Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qatla ta’ majjal

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qatla tal-majjal matul is-sena 2014 u din is-sena, xahar b’xahar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – Agreements dwar xogħlijiet

Question

B’referenza għall-intervent tal-Ministru fid-dibattitu tal-Baġit, fejn intqal li l-Ministru għamel 30 agreement ma’ kuntratturi għal xogħol li jista’ jkun hemm mill-Ministeru, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn l-agreements u jgħid ukoll x’tip ta’ xogħol hu mistenni li jsir minn dawn il-kuntratturi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-“agreements” li saru huma kollha fil-limiti tal-ħlasijiet issettjati mill-Awtorità tad-Djar għal kull xogħol differenti.

Internet Hotspots – kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali

Question

Billi fil-baġit jingħad li bejn issa u l-2016 mistenni li jkun hemm żieda ta’ 60% tal-hotspots ta’ internet b’xejn, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn hu mistenni li jiżdiedu dawn il-hotspots u x’tip ta’ kollaborazzjoni hu mistenni li jkun hemm mal-kunsilli lokali dwar dan? X’suġġerimenti hemm, mill-kunsilli lokali għal dak li jikkonċerna l-postijiet fejn għandhom jitqiegħdu dawn il-hotspots? Liema kunsilli wasslu s-suġġerimenti tagħhom?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni diġà bdiet diskussjonijiet mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali u entitajiet oħra tal-Gvern dwar kif in-network ta' hotspots se jiġi estiż sabiex ikopri spazji oħra li bħalissa m’humiex koperti u jsaħħu l-hotspots eżistenti. Fil-futur qrib se jibdew diskussjonijiet mal-Kunsilli Lokali biex jiġu eżaminati possibilitajiet ta' kif is-servizz kurrenti jista' jiġi mtejjeb.

San Pawl il-Baħar – Playing Fields – Spezzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk permezz tal-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) sarux spezzjonijiet fuq il-playing fields li hemm f’San Pawl il-Baħar matul din is-sena? Liema spezzjonijiet saru, meta saru u x’irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet? X’ċertifikati ħarġu, meta nħarġu u għal kemm żmien inħarġu dawn iċ-ċertifikati?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-MCCAA wettqet spezzjonijiet fuq l-ħames playing fields li huma taħt ir-responsabilita tal-Kunsil Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Dawn huwa: Ġnien it-Tfulija, Ġnien Joseph P. Caruana, Ġnien Bertu w Tumas Gauci, Ġnien Anton Butigieg, u Masġar Olimpiku. Dawn l-ispezzjonijiet twettqu matul Ġunju 2014. Irriżulta li tlieta minn dawn il-playing fields (Ġnien Bertu w Tumas Gauci, Ġnien Anton Butigieg, u Masġar Olimpiku) instabu magħluqa għall-refurbishment. Għaldaqstant inħaruġa biss żewġ ċertifikati għall-Gnien it-Tfulija u Ġnien Joseph P. Caruana. Dawn iċ-ċertifikati jinħarġu għal sena u huma validi sa 16 Ġunju 2015.

Day Centres

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ kollaborazzjoni jagħmel il-Ministeru mal-kunsilli lokali għal dak li jirrigwarda d-day centres li hawn bħalissa f’Malta u f’Għawdex? Fejn hemm day centres u f’kull każ meta nfetħu? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema, fost dawn id-day centres, il-Ministeru rċieva lmenti matul l-aħħar sitt xhur (sa Ottubru 2014)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kurà fil-Komunita’ għandu kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali fejn jirrigwardja trasport u użu ta’ proprjetà. Trasport jiġi pprovdut mill-Kunsilli Lokali fi 11-il Day Centre u bħalissa d-Dipartiment għandu 18-il Day Centre fi proprjetà tal-Kunsill Lokali. L-ilmenti fil-perjodu msemmi kienu ġenereċi u jirrigwardja bħal xi xogħlijiet żgħar pendenti, nuqqas ta’ staff, xi problemi tekniċi (bħal arja kundizzjonata mhix taħdem, eċċ). Id-Dipartiment għandu 22 Ċentru ta’ Matul il-Jum. Tabella bid-dettalji mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Amministraturi Sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ programm ta’ taħriġ tfassal s’issa biex jiġu mħarrġa amministraturi li jagħmlu xogħol fix-xena sportiva? Meta hu mistenni li dan l-istess programm ta’ taħriġ jibda jiġi implimentat? Kif se jintgħażlu dawk li se jiġu mħarrġa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-kontenut tal-programm ta’ taħriġ wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu ta’ tfassil. Il-programm se jkun imqassam f’erba’ taqsimiet (modules) li se jkopru ħafna aspetti relevanti għal dawk il-persuni li jaħdmu fis-settur amministrattiv tal-isports. Il-modules huma dawn:- 1- Understanding and Developing Strategy for Sport and Physical Activity 2- Leadership in Sport and Physical Activity 3- Developing Effective Sport Systems and Good Governance 4- Managing Successful Events from Grassroots to Elite Sport Il-programm ta’ taħriġ mistenni jibda jiġi implimentat fi Frar 2015. L-għażla se tkun f’żewg fażijiet. L-ewwel se tkun miftuħa għal ħaddiema (full-time/part-time) tal-KMS, u skont in-numru ta’ applikanti, jista’ jkun hemm xi postijiet għal nies li jaħdmu fis-settur ċivili u pubbliku u li huma involuti fil-qasam sportiv. Kull sejħa għandha magħha kriterji ta’ għażla ċari ibbażati fuq l-esperjenza u l-kwalifiċi u approvata mill-PPCD.
Leg 12 PQ #12691 Sitting 217 2014-12-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Marine Conservation Areas

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn marine conservation areas f’pajjiżna? Liema huma dawn iż-żoni u meta ġew dikjarati bħala tali dawn l-istess żoni?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Jekk il-mistoqsija qiegħda tirreferi għal marine protected areas (MPAs) imħarsa taħt l-Att tal- Ambjent u l-Kontroll tal- Iżvilupp, f’Malta jeżistu ħames siti mħarsa s’issa. Dawn huma u ġew iddikjarati, rispettivament, kif muri fit-tabella hawn taħt: ŻonaData Żona fil-baħar bejn Rdum Majjiesa u Ras ir-Raħeb16 ta’ Novembru 2005 Żona fil-baħar fl-inħawi ta' Mġarr ix-Xini (Għawdex)17 ta’ Awwissu 2010 Żona fil-baħar fl-inhawi ta' Għar Lapsi u ta' Filfla17 ta’ Awwissu 2010 Żona fil-baħar fl-inħawi tad-Dwejra (Għawdex)17 ta’ Awwissu 2010 Żona fil-baħar fil-Grigal ta' Malta17 ta’ Awwissu 2010 Nota: id-dati jindikaw meta gew ppublikati fil-Gazzetta tal-Gvern.

Ta’ Qali – Villaġġ tas-Snajja’

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikulari għal dak li jikkonċerna l-Villaġġ tas-Snajja’ f’Ta’ Qali? Meta hu mistenni li jkun hemm xi żvilupp fiżiku fl-istess post?

Response (CARDONA, CHRIS)

Wara li kienu ilhom isiru wegħdiet sa mill-1992 dwar proġetti għal crafts village f’Ta’ Qali minn Gvernijiet Nazzjonalisti, u li iżda baqa’ qatt ma sar xejn dwarhom, issa l-ippjanar tal-proġett ta' Ta Qali qiegħed fi stadju avvanzat ħafna u huwa mistenni li x-xogħol fuq il-proġett jibda s-sena d-dieħla.

Marsaxlokk – Breakwater

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol preparattiv marbut mal-breakwater ta’ Marsaxlokk? Min qed jipprepara l-proposti min-naħa tal-Ministeru? X’kuntatti saru s’issa mal-MEPA dwar dan l-istess breakwater?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ġiet ri-attivata l-applikazzjoni mal-MEPA għax-xogħolijiet fuq il-breakwaters ta’ Marsaxlokk. Għal dan il-għan ġiet imqabbda kumpanija, wara sejħa għall-offerti, biex tipprepara żewg rapporti li huma, l-Appropriate Assesment u l-Environmental Impact Statement, ħalli jiġu sottomessi lill-MEPA hekk kif mitluba, bħala parti minn proċess għall-applikazzjoni tal-permessi meħtieġa.
Leg 12 PQ #12694 Sitting 217 2014-12-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Proġett EDEN – fondi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’fondi hu maħsub li jkollu l-Ministeru, permezz tal-programm EDEN għal qasam tat-turiżmu matul is-sena d-dieħla? Kemm mistenni jkun l-ammont ta’ flus li jiġi investit u f’liema settur hu mistenni li jsir dan l-istess investiment?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tema tal-EDEN ta’ din is-sena se tiffoka fuq it-Turi¿mu u l-Gastronomija Lokali. Il-proġett għandu l-għan li jippremja dawk id-destinazzjonijiet li żviluppaw offerta speċifika turistika bbażata fuq il-gastronomija lokali speċifika tagħhom. Il-proġett għandu wkoll l-għan li fl-aħħar nett jagħżel destinazzjoni waħda ta’ eċċellenza u erba’ destinazzjonijiet finalisti oħra. Id-destinazzjoni rebbieħa se tingħata t-titlu ta’ “EDEN Destination for Tourism and Local Gastronomy”. Il-proġett se jiffoka b’mod ewlieni fuq il-potenzjal tad-destinazzjoni, l-awtentiċità tal-prodott li jorbotha mal-wirt lokali kif ukoll is-sostenibbiltà tal-avveniment. L-applikazzjoni li ssottomettiet Malta biex takkwista fondi taħt dan il-programm ġiet approvata proprju din il-ġimgħa. Il-Ftehim ta’ Għotja se jiġu ffirmati fi Frar 2015 u l-baġit totali huwa dak ta’ € 51,710.00 b’ko-finanzjament ta’ 75 %.
Leg 12 PQ #12695 Sitting 217 2014-12-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

PPP – bajjiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema bajjiet huma mistennija li jibdew jitħaddmu permezz ta’ public private partnership fil-bajjiet tagħna? Liema huma l-bajjiet li huma mistennija li jidħlu f’din l-iskema? Meta hu mistenni li sejħiet għal dan il-għan jkunu ppublikati?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din il-Public Private Partnership hija miżura li tħabbret fil-budget għas-sena 2015. Bħalissa qed isir studju dwar il-bajjiet li ser ikunu nklużi f’din l-inizjattiva u l-iskop hu li ċerti bajjiet li sa issa ma jintużawx isiru aċċessibli u attrajenti għan-numru rekord ta' turisti li qed iżuru l-gzejjer tagħna fix-xhur tas-sajf, kif ukoll il-komunita’ lokali. Dan l-istudju qed jieħu inkonsiderazzjoni wkoll li jridu jittieħdu l-prekawzjonijet kollha sabiex jiġi protett l-ambjent ta’ dawn is-siti magħżulin.

Toroq – PPP – Skemi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ public private partnership (PPP) hi mistennija li titħaddem mill-Ministeru fil-qasam tat-toroq? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk itteħdux in konsiderazzjoni skemi oħra preċedenti għal dan it-tip ta’ skemi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-iskema għad trid tiġi diskussa aktar fid-dettall.

MEPA – Policy dwar Parking

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal it-tfassil tal-policy tal-MEPA dwar il-parkeġġ f’pajjiżna? Min qed ifassal din il-policy, meta mistenni li jintemm l-istudju dwarha u meta se tiġi ppubblikata l-policy?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-Awtorità tat-Trasport m’għandiex informazzjoni dwar il-polza tal-MEPA dwar il-parkeġġ f’pajjiżna.
Leg 12 PQ #12684 Sitting 215 2014-12-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – Applikazzjonijiet Rifjutati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11791, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk meta file ta’ applikazzjoni għall-iżvilupp mill-MEPA jiġi rrifjutat, ukoll fl-istadju ta’ appell, jispiċċax għand uffiċjali tal-MEPA biex dawn imorru għand l-applikant biex jiddiskutu miegħu l-merti tal-applikazzjoni li tkun ġiet irrifjutata?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li l-bibien tal-MEPA huma dejjem miftuħin għall-applikanti biex jiddiskutu l-kaz tagħhom ikun f'liema stadju jkun.
Leg 12 PQ #12685 Sitting 215 2014-12-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Koordinazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Artijiet u r-Reġistru tal-Artijiet

Question

B’referenza għall-paġna 91 tad-diskors tal-baġit għas-sena 2015 intitolat ‘Dipartiment tal-Artijiet u r-Reġistru tal-Artijiet’, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jiġi assigurat li ssir il-koordinazzjoni neċessarja bejn dawn iż-żewġ entitajiet tal-Gvern?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #12686 Sitting 215 2014-12-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skema ta’ Regolarizzazzjoni ta’ proprjetajiet fil-Qawra/San Pawl il-Baħar — Awtoritajiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhi jew x’mistennija li tkun u kif se titħaddem l-iskema msejħa Skema ta’ Regolarizzazzjoni ta’ proprjetajiet fil-Qawra/San Pawl il-Baħar? Liema huma l-awtoritajiet li se jkun hemm involuti f’din l-iskema?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-Iskema ser tkun estensjoni tal-Iskema li kienet ħarġet fl-1 ta’ Diċembru 2012, li permezz tagħha inkwlini ta’ djar li jinsabu fi¿-¿ona magħrufa bħala Klawsura tal-Kortin f’Buġibba u San Pawl il-Baħar, setgħu jirregolarizzaw it-titlu tal-art u jixtru r-residenzi tagħhom. Kif tħabbar fid-diskors tal-Budget, din l-Iskema issa ser tkun miftuħa wkoll għall dawk l-inkwilini li għandhom villeġġjaturi, ħwienet, garaxxijiet u bini ieħor li jintu¿a għal kull tip ta’ attivita’ oħra u li jinsabu f’din l-istess ¿ona. Dawn l-inkwilini ser ikollhom ukoll l-opportunità li jirregolarizzaw it-titlu tagħhom fuq l-art u jixtru dawn il-proprjetajiet permezz ta’ din l-Iskema. Aktar dettalji dwar din l-iskema ser jitħabbru iktar ’il quddiem.

In-Naxxar – Triq il-Markiż Scicluna – Wiċċ tat-Triq

Question

Jista’ l-Ministru jitlob lill-Kunsilli Lokali biex Triq il-Markiż Scicluna fin-Naxxar tiġi rranġata minħabba l-ħsarat li għandha fil-wiċċ tat-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant, li l-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalità legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Madankollu jien għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali konċernat.

Transport Malta — xogħlijiet f'San Pawl il-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministru, permezz ta' Transport Malta bidilx il-prijoritajiet tiegħu għal dak li jikkonċerna xogħol fuq it-toroq ta' San Pawl il-Baħar? Jekk iva, x'bidliet saru fil-programm tax-xogħol kif imfassal minn Transport Malta? Meta hu mistenni li jsiru x-xogħol ġodda fuq toroq f'San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’San Pawl il-Baħar ix-xogħol huwa skont il-pjanijiet.

Central Strips, Roundabout u postijiet pubbliċi – tiżjin tal-Milied

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ central strips, roundabouts u postijiet pubbliċi oħra li għandhom jew se jkollhom xi tiżjin tal-Milied din is-sena u fejn jinsabu? Kemm minn dawn il-postijiet se jkollhom il-preżenza tal-Bambin fil-maxutra? Minbarra hekk, kemm minn dawn il-postijiet se jkollhom il-kliem Merry Christmas inkluż fit-tiżjin?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant li jekk għandu xi suġġerimenti u proposti dwar jekk, u għandomx ikollhom, il-kliem Merry Christmas inkluż fit-tiżjin u dwar il-preżenza tal-Bambin fil-maxtura, jien ngħarraf lill-Ministru kkonċernat minnufih sabiex fejn hemm qbil tissebbaħ u titkattar din id-drawwa ta’ dawn iż-żmienijiet.

Gozo Channel — Lifeboats

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’wassal biex ir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12548 tkun differenti mir-risposta tal-Ministeru għal Għawdex għal-mistoqsija parlamentari 12547?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li it-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12547 qed tirreferi għal rescue boats, it-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12548 qed tirreferi għal life boats.