala fixed hawkers? Fil-każ tal-fixed hawkers, fejn ingħataw permess/liċenzja, dawk li ġew mogħtija tali permess?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta s-Sezzjoni Liċenzji tal-Kummerċ toħroġ liċenzja għall-bejjiegħ fit-toroq, il-liċenzjat ikun jistà jiġġestixxi l-attività kummerċjali tiegħu minn kullimkien f’kull triq billi jipparkja l-vettura tiegħu skont ir-regolamenti tat-traffiku f’kull triq fejn huwa jieqaf biex ibiegħ sakemm iservi lill-konsumaturi tiegħu u wara li jservihom imur għall-post ieħor. Dan dejjem soġġett għall-kundizzjonijiet oħra li joħorġu mill-L.S. 441.07 Regolamenti dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ. Bejjiegħ fit-toroq jista’ jiġġestixxi wkoll l-attività kummerċjali tiegħu billi jipparkja l-vettura tiegħu sabiex ibiegħ lill-konsumaturi tiegħu taħt numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom li l-post fejn jipparkja l-vettura tiegħu ma jkunx matul distanza ta’ mixi ta’ inqas minn 50 metru mill-eqreb suq fil-beraħ jew matul distanza ta’ mixi ta’ inqas minn 50 metru mill-entratura ta’ kull post kummerċjali. Fl-aħħar sentejn is-Sezzjoni Liċenzi tal-Kummerċ ħarġet dawn il-liċenzji bħala bejjiegħ fit-toroq "ta’ oġġetti li m’humiex ikel u li m’humiex xarbiet": 2012 - 40 2013 - 32 2014 (sat-12 ta’ Novembru 2014) - 40 Ma jinħarġux liċenzji għal fixed hawkers għax il-liġi ma tipprovdix għal dan.

It-Telgħa ta' Selmun — tindif minn ġebel

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-telgħa ta' Selmun bejn il-Mistra u l-Mellieħa titnaddaf mill-ħafna ġebel li qed jaqa' fiha u jsiru wkoll dawk it-tiswijiet neċessarji fil-ħitan biex jiġu evitati inċidenti mhux mixtieqa b'dannu għall-vetturi u għal persuni li jistgħu jkunu fihom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tindif neċessarju fit-telgħa ta’ Selmun bejn il-Mistra u l-Mellieħa tnaddaf mill-ħaddiema tar-Reġjun(PID) mill-ħafna ġebel li waqa’ fil-jiem li għaddew. Bħalissa Transport Malta qiegħda tiġbor l-informazzjoni biex dawn il-ħitan jissewwew.