Legislature:
Category:
Reset
Active:

bhejjem esportati minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta bhejjem, ħajjin jew mejtin li ġew esportati minn Malta matul is-sena 2014, sa issa? Liema kienu dawn il-bhejjem li ġew esportati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, in-numru ta’ bhejjem ħajjin jew mejtin li ġew esportati minn Malta matul is-sena 2014 kien ta' 1187. Dawn il-bhejjem jikkonsistu f’majjal, żwiemel, bovini, mogħoż u nagħaġ. Ovvjament din il-figura ma tinkludix pajjiżi tal-UE.

prodotti agrikoli esportati minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-prodotti agrikoli li ġie awtorizzat li jiġu esportati minn Malta lejn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea? Kemm prodotti ġew esportati lejn dawn il-pajjiżi minn Malta? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar liema kienu l-prodotti li hu magħruf li ħarġu minn Malta għal swieq oħra tal-Unjoni Ewropea?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant japrezza li t-terminu “prodott agrikolu” huwa vast ħafna u jikkomprendi fost oħrajn żrieragħ, pjanti, fjuri, frott, siġar, annimali ħajjin u mejtin u prodotti agrikoli maħduma jew iproċessati. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant huwa mitlub li jkun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu. Infakkru ukoll li m’hemm l-ebda obbligu dirett li moviment ta’ prodotti agrikoli bejn membri tal-Unjoni Ewropea jiġi notifikat jew awtorizzat.

Bus Shelters

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' bus shelters li twaħħlu f'Malta u Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum? Fejn jinsabu dawn il-bus shelters li twaħħlu matul dan il-perjodu? Kemm u fejn hu mistenni li jitwaħħlu bus shelter matul l-ewwel sitt xhur tas-sena d-dieħla?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-bidu tas-sena 2013 sal-lum twaħħlu total ta’ 27 bus shelter kif ukoll żewġ tined (canopies). 4 minn dawn il-bus shelters qegħdin fl-aħħar fażi ta’ twaħħil. Il-bus shelters ġew installati f’ Bormla, il-Fgura, Ħal-Balzan, Pembroke, Ta’ Xbiex, Iklin, Mrieħel, Mqabba, Attard, 2 ġewwa Marsaskala, 2 ġewwa il-Marsa, 3 ġewwa Ħal-Kirkop, 3 ġewwa iċ-Ċirkewwa, 4 ġewwa Birżebbuġia u 4 ġewwa tas-Sliema (fl-aħħar fażi ta’ twaħħil). Il-canopies ġew installati quddiem l-Isptar Mater Dei u iċ-Ċirkewwa. Fl-istess perjodu, Transport Malta applikat u akkwistat il-permessi neċessarji sabiex tkun tista’ tinstalla 43 bus shelter ġdid f’lokalitajiet diversi. Huwa ippjanat illi fl-ewwel 6 xhur ta’ din is-sena jitwaħħlu 18-il bus shelter ġdid fis-sussegwenti lokalitajiet: · 4 ġewwa il-Fgura; · 3 ġewwa Ħal-Luqa; · 3 ġewwa San Pawl il-Baħar; · 2 ġewwa Birkirkara; · 2 ġewwa Ħal-Tarxien; · 2 ġewwa il-Mosta; · 1 ġewwa iż-Żurrieq; · 1 ġewwa Fleur De Lys. Dawn il-Bus Shelters huma diġa’ koperti bil-permessi kollha neċessarji.
Leg 12 PQ #12905 Sitting 228 2015-01-19 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Hip u Knee Replacements

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm hip u knee replacements f'Malta matul l-aħħar għaxar snin, kull sena separatament? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm replacements oħra li seħħew u fil-każ, liema kienu u kemm kienu, kull sena fl-aħħar għaxar snin? Jista' jagħti l-informazzjoni dwar in-numru ta' każijiet pendenti bħalissa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Bejn 2004 u l-2013 saru medja ta’ 435 operazzjoni kull sena, filwaqt li fis-sena 2014 saru 646 operazzjoni. Liema operazzjoni jinkludu hip u knee replacement, revision hip replacement, total & unicondylar knee replacement u revision knee replacement. Mis-sena 2012, bdew jsiru Total Shoulder Replacement fejn saru erba (4) matul l-2012 u waħda (1) fl-2013, filwaqt li fil-perjodu ta’ bejn Jannar u Novembru 2014 kien hemm waħda (1). In-numru ta’ ka¿ijiet pendenti huwa ta’ elfejn mijja u tminja u tmenin (2188).

Is-Salina — toroq fi stat ħażin

Question

Billi r-residenti tas-Salina, limiti tan-Naxxar qed ikunu mistennija li jibdew jidħlu fir-residenza tagħhom billi jgħaddu minn toroq li lanqas biss huma fi stat tajjeb, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'miżuri se jittieħdu biex l-aċċes propost ma jkunx wieħed li joħloq periklu għar-residenti? X'xogħol hu mistenni li jsir biex il-periklu jitneħħa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li r-residenti tas-Salina qegħdin jgħaddu minn ġo żewg toroq biex jaslu għal- Hamlet. Waħda hija aċċess temporanju minn ġol-art tal-Coastline Hotel, u l-oħra hija minn ġo Triq il-Katakombi. L-imsemmija toroq ġew spezzjonati minn uffiċjali tal-Awtorita’u kull mezz neċessarju biex tiżdied is-sigurta ġie introdot, bħal per eżempju iktar tabelli eċċ. Għalhekk, ninsab infurmat li ma hemm l-ebda periklu għall-pubbliku. L-Awtorita’ qegħda wkoll tagħti importanza kbira lil kwalunkwe ilment u/jew mistoqsija mill-pubbliku u dan biex tassigura illi kull periklu jitneħħa u biex kull inkonvenjent ikun il-minimu possibli.
Leg 12 PQ #12907 Sitting 228 2015-01-19 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Project Malta — inizjattivi tal-Public Private Partnership

Question

Billi fid-diskors tal-baġit tal-Ministru saret ħafna referenza għall-Project Malta u l-inizjattivi tal-Public Private Partnerships, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' inizjattivi ta' PPP hu mistenni li jinbdew mill-Ministeru matul l-2015?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għad-diskors tal-Baġit. Hu previst li matul din is-sena tkun bdiet ħidma avvanzata fil-Yachting Malta Ltd u Trade Malta Ltd, u proġetti li qed jitfasslu bħalissa.

Liċenzja tas-sewqan — punti mnaqqsa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm sewwieqa li matul l-2014 kellhom punti mnaqqsa minħabba kontravenzzjonijiet tat-traffiku? Kemm kien in-numru ta' persuni li tilfu l-liċenzja tas-sewqan minħabba dawn it-telf ta' punti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li minn informazzjoni li għandha Transport Malta, matul is-sena 2014 kien hemm 1,345 sewwieq li kellhom punti mnaqqsa minħabba kontravenzzjonijiet tat-traffiku. Infurmat ukoll li 58 persuna tilfu l-liċenzja tas-sewqan tagħhom minħabba dawn it-telf ta’ punti.

Liċenzji ġodda għal sewwieqa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm inħarġu liċenzji ġodda għal sewwieqa ta' vetturi f'Malta matul l-2014? X'tip ta' liċenzja ngħataw dawn l-istess sewwieqa? Kemm minn dawk li ħadu l-liċenzja din is-sena, tilfuha minħabba t-tnaqqis ta' punti minħabba kontravenzzjonijiet tat-traffiku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li minn informazzjoni li għandha Transport Malta, matul is-sena 2014 inħarġu 5,077 liċenzji ġodda għal sewwieqa ta’ vetturi f’Malta. It-tip ta’ liċenzja li ngħataw dawn is-sewwieqa hi bi prova (probationary licence). Minn dawn il-5,077 persuna li ħadu il-liċenzja din is-sena, kien hemm tlieta minnhom tilfu l-liċenzja tagħhom minħabba t-tnaqqis ta’ punti minħabba kontravenzjonijiet tat-traffiku.

Palm maqtugħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm siġar tal-palm inqatgħu matul din is-sena minħabba li kienu attakkati mill-bumunqar aħmar? Minn fejn inqatgħu u kemm kienu minn kull raħal? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk issa sarx possibli li palm jinqala' minn post u jitħawwel post ieħor? Jekk iva, x'inhi l-proċedura li trid tintuża għal dan il-għan?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari n-numru ta’ palm maqtugħ matul is-sena 2014 kien ta’ 474. Qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni li turi l-ammont ta’ palm maqlugħ lokalita` b’ lokalita`. Ta min iżid li l-moviment ta’ siġar tal-palm isir skont Kapitlu 433, Att Dwar il-Kwarantina tal-Pjanti, 2001, liġijiet Sussidjari u linji gwida. Palm jista' jiġi maqlugħ u jiġi mħawwel biss fil-viċinanza immedjata biex ma jkunx hemm riskju ta' tixrid ta' mard. Il-prassi hi li wieħed għandu jikkuntattja lid-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti biex jiġi evalwat kull każ.
Leg 12 PQ #12896 Sitting 227 2015-01-14 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Malta u Għawdex — inħawi mingħajr sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi d-domanda li għamilt preċedenti dwar l-inħawi f'Malta li għad m'għandhomx sistema tad-drenaġġ? Billi fir-risposta ntlagħabt nagħti indikazzjoni ta' fejn nixtieq inkun naf dwaru, jista' l-Ministru jagħtini tagħrif għall-inħawi kollha ta' Malta u Għawdex kollha, mid-Dwejra Għawdex sa Dellimara Malta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #12897 Sitting 227 2015-01-14 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Malta u pajjiżi rispettivi — ftehim bilaterali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar ma liema pajjiżi (esklużi dawk tal-Unjoni Ewropea) saru ftehim bilaterali bejn Malta u l-pajjiżi rispettivi? Fuq xiex kienu dawn il-ftehim rispettivi, u dan għall-perjodu minn Marzu 2013 u llum?

Response (VELLA, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista ta' ftehim bilaterali, għal-perjodu minn Marzu 2013 sal-lum, li ġew iffirmati ma' pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropeja.

kuntatt mar-residenti tas-Salina rigward ix-xogħol fuq il-coast road

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kuntatt kellu l-Ministeru, mar-residenti tas-Salina, għal dawk li jikkonċernaw id-diffikultajiet li qed jaffaċċjaw l-istess residenti minħabba x-xogħol li qed isir fuq il-coast road, fl-inħawi tal-istess Salina? X'laqgħat saru mar-rappreżentanti tar-residenti u meta saru? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk ix-xogħol li fejn qed jilmentaw ir-residenti ux kopert bil-permessi tal-MEPA?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta għaddiet minn proċess twil ta’ konsultazzjoni li kien parti mill-proċess tal-MEPA. Diversi laqgħat kienu ġew organizzati ma’ nies differenti li seta’ jaffettwahom dan il-proġett, fosthom anke nies minn din iż-żona. Transport Malta kienet diġa’ tkellmet mal-Kunsill Lokali qabel beda x-xogħol fuq Triq il-Kosta kif ukoll dan l-aħħar partikolarment fuq il-fażi li jmiss tax-xogħlijiet li kien tat-tul ta’ triq li tinsab biswit is-Salina Salt Pans u l-Hamlet. Reċentament, Transport Malta rċeviet numru ta’ lmenti u kummenti mingħand numru ta’ residenti tas-Salina u l-Awtorita’ kienet lesta biex tiltaqa’ magħhom. Madankollu, qabel ma laħqet saret tali laqgħa, l-Awtorita’ ġiet notifikata li ġie ppreżentat Mandat ta’ Inibizzjoni mir-residenti ta’ Triq Ximenes fuq il-proġett ta’ Triq il-Kosta, fil-parti tal-Hamlet. Dan ġara fl-14 ta’ Novembru 2014, meta wkoll saret konferenza stampa li ġiet organizzata mir-residenti stess. Nhar it-Tlieta 18 ta’ Novembru 2014 kien hemm l-ewwel seduta fil-Prim Awla tal-Qorti fejn ġie diskuss il-Mandat u l-partijiet ftehmu li jiltaqgħu sabiex jiddiskutu l-proposti tar-residenti f’laqgha apparti. Dan wara li diġa’ kienu ltaqghu ma’ żewġ rappreżentanti nhar it-Tnejn 17 ta’ Novembru 2014 fejn f’din il-laqgħa l-ebda proposta ma tressqet mir-residenti filwaqt li l-Awtorita’ spjegat id-deċiżjonijiet tekniċi tagħha u tat ukoll xi kjarifiki fuq il-proġett. Peress illi jiena xtaqt li nitkellem magħhom u nisma’ l-ilmenti tar-residenti personalment, ġew identifikati ħinijiet u ġranet sabiex tiġi organizzata laqgha, u sar qbil li din il-laqgha issir fl-20 ta’ Novembru 2014. Sfortunatament, ir-rappreżentanti tar-residenti kkanċellaw l-attendenza tagħhom fl-aħħar minuta. Laqgħa oħra ġiet organizzata minni stess fis-26 ta’ Novembru 2014 fejn meta mistoqsija sabiex jiddiskutu l-proposti tar-residenti, dawn irrispondew li ser jippreżentawhom il-ġurnata ta’ wara waqt is-seduta tal-Qorti. Il-Qorti ma ppermettietx dan għax ma ġiex rikonoxxut id-dritt tar-residenti għall-aċċess msemmi u l-Mandat ġie eventwalment respint. Apparti minn hekk, bħala proċedura normali, numru ta’ residenti qed jistabilixxu kuntatt ma’ rapprezentanti ta’ Transport Malta sabiex iwasslu l-ilmenti jew kummenti tagħhom u Transport Malta qed tiltaqa’ ma dawn l-individwi sabiex tindirizza dawn l-ilmenti. Ix-xogħol li qed isir bħalissa fuq ir-rampi eżistenti quddiem dan il-Hamlet, huwa approvat mill-MEPA, fejn fil-permess għal dan l-iżvilupp, dawn ir-rampi huma ppjanati li jitneħħew sabiex ma jkunx hemm aċċess dirett għal Triq il-Kosta (li ser tkun upgraded) imma minflok isir aċċess permanenti min-naħa ta’wara tal-Hamlet li joffri aktar sigurta’ lir-residenti u lil kull min ikollu bżonn juża’ dan l-aċċess.
Leg 12 PQ #12884 Sitting 226 2015-01-13 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Applikazzjoni għal-estensjoni tas-Selmun Palace Hotel

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-MEPA rċevietx xi applikazzjoni għal-estensjoni tas-Selmun Palace Hotel? Jekk iva, meta saret din l-applikazzjoni u għalxiex saret l-istess applikazzjoni? Minn min saret l-applikazzjoni, u x'kienet it-talba li saret? X'kienu r-reazzjonijiet tal-MEPA għal dawn it-talbiet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

B'referenza għal mistoqsija parlamentari nru 12884, sal-lum il-MEPA ma rċievet l-ebda applikazzjoni għal estensjoni tal-lukanda Selmun Palace.

Korp tal-Pulizija — compliment

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' pulizija li jitqies li jkun ideali għal ħtiġijiet ta' pajjiżna? B'kemm hu nieqes il-compliment li jista' jitqies li hu meħtieġ biex il-Korp ikollu full compliment?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Intepellant li ninsab infurmat li l-‘compliment’ approvat tal-Korp, bħalissa hu ta’ 2,237 filwaqt llum il-ġurnata, il-‘compliment’ attwali hu ta’ 2,158. Sabiex ikun hemm il-‘full compliment’, jonqos li jridu jiġu ngaġġati kif ukoll promossi fid-diversi gradi fejn hemm in-nieqes, 79 persuna oħra. Fi snin li għaddew il-compliment tal-Pulizija kien dejjem tħalla b’nuqqas. Dan il-Gvern beda billi daħħal mija u tlettax ir-rekluta u sakemm il-compliment jiġi infurzata uża il-Police Constabulary u Reinstatements ta’ pulizija esperjenzata. Kif diġa għedt iżda dan il-Gvern jemmen li hemm bżonn demm ġdid fil-Korp tal-Pulizija. L-ingaġġ tal-Pulizija waħdu iżda ma jista’ qatt jikseb riżultati, jekk il-Pulizija ġodda ma jingħatawx taħriġ avvanzat u relevanti.

Għassa tal-Qawra/San Pawl il-Baħar — rapporti ta' mużika għolja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru rapporti ta' mużika għolja fl-għassa tal-Qawra/San Pawl il-Baħar, matul din is-sena? X'passi ttieħdu wara tali rapporti u kemm persuni tressqu l-Qorti dwar dan l-istorbju?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2014 u sa l’ aħħar ta’ Diċembru 2014, il-Pulizija kellha disa u għoxrin rapport dwar każijiet ta mużika għolja minn postijiet ta’ divertiment u żewġ rapporti min residenzi privati, fl-inħawi ta’ San Pawil il-baħar, Buġibba u l-Qawra. F’kull każ, il-Pulizija ħadet il-passi skond kif mitluba mil-liġi. In-konnessjoni ma’ dawn ir-rapporti s’issa diġa tressqu wieħed u għoxrin persuna quddiem il-Qorti u ġew akkużati fuq dawn ir-rappotri u xi wħud min dawn il-persuni tressqu aktar min darba. Ħdax il-persuna oħra ser jitressqu quddiem il-Qorti, id-dati diġa ġew allokati.

Pulizija mweġġa' waqt il-ħin tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm pulizija li weġgħu waqt il-ħin tax-xogħol, matul l-2012, 2013 u din is-sena s'issa? Meta ġraw l-inċidenti li fihom weġgħu l-istess pulizija u x'tip ta' dannu ġarrbu dawk li weġgħu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fl-2012 kien hemm 56-il uffiċjal tal-Pulizija li weġġa’ waqt ix-xogħol. Fis-sena 2013 kien hemm 78 membru tal-Korp u sal-aħħar tal-2014, kien hemm 41 membru li weġġu waqt ix-xogħol. It-tip ta’ ġrieħi li ġarrbu dawn l-uffiċjali jvarjaw. Fosthom kien hemm minn dawk kawżati minn inċidenti tat-traffiku, riżultat ta’ ħbit minn suspettati, waqgħat minn fuq żwiemel u żlieq fuq il-post tax-xogħol, għal dawk kawżati minn ġrieħi waqt taħriġ fiżiku, fost oħrajn

Għassa ta' Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar — persuni li jridu jiffirmaw fl-għassa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentament in-numru ta' persuni li jridu jiffirmaw fl-għassa tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar separatament? Jista' jagħti tagħrif dwar b'liema frekwenza trid issir din il-firma fl-għases rispettivi

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li preżentament in-numru ta' persuni li jridu jiffirmaw fl-għassa tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, huwa kif jidher fit tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Din tinkludi wkoll tagħrif dwar il frekwenza li trid issir din il-firma fl-għases rispettivi, kif mitlub mil-Onor. Interpellant.

Road Side Checks/inspections

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-nurmu ta' road side checks/inspections li saru matul din is-sena? Fejn saru? Meta saru? X'irriżulta waqt dawn l-istess inspections? Kemm ittieħdu passi kontra min kien bil-vetturi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li saru 1,634 road side checks/inspections matul is-sena 2014. Dawn ir-roadside checks/inspections saru fl-lokalitajiet li ġejjin: Lokalità Numru ta’ Sessjonijiet ta’ Spezzjonijiet Burmarrad 3 Kordin 2 Birżebbuġa 11 Għawdex 11 Il-Gudja 5 Ħal Far 11 Il-Fgura 9 Il-Mosta 15 In-Naxxar 3 Ħal Kirkop 2 Wied il-Għajn 2 L-Imġarr 1 Mtarfa Bypass 2 Ħ'Attard 5 San Ġwann 1 Is-Siġiewi 4 San Pawl il-Bahħr 3 Ta’ Qali 2 Ta’ Kandja 1 Ir-Rabat, Malta 5 Ħal Tarxien 6 Ħal Luqa 3 Ix-Xemxija 3 Dawn ir-roadside checks/inspections saru matul il-ġimgħa mit-tnejn sal-ġimgħa. 49.4% tal-vetturi li saritilhom tar-roadside checks/inspection m’għaddewx. Il-passi li ttieħdu kienu li nħarġu mitejn u tlieta u sebgħin (273) ċitazzjoni.

Kwota fis-sajd ta’ tonn

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji dwar kemm kienet iż-żieda li ngħatat Malta għal dak li jikkonċerna l-kwota ta’ tonn? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk din iż-żieda fil-kwota tqassmitx lis-sajjieda differenti, u jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar min kien responsabbli għat-tqassim tagħha? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm ilmenti dwar it-tqassim ta’ din il-kwota u x’passi ttieħdu dwar l-istess ilmenti jekk kien hemm?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, bħala riżultat tal-aħħar assemblea tal-ICCAT li saret f’Novembru li għadda, il-kwota allokata lill-Malta żdiedet b’ 28,880 kilogramma għas-sena 2015. Fid-dawl ta’ konsultazzjoni u taħdidiet li saru maż-żewġ Koperattivi rappreżentanti tas-sajjieda, intlaħaq ftehim li kull wieħed mit-tlieta u sittin (63) sajjied li huma awtorizzati li jistadu għat-tonn, se tiżdiedlu l-kwota b’sehem ugwali fuq il-kwota bażika tiegħu.

San Pawl il-Baħar — ħsarat fuq terrazzin

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-passi neċessarji biex tiġi rranġata l-ħsara li saret fuq it-terrazzin tal-każin nazzjonalista ta' San Pawl il-Baħar, wara x-xogħol li sar fuq iż-żuntier tal-Knisja parrokjali ta' San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Nikkonferma li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant tlesta.