Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fuq liema speċi ta' ħut qed isir studju/ esperimenti miċ-ċentru ta' l-akwakultura li għandna f'pajjiżna? Liema speċi huma ġodda għal l-istudju li qed isir fuqhom? Liema speċi saru studji s'issa fuqhom fil-passat, u liema hu mistenni li jinbeda l-istudju fuqhom matul ix-xhur li ġejjin? Għal dawk li huma speċi li diġa' saru esperimenti fuqhom, x'riżultat nkisbu s'issa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, fiċ-Ċentru ta’ Riċerka għall-Akwalkultura għaddej studju fuq diversi speċi ta’ħut, li huma: Awrat, Spnott, Gurbell, Sargi, Dentiċi, Aċċjol, Tonn, Ċeren, Rizzi u Ħjar tal-Baħar. Ninsab infurmat ukoll li minn dawn l-ispeċi msemmija, l-aħħar ħamsa huma kollha speċi ġodda li nbeda studju fuqhom. Peress li l-istudji fuq l-ispeċi msemmija għadu għaddej, m’hemmx pjan għall-immedjat li jinbdew studji/esperimenti fuq speċi oħra.
Qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi d-diversi riżultati li qed jinkisbu minn dawn l-ispeċi li fuqhom qed isir l-istudju.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk persuni li jbiegħu proprjetà bi prezz inqas minn dak li kienu xtraw bih l-istess proprjetà hux se jkunu mġegħla huma wkoll iħallsu taxxa, u flokk jagħmlu profit ikunu se jagħmlu telf mill-proprjetà li jkunu qed jbiegħu?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant, li qabel l-1 ta’ Jannar 2015 kienet titħallas taxxa provvizorja ta 7% fuq kull trasferiment. Mill-1 ta’ Jannar 2015 ‘il quddiem, is-sistema tat-taxxa fuq il-bejgħ tal-proprjetà ser tkun waħda ta’ taxxa finali. Ir-rata prinċipali se tkun ta’ 8%, izda tkun 10% jekk il-proprjetà inxtrat qabel 1-2004. Madankollu, jekk il-bejgħ isir fi zmien ħames snin mix-xiri, it-taxxa tkun ta’ 5%. L-esenzjoni mit-taxxa għal min ibigħ il-propjeta residenzjali tiegħu se tibqa. Ta’ min jgħid ukoll li bejgħ ta’ proprjetà li ġejja minn wirt se tibqa’ tiġi ntaxxata kif kienet qabel.
B'referenza għall-proposta li proprjetà li tinbiegħ jew li tkun għall-bejgħ tista taqa taħt skema ta' bejgħ tal-ewwel residenza, kif indikat fil-baġit, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk b'din l-isekma, persuna li tkun se tbiegħ il-proprjetà tagħha tistax xorta waħda taqleb l-ID Card tagħha fuq post ieħor ukoll qabel ma tbiegħ l-istess proprjetà u dan mingħajr ma titlef xi benefiċċju li jista' jkun dritt għalih taħt l-iskema antika?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-eżenzjoni mit-taxxa għal min ibigħ il-proprjetà residenzjali tiegħu se tibqa’. Għalhekk, jekk persuna tkun ilha tgħix f’dik il-proprjeta u sid tagħha għal mill-inqas tliet snin, il-bejgħ ikun ezenti mit-taxxa kif inhu llum. Biex jiġu mnaqqsa l-abbuzi, ser isiru regoli iktar ‘il quddiem biex jiċċaraw kif wieħed ikun jista’ jiddikjara minn qabel liema hi r-residenza tiegħu. L-ID Card fuq post jew ieħor hija biss indikattiva u ma tiddeterminax definittivament ir-residenza.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux qed jimbarka fuq xi forma ta' investiment ġdid għal dak li jikkonċerna l-breakwater ta' Marsaxlokk? Jekk iva, x'inhu dan l-investiment u meta hemm il-ħsieb li jinbeda?
Response (BRINCAT, LEO)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jispeċifika għal-liema breakwater qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jipprova jassigura li n-naħal f'Malta ma jiġi effettwat mit-theddida ġdida li teqred in-naħal (u allura l-għasel Malti) minħabba l-importazzjoni ta' naħal li jista', fost l-oħrajn, jiġi minn Sqallija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-mard notifikabbli fl-annimali, inklużi dawk tan-naħal, huma regolati b’liġijiet stretti ħafna, sia fuq livell Ewropew kif ukoll fuq livell internazzjonali, li jimponu restrizzjonijiet fuq moviment kif ukoll miżuri oħra, fl-inħawi affettwati b’din il-marda l-ġdida tan-naħal magħrufa bħala Small Hive beetle. Din hija marda notifikabbli, u għaldaqstant naħal jistgħu jkunu suġġetti għall-kummerċ intra-kommunitarju hekk biss jekk huma jkunu konformi mal-ħtiġijiet tal-ariklu 8 tal-Council Directive 92/65/EEC, hekk kif amendata mill-Commission Implementing Decision 2012/112/EU, u liġijiet relatati lokali. Dan ifisser li ma jistgħux jiġu introdotti naħal minn żoni li huma suġġetti għal Prohibition Order, bħalma hi l-Isqallija bħalissa. Inżid ngħid ukoll li ħarget Stqarrija għall-Istampa fid-19 ta’ Novembru, mehmuża bħala Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, fejn il-pubbliku u dawk li jrabbu n-naħal ġew infurmati b’dan il-periklu u ġew imwissija biex jieħdu kull prekawzjon sabiex jipproteġu l-kaxex tan-naħal tagħhom. Fl-istess waqt ser tiżdied is-sorveljanza fuq min irabbi n-naħal b’spezzjonijiet mill-istaff tal-VPRD flimkien ma’ dawk tad-Dipartiment tal-Agrikoltura. B’dan il-mod, anke jekk dan l-insett jidħol Malta minn triq oħra, bħal mal-frott u mal-pjanti, il-preżenza tiegħu tiġi minnufih innutata u d-danni jiġu limitati.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien l-investiment li sar fil-Pitkalija matul l-aħħar tnax-il xahar? Fiex kien jikkonsisti dan l-istess investiment u minn min twettaq? X'tip ta' investiment ieħor hu mistenni li jsir fl-istess post matul is-sena li ġejja?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, tul dawn l-aħħar 12 –il xahar, l-investiment fil-Pitkalija kien ta’ madwar €150,000, fosthom għax-xiri ta’ kaxxi ġodda, għax-xiri tas-sistema tal-kameras tas-sigurta` u għall-maintenance ta’ rutina.
Rigward ir-riforma tal-pitkalija, sar ukoll investiment ta’ madwar €150,000 ieħor f’sistema ġdida ta’ teknoloġija tal-informatika sabiex jiġi mtejjeb il-
management
. Din is-sistema qed tiġi mibnija mill-MITA u x-xogħol mistenni jitlesta matul l-2015.
Hemm maħsub ukoll li fl-2015 sejjer isir investiment f’makkinarju ġdid għall-użu tal-Pitkalija sabiex itejjeb aktar l-operat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru, flimkien mad-Dwana, hux qed iwettqu xi forma ta' spezzjonijiet regolari għal dak li jikkonċerna d-dħul fis-suq lokali ta' prodotti agrikoli? Jekk iva, x'inhuma dawn il-kontrolli u kif qed isseħħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jifforma parti mill-Market Surveillance – Joint Inspections team. Dan it-tim huwa magħmul minn Awtoritajiet kompetenti differenti, inkluż fosthom id-Dipartiment tad-Dwana. It-tim jorganizza sorveljanzi tas-suq u jikkontrolla l-importazzjoni u/jew in-negozju ta’ prodotti diversi, fosthom affarijiet agrikoli. Mad-dmirijiet ta’ dan id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja hemm li jiċċekkja l-aktar, kwistjonijiet rigward trattament xieraq tal-annimali u s-saħħa tagħhom, minbarra li huwa anke involut f’sorveljanza fuq ikel u prodotti ta’ l-annimali.
Gozo Channel — eżenzjoni fuq regolamenti tal-lifeboats
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Gozo Channel talbitx għal xi eżenzjoni mir-regolamenti li jikkontrollaw il-lifeboats fuq il-vapuri tagħhoma, lill-Transport Malta jew lil xi awtorità oħra? Jekk iva, x'kieent l-eżenzjoni, jew rikjesta oħra li saret? Meta saret u x'kienet ir-reazzjoni tal-Awtorità? Għal kemm żmien ingħatat l-eżenzjoni li ntalbet?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab informat li ntalbet eżenzjoni fuq waħda mir-rescue boats għal perjodu ta’ ftit gimgħat sakemm tissewwa ħsara li ġarrbet.
Il-Gozo Channel ħadet passi oħra biex is-saħħa w is-sigurta’ tal-passiġġieri ma tkunx kompromessa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jew xi awtorità li taqa taħtu ntalbitx biex toħroġ eżenzjoni għal dak li jikkonċerna l-użu ta' lifeboats fuq il-vapuri tal-Gozo Channel? Jekk iva, x'talba saret u minn min saret? X'kienet ir-reazzjoni ta' Transport Malta għal din it-talba? Jekk intlaqgħet, għal kemm żmien ġiet milqugħa l-istess talba li saret u x'kundizzjonijiet kienu imposti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba għall-eżenzjoni rigward l-użu ta’ lifeboats fuq il-vapuri tal-Gozo Channel.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm sleeping policement fit-12-il distrett elettorali li huma approvati minn Transport Malta? F'liema toroq jinsabu dawn l-istess miżuri ta' traffic calming? Meta ġew approvati?
Response (MIZZI, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill- Onorevoli Interpellant.
San Pawl il-Baħar — Triq Andrew Cunningham u Triq it-Tamar - xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jsir ix-xogħol ta' kisi bit-tarmak u servizzi oħra fuq il-partijiet li għadhom mhux lesti fi Triq it-Tamar u Triq Andrew Cunningham f'San Pawl il-Baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-każ ta’ Triq it-Tamar, id-Dipartiment tal-Kuntratti, f’isem Transport Malta ħareġ tender għall-kostruzzjoni ta’ Triq it-Tamar kantuniera ma’ Triq il-Fugass, filwaqt li Transport Malta taf li hemm bżonn xogħlijiet fi Triq it-Tamar kantuniera ma’ Triq l-Iskud li huma pjanati għal iktar ‘il quddiem.
Fil-każ ta Triq Cunningham, jirriżulta li parti minn din it-triq hija responsabilta’ ta’ Transport Malta u għaldaqstant qiegħda fil-lista ta’ xogħlijiet li jridu jsiru; pero’, minħabba l-fatt li jidher li għad irid isir xi żvilupp, Transport Malta tistenna li din il-parti tat-triq tiġi żviluppata iżjed qabel tibniha.
Il-Mellieħa — pjanijiet għall-użu ta' Fortizza ta' Campbell
Question
Billi riċentament kien irrapurtat li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa waqqaf l-interess li kellu biex jiżviluppa jew b'xi mod jagħmel użu mill-Fortizza ta' Campbell f'Selmun, limiti tal-Mellieħa, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Gvern għandux xi pjan partikulari għall-użu li jista' jsir minn dawn l-inħawi?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-użu ta’ din il-Fortizza hija fil-pjanijiet tal-Gvern, liema pjanijiet jinkludu wkoll pjan ħolistiku għall-inħawi tal-madwar.
Billi fid-diskors tal-baġit, hemm referenza għal xi skema li permezz tagħha għandha tiġi regolarizzata l-pożizzjoni ta' sidien ta' proprjetà f'San Pawl il-Baħar, Buġibba, u l-Qawra, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu l-iskop ta' din l-iskema u x'forma se tingħata din l-istess skema?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministri kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar spezzjonijiet fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm skart akkumulat għal ċertu żmien? Fejn irriżulta li kien hemm problema ta’ skart? X’passi ħa jew se jieħu l-Ministeru biex jiġi assigurat li dan l-iskart, jitneħħa fl-iqsar żmien possibbli?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbilta’ sabiex jitneħħa akkumulu ta’ skart fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar, ma taqax taħt ir-responsabbilta’ tad-Direttorat għat-tindif.
Madankollu, id-Direttorat jagħmel spezzjonijiet kuljum fiż-żona turistika, fejn għandu ħaddiema assenjati fil-lokalita’.
Meta jidħlu ilmenti fid-Direttorat rigward il-lokalita’, dawn jiġu spezzjonati, u jekk jirriżulta li jkun hemm akkumulu ta’ skart l-ilment jiġi mgħoddi lill-Kunsill Lokali. Jekk ix-xogħol mitlub ma jsirx fi żmien stipulat, dan isir minn ħaddiema tad-Direttorat.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-għadd ta’ problemi li hemm fil-wiċċ tat-triq fit-telgħa tax-Xemxija, jissolvew peress li din hi triq prinċipali li minnha jgħaddu eluf ta’ vetturi kuljum lejn il-Mellieħa u lejn Għawdex u lura?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, Transport Malta tagħmel manutenzjoni regolari fit-triq msemmija skont il-ħtieġa. Manutenzjoni fuq skala ikbar issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru matul din is-sena ħassarx liċenzji reġistrati bħala MFD lill-persuni li kienu qed jużaw dawn il-bastimenti bħala bastimenti għall-irmonk tal-gaġeġ tat-tonn? Kemm kienu l-bastimenti li kellhom il-liċenzja tagħhom imneħħija u x'inhi r-raġuni għal dan? Jista' jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha tħassru dawn il-liċenzji? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk ħarġux liċenzji ġodda għal dan ix-xogħol? Jekk ħarġu meta ħarġu u lil min?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, matul din is-sena ma ġiet imħassra l-ebda liċenzja ta’ bastimenti fil-kategorija MFD. Ninsab infurmat li fl-2014 nħargu tlett liċenzji ġodda fil-kategorija MFD, għal tlett bastimenti reġistrati għall-użu espliċitu ta’ xogħol fl-akkwakultura. Tnejn minn dawn inħarġu lill Emma Navigation fit-3/6/2014 u l-oħra lill-Fish & Fish Ltd fis-16/04/2014.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk f’San Pawl il-Baħar (il-Qawra) tpoġġiex xi container li fih jitpoġġa l-kartun, liema kartun qed jinġabar mil-lokalità? Fejn kien jitpoġġa dan il-kartun qabel, u x’inhi r-raġuni għal dan?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-kartun imsemmi jinġabar mill-istabbiliment kummerċjali tal-lokalità. Peress li l-volum tal-ġbir tal-kartun li jista’ jiġi rriċiklat żdied ħafna, il-kamra fejn dan jitqiegħed ma kienetx biżżejjed u għaldaqstant qiegħed jintuża container għall-istess skop.
Issa li jidher li l-MEPA approvat il-proposta għax-xogħol fil-Veċċja, jista' l-Minstru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti kif ġew approvati? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hu stmat li se jiswa l-proġett u meta mistenni li jinbeda x-xogħol?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-pjanti kif approvati mill-Mepa nhar il-Ħamis li għadda. Dwar l-istima tal-proġett mhux għaqli li din issir pubblika f’dan l-istadju peress li għad trid toħroġ is-sejħa għall-offerti fuqha.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk xi wieħed mill-vapuri tal-Gozo Channel kellux xi inċidenti li fih seħħew xi ħsarat? Jekk iva, x'kienu l-ħsarat li kellu u xi ħsara oħra ġrat, jekk mhux direttament lill-vapur? Meta seħħet din il-ħsara?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab informat li ma kien hemm ebda inċident serju li fih kien involut vapur tal-Gozo Channel. Madankollu fit-13 ta’ Novembru l-MV Gaudos miss mal-moll u ġarrab ħsara żgħira fil-majjiera interna. L-għafsa li ġarrab bl-ebda mod ma xekklet il-vapur milli jkompli bix-xogħol skedat.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12064, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema spazji oħra li fihom jista’ jsir parking bil-ħin hemm f’San Pawl il-Baħar? Fejn jinsabu u għal kemm ħin huma maħsuba dawn l-istess parkeġġi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba hija kif elenkata f'Avviz Legali 200 tal-2009.