Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — periti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux periti impjegati miegħu jew ma’ xi aġenzija oħra li jagħu taħtu? Jekk iva, kemm hu n-numru ta’ periti li jaqgħu taħt dan l-istess Ministeru?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li hekk kif infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti n-numru ta’ periti li huma impjegati fil-Ministeru tiegħi huwa ta’ disgħa. Wieħed minn dawn huwa impjegat fid-Direttorat tal-Parks u l-ieħor fil-Biċċerija Pubblika, filwaqt li s-sebgħa l-oħra jaqdu d-dmirijiet tagħhom fil-kumpanija WasteServ Malta Ltd.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’wassal lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa biex jitlef l-interess li kellu biex jibda jamministra, b’xi mod, il-Fortizza Campbell f’Selmun limiti tal-Mellieħa? Meta ttieħdet id-deċiżjoni li ma tibqax tiġi segwita t-talba li l-istess kunsill kellu għal din il-fortizza?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10098.
Kunsill Lokali Mellieħa – Fortizza Campbell — rakkomandazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kellux xi talba biex igħaddi r-rakkomandazzjonijiet dwar l-użu tal-Fortizza Campbell fil-Mellieħa? Jekk iva, x’kienu r-rakkomandazzjonijiet tiegħu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10098.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qattx intalab biex igħaddi l-inħawi magħrufa bħala l-Gżejjer ta’ San Pawl minn taħt il-konfini tiegħu għal konfini ta’ San Pawl il-Baħar? Jekk kien hemm talbiet simili, jista’ jagħti tagħrif dwar x’kienet ir-razzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill illum għadx għandu l-istess opinjoni dwar dawn l-inħawi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li qatt ma saritlu talba biex jirrilaxxa l-Gżejjer ta’ Selmun u Selmunett mill-konfini tiegħu. Għaldaqstant, ninsab infurmat mill-istess kunsill li ma jirriżultax mill-minuti tas-seduti ta’ Kunsilli, kemm dak attwali kif ukoll dawk passati, li ġiet addottata xi pożizzjoni uffiċjali f’dan ir-rigward.
Billi qed jingħadd li l-Lukanda Selmun Palace se titkabbar b’mod sostanzjali, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhi l-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa dwar tali tkabbir tal-lukanda?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat lilu stess mill-Ministru tat-Turiżmu għall-Mistoqsija Parlamentari li ġġib in-numru 12309, pero’ naċċertak li kwalunkwe tibdil, jekk ikun il-każ, ser jingħadda mill-proċessi kollha skont il-liġi.
Naċċertak ukoll li din l-inizjattiva ta’ dan il-Gvern ser twassal biex din il-lukanda, li ngħalqet taħt l-amministrazzjoni preċedenti, ser terġa’ tkun punt ta’ riferenza fiż-żona tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta u partikolarment il-Mellieħa ħalli din tkompli tasserixxi ruħha bħala żona turistika.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12562, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni dwar l-iżvilupp tal-farms tal-baqar u fejn hu l-każ tal-majjal?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu peress li minkejja li kien mitlub jagħmel dan fit-Tweġiba Parlamentari 12562, f’din il-mistoqsija baqa’ ma speċifikax għal-liema skemi qed jirreferi.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12559, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' laħam tat-tiġieġ ġie importat miċ-Ċina fl-għaxar okkazzjonijiet li ddaħħal dan il-laħam f'Malta? Kemm kienet l-kwantità ta' laħam li ġiet importata u meta?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12561 billi r-risposta talbitni ngħamel il-mistoqsija l-Ministru kkonċernat, jista' l-Ministru allura jiddikjara jekk il-Ministeru ssuġeriex jew le sabiex toroq li huma ta' importanza għal-bdiewa jidħlu fil-proġett tax-xogħol indikat?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għas-sejħa maħruġa mill-Managing Authority (EAFRD) fid-9 ta’ Settembru 2014 fejn intalbu applikazzjonijiet taħt il-Miżura 125 li hija mmirata biex ittejjeb l-aċċessibilita` għar-raba’ (farm access roads). Kulħadd seta’ japplika skont il-kriterji tas-sejħa u għalhekk mhux il-każ li l-Ministeru jagħmel xi suġġerimenti sabiex toroq li huma ta' importanza għal-bdiewa jidħlu fil-proġett.
Proposti ta' tisbiħ fil-lokalità ta' Fgura, l-Imsida, San Pawl il-Baħar u r-Rabat Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-proposti li ntbagħtu mill-kunsilli lokali tal-Fgura, l-Imsida, San Pawl il-Baħar u r-Rabat Għawdex għal dak li jikkonċerna l-programm ta' tisbiħ fil-lokalità skont programm maqbul mal-Ministeru?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-lokalitajiet li qed jirreferi għalihom ġew magħżula bħala parti minn proġett pilota, minn reġjuni differenti tal-gżejjer Maltin. Il-Kunsilli lokali rispettivi laqgħu l-istedina u l-ideat tagħhom ġew approvati bħala l-ewwel inizjattiva għat-twettieq tal-proġett. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-Memoranda of Understanding li ġew miftehma mal-Kunsilli fi ħdan il-proġett.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq fir-raba', kif rikjest fil-mistoqsija parlamentari 12561, huma mistenni jsir xogħol fuqhom matul l-2015? Fejn jinsabu dawn it-toroq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta applikat għal fondi mill-Unjoni Ewropea taħt EAFRD, speċifikatament għall-Proġett M125. Dawn il-fondi se jassiguraw aċċess aħjar speċjalment għall-bdiewa li jużaw dawn it-toroq. It-toroq intgħażlu b’koordinazzjoni bejn diversi entitajiet u kien hemm spezzjoni fuq 173 triq li minnhom 149 tressqu għall-approvazzjoni tal-Funds and Programmes Division. Irid isir b’ekwivalenti ta’ € 6.6 miljuni ta’ fondi eliġibli fuq numru minn dawn it-toroq li ġew prijorizzati skont il-bżonn. L-ewwel tenders għal toroq li jaqgħu taħt dan il-fond inħargu fid-9 ta’ Diċembru 2014.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar spezzjonijiet fuq il-Fortizza Campbell f’Selmun, limiti tal-Mellieħa? X’kienu r-riżultati ta’ din l-ispezzjoni? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk irriżultax li partijiet mis-soqfa ta’ din il-fortizza huma fil-periklu li jaqgħu?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ressaqx xi suġġerimenti partikolari għal dak li jikkonċerna l-inħawi magħrufa bħala l-Fortizza Campbell, fl-inħawi ta' Selmun, limiti tal-Mellieħa? Jekk iva, x'kienu s-suġġerimenti li saru u xi studji partikolari saru dwar dawn l-istess inħawi?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li r-risposta hi fin-negattiv.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikolari għal dak li jikkonċerna l-possibilità li jiġi stallat funikular li jgħaqqad il-Mellieħa mal-Bajja tal-Għadira jew xi spazju ieħor fl-istess inħawi?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li peress dan il-proġett jirrikjedi finanzjament sostanzjali li jmur il’hinn mill-mezzi finanzjarji tiegħu l-Kunsill ser iressaq il-ħsibijiet tiegħu lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’investigazzjoni beda, jew wettaq il-Ministeru dwar rapport li deher fil-ħarġa tal-lum, 27 ta’ Novembru 2014 tal-ġurnal in-Nazzjon, dwar prodotti agrikoli mhux Maltin li qed jinbiegħu mill-Pitkalija bħala prodotti lokali? Kemm-il spezzjoni saret fil-Pitkalija, dwar rapporti oħra simili? X’instab u x’passi ttieħdu? X’inhuma l-pieni li suppost jeħel min jinqabad jikser ir-regolamenti dwar bejgħ ta’ prodotti mhux Maltin mill-Pitkalija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ferm qabel ma deher ir-rapport li qed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant, bħala proċedura, isiru spezzjonijiet mill-uffiċjali tas-sigurta` fid-dħul tal-pitkalija u jsiru ukoll spezzjonijiet ad hoc għand diversi pitkala biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm l-allegati abbużi bi ksur tar-regolamenti li jipprojbixxu l-bejgħ ta’ prodotti importati mill-pitkalija bħala prodotti lokali.
Kif jista’ japprezza l-Onor. Interpellant, f’ħafna każi huwa ferm diffiċli li tiddistingwixxi bejn prodott lokali u prodott importat, sakemm dan tal-aħħar ma jkunx ippakkjat b’mod ovvju.
Dan l-allegat abbuż jista’ possibilment iseħħ kemm il-darba xi ħadd idaħħal fil-pitkalija prodott importat flimkien mal-prodott lokali. Jekk jiġri hekk dan ikun abbuż tar-regolamenti u jittieħdu l-passi neċessarji.
Jien infurmat ukoll li fil-passat taħt amministrazzjoni preċedenti kien ikun hemm diversi allegazzjonijiet simili.
Transport Malta – konsultazzjoni mar-residenti tas-Salina
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12324, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-laqgħat ta’ konsultazzjoni li hemm referenza għalihom fir-risposta? Jista’ jagħti tagħrif dwar il-mod li bih twassal l-avviż għand il-persuni li joqogħdu fl-inħawi tas-Salina? Kemm attendew nies għal dawn il-laqgħat ta’ konsultazzjoni li hemm referenza għalihom fit-tweġiba?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-laqgħa ta’ konsultazzjoni biex kien ġie ppreżentat l-Environment Impact Assessment (EIA) saret skont ir-regolamenti tal-MEPA u Legal Notice 114/07 li fost l-oħrajn jistipulaw meta għandha issir il-laqgħa u l-mod ta’ kif jitwassal l-avviz. Minbarra dan, il-perjodi meta l-pubbliku setgħa jagħmel kummenti dwar l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp saru kollha skont l-istess regolamenti tal-MEPA. Għalkemm Transport Malta m’ għandiex records preċiżi ta’ kemm attendew nies għall-laqgħa biex jiġi ppreżentat l- Environment Impact Assessment (EIA), liema laqgħa kienet organizzata mill-MEPA, jidher li kien hemm attendenza ta’ madwar 30 ruħ. Transport Malta ma jkolliex records ta’ min attenda għall-public hearing meta dehru l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp tal-proġett in kwistjoni quddiem il-MEPA. In oltre, skont specifications tal-MEPA, Transport Malta kienet ikkummissjonat Social Impact Assessment u l-istess Transport Malta tinsab infurmata li waqt dan l-Assessment kienu ġew intervistati madwar 40 persuna residenti fis-Salina. Dan l-Assessment kien sar bejn it-tielet u r-raba’ kwart tas-sena 2011.
Transport Malta – konsultazzjoni mar-residenti tas-Salina
Question
Billi t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12324 tagħmel referenza għall-fatt li l-aċċess għall-inħawi tas-Salina baqa’ kkunsidrat bħala reserved matter, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-mod li bih ġie deċiż dan ir-reserved matter? Meta ġie diskuss u meta ġie deċiż? Minn min u kif kienu infurmati dwar dan ir-residenti tas-Salina?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokument tal-permess tal-MEPA jgħid hekk:
“Access to Salini residential hamlet shall be subject to a separate development application and to any archaeological investigations.”
Il-permess tal-MEPA ġie ppublikat fit-18 ta’ Diċembru 2012.
Ninsab infurmat li l-permess tal-MEPA ingħata wara public hearing skont il-proċeduri u r-regolamenti tal-MEPA stess.
Wara li ġie ppublikat il-permess, Transport Malta ppreparat proposti u ressqithom għall-approvazzjoni tal-Awtoritajiet kompetenti li huma is-Superintendenza tal-Patrimonju Kulturali kif ukoll l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, sabiex l-aċċess permanenti għal dawn l-inħawi jiġi approvat.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-aċċess għall-inħawi tas-Salina għadux dak li kien propost oriġinarjament jew inkella inbidilx? Jekk inbidel, meta sar dan it-tibdil? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti li jikkonċernaw dawn l-inħawi, fil-verżjonijiet differenti tagħhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm ta’ l-inqas żewg possibilitajiet li qed jiġu proposti bħala aċċess permanenti.
Waħda minn dawn hi li tinbena triq ġdida li tgħaqqad ma’ Triq il-Kappella tal-Lunzjata u l-oħra tinkludi upgrade ta’ Triq il-Katakombi.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jkunu jistgħu jidħlu fid-djar tagħhom ir-residenti tas-Salina, waqt u wara li jitlesta x-xogħol relatat ma’ Triq il-Kosta, f’dak li jirrigwarda l-inħawi tas-Salina? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk l-aċċess li minnu se jkunu mġiegħla jgħaddu r-residenti ta’ dawn l-inħawi hux kollu pubbliku jew inkella hemm partijiet minnu li huma privati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sakemm isir ix-xogħol min-naħa ta’ wara tal-Hamlet, ġie ppreparat aċċess temporanju għar-residenti tas-Salina fuq triq diġà eżistenti. Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda parti mit-triq eżistenti li hija privata. Ġie wkoll ppeparat aċċess temporanju mit-triq li tagħti għall-Coastline Hotel. Din it-triq hija fuq art tal-Gvern li fuqha s-sid tal-lukanda iħallas iċ-ċens. L-Awtorità ġabet approvazzjoni mingħand is-sid tal-lukanda qabel ma ppreparat dan l-aċċess temporanju li għandu jservi għal tul il-proċess ta’ xogħlijiet sakemm jitlesta aċċess permanenti għall-Hamlet.
Wara li jitlestew ix-xogħlijiet, kif diġà spjegat fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12720, hemm żewġ proposti għall-aċċess permanenti.
Waħda minn dawn hi li tinbena triq ġdida li tgħaqqad ma’ Triq il-Kappella tal-Lunzjata u l-oħra tinkludi upgrade ta’ Triq il-Katakombi.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12563, jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub għas-snin 2011, 2012, 2013 u 2014?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba. Inżid illi bħalissa m'hemmx il-ħsieb li jinħargu iktar skemi oħra bhal dawn.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qatla taċ-ċanga matul is-sena 2013 u din is-sena, xahar b’xahar?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.