Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex il-parking area ta' taħt it-Torri tal-Għallis li mhix aċċessibbli għall-karozzi, fil-fatt tibqa’ magħluqa għall-istess karozzi? Jista’ jara li din il-parking area tkun miftuħa qabel is-sajf biex il-persuni li jmorru l-baħar f'dawk l-inħawi jkollhom fejn jipparkjaw?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont kif inhu rikjest mill-Awtorita’ tal-Ippjanar f’permessi tal-iżvilupp kurrenti, l-asfalt fuq it-triq l-antika fl-inħawi tat-Torri tal-Għallis man-naħa tal-baħar għandu jitneħħa kompletament.
Billi l-parti tat-triq li qabel kienet tifforma parti mill-Coast Road, matul is-salini tal-Melħ, fl-inħawi ta' qrib Kennedy Grove, għadha ma ġietx asfaltata u allura ma tistax tintuża għall-parking tal-vetturi, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li din l-area tiġi hekk asfaltata, fl-interess ta' dawk li jkunu f'dawk l-inħawi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-imsemmija xogħlijiet huma fil-programm tax-xogħlijiet li għandhom isiru minn Transport Malta. Dawn ser isiru skont il-prioritajiet nazzjonali, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akwist.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 30521, billi qed jingħad li l-arbli tneħħew minn dawk l-inħawi u se jiġu mibdula b'dwal ġodda, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu verament mistenni li dawn id-dwal ġodda jkunu fuq il-post biex jiġu evitati problemi u diffikultajiet oħra, b'mod partikulari għal dawk li jkunu qed jimxu f'dawk in-naħiet, issa li qed joqrob is-sajf?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender biex jiġu stallati arbli dekorattivi ġodda tul il-promenade ta’ Buġibba u l-Qawra ġiet pubblikata u tagħlaq fis-17 ta’ Marzu 2017. Sakemm il-proċess jimxi mingħajr intoppi, hu mistenni li x-xogħol marbut ma’ din it-tender għandu jkun lest sal-aħħar ta’ Lulju 2017.
San Pawl il-Baħar – Triq il-Fugass u Triq it-Tamar — xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq Triq il-Fugass u l-parti li suppost għandha ssir magħha, ta' Triq it-Tamar f'San Pawl il-Baħar u li suppost ix-xogħol fuqhom inbeda wara s-sajf 2016? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi raġuni partikulari li minħabba fiha x-xogħol indikat għadu ma nbediex?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet għandhom jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30789, billi ma nafx x'tip ta' speċifiċità qed jagħmel referenza għaliha, u billi safejn naf jien l-Armata tikkontrolla l-isplussiv li jiġi impurtat biex jintuża mill-kmamar tan-nar (fost l-oħrajn), jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30789 u jagħti tagħrif dwar x'tip ta’ kontroll qed tagħmel l-Armata għal dak li jikkonċerna splussiv li jiġi impurtat għall-użu privat? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-istess Armata żżommx dan l-isplussiv taħt il-kontroll tagħha u tikkontrolla wkoll l-ammont ta' splussiv li jinħareġ?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li għall-materjal speċifikat fil-mistoqsija, cioe li jintuża fil-kmamar tan-nar, jiġi mpurtat diversi explosive precursors. Dawn m’humiex splussiv imma precursors. Jinħażnu l-Mosta tnejn minnhom biss, jiġifieri Potassium Chlorate u Potassium Nitrate. Importatur ta’ dan il-materjal irid ikollu liċenzja ta' importazzjoni. Meta kontejner mimli bil-materjal jasal il-Fortizza tal-Mosta, jiġi assigurat li s-siġill tal-kontejner għadu intatt. Il-kontejner jinżamm ġewwa l-Ammo Depot taħt is-sigurta` tal-Forzi Armati ta’ Malta sakemm ikun imbattal fl-imħazen tal-fortizza fil-preżenza tal-importatur. Dan kollu jiġi rreġistrat fuq reġistru li jinżamm mill-FAM. Dan il-materjal jiġi maħżun fil-Fortizza tal-Mosta li huma mgħassa mill-FAM. Kull kumpless fejn jinħadem il-logħob tan-nar għandu kwota fis-sena kif stipulat fil-liġi. Il-FAM tassigura li din il-kwota ma tinqabiżx.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 30790, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se jkun hemm xogħol strutturali fuq it-tined tal-istess Pitkalija, u faċilitajiet oħra fl-istess Pitkalija? X’kien ix-xogħol li sar f'dan il-post minn Marzu 2013 sal-lum, u kemm sewa, f'kull każ?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li matul din is-sena ser isiru xogħlijiet fuq it-tined tal-pitkalija u għal dan il-għan, bħalissa qed tigi ppreparata s-sejħa għall-offerti.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni ta’ proġetti lesti u oħrajn li hemm ippjanati għal din is-sena.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha dak li kien id-Dipartiment tal-Artijiet (issa l-Awtorità dwar l-Artijiet) se jinżamm magħluq għal xahrejn sħaħ, sal-aħħar ta' Marzu 2017?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sakemm tidħol fis-seħħ il-liġi kollha tal-Awtorità tal-Artijiet, id-Dipartiment tal-Artijiet mhux se jagħlaq iżda qed jaħdem fuq bażi normali.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm minn dawk li kienu jaħdmu mad-Dipartiment tal-Artijiet iddeċidew li jmorru jaħdmu mal-Awtorità dwar l-Artijiet? Kemm kien hemm ħaddiema li għażlu li jibqgħu jaħdmu maċ-Ċivil minflok imorru ma' din l-awtorità ġdida? Kif se jimtlew il-vakanzi li nħolqu, jew jistgħu jinħolqu, wara li dawn il-ħaddiema jitilqu mill-post tax-xogħol li kellhom sa ftit taż-żmien ilu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan tal-istruttura tar-riżorsi umani fl-Awtorità tal-Artijiet għad trid tiġi diskussa u attwata flimkien mar-rappreżentanti tal-ħaddiema.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità għall-Ippjanar għandhiex quddiemha applikazzjonijiet għall-estensjoni tal-Port tal-Imġarr f'Għawdex? Min ressaq din l-applikazzjoni, jekk saret, u meta hu mistenni li fil-fatt tiġi kkunsidrata?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Gejt nfurmat mill l-Awtorità tal-Ippjanar li l-istess Awtorita għandha quddiemha applikazzjoni (Outline Application) bin-numru PA 03051/03 - Tina for Malta - Environment and feasability studies. Main breakwater, Mgarr Harbour -Construction of berth on seaward side.
L-applikant hu s-Sur James Piscopo f'isem Transport Malta.
Skont l-aħħar komunikazzjoni mill-perit datat 08/09/2016, l-applikant jinsab f'diskussjonijiet mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Risorsi (ERA) sabiex jiġu konklużi l-istudji ambjentali neċessarji.
Il-proċess tal-applikazzjoni għall-iżvilupp jitkompla meta jiġu konklużi l-istudji ambjentali.
L-Awtorità tal-Ippjanar ghandha wkoll quddiemha applikazzjoni oħra (Full Development Application) bin-numru PA 03862/16 - Refurbishment and repairing of quayside structures, including slipways, installation of additional moorings, and dredging operations to facilitate such increased mooring.
L-applikant hu s-Sur James Piscopo f'isem Tranport Malta.
Din l-applikazzjoni sarilha l-proċess tal-iscreening fl-24/08/2015 fejn intalbu numru ta' sottomissjonijiet fosthom Project Description Statement, Construction Management Plan u studji ambjentali. Din l-applikazzjoni tiġi validata u pproċessata la darba jiġu sottomessi d-dokumumentazzjoni kollha mitluba fl-iscreening letter.
Għawdex — Applikazzjonijiet għal tkabbir jew bini ġdid ta’ yacht marina
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk f'Għawdex hemmx applikazzjonijiet pendenti għat-tkabbir, jew bini mill-ġdid ta' yacht marinas? Jekk hemm tali applikazzjonijiet, liema huma dawn l-applikazzjonijiet, meta saru, u meta hu mistenni li jiġu deċiżi?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab nfurmat mil-Awtorità tal-Ippjanar li l-istess Awtorita għandha quddiemha applikazzjoni (Full Development Application) bin-numru PA 03862/16 - Refurbishment and repairing of quayside structures, including slipways, installation of additional moorings, and dredging operations to facilitate such increased mooring - Mgarr Harbour
L-applikant hu s-Sur James Piscopo f'isem Tranport Malta.
Din l-applikazzjoni sarilha l-proċess tal-iscreening fl-24/08/2015 fejn intalbu numru ta' sottomissjonijiet fosthom Project Description Statement, Construction Management Plan u studji ambjentali. Din l-applikazzjoni tiġi validata u pproċessata la darba jiġu sottomessi d-dokumumentazzjoni kollha mitluba fl-iscreening letter.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-ġnien/spazju pubbliku li hemm fis-sies ta' bejn il-Knisja ta' San Pawl Nawfragu u l-breakwater ta’ Buġibba, San Pawl il-Baħar ġiex devolut lill-kunsill lokali? Jekk iva, meta saret din id-devoluzzjoni?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Dipartimenti taċ-ċivil – sejħiet għal promozzjonijiet
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30758, peress li l-informazzjoni li ntalbet kienet għall-‘aħħar sejħiet’, kienu meta kienu, jista’ l-Prim Ministru jagħti l-informazzjoni u ċjoè, jagħti tagħrif dwar liema kienu l-aħħar sejħiet għall-promozzjonijiet f'kull dipartiment taċ-ċivil, dipartiment dipartiment? Liema minn dawn is-sejħiet fil-fatt kellhom il-proċess tagħhom konkluż, u kemm għadhom għaddejjin? Jekk xorta se jkun hemm insistenza dwar perjodu ta' żmien, jista’ jagħti l-informazzjoni mitluba għall-perjodu minn Marzu 2013 sal-lum?
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30757 u jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każi ta' dixxiplina li kien hemm fid-diversi dipartimenti tal-Gvern, skont id-dipartiment li jaħdmu fih, kull sena, dipartiment dipartiment, bejn l-2013 u llum? Kemm kien hemm każi fejn il-persuni konċernati spiċċaw imkeċċija?
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar l-istruttura amministrattiva li qed tintu¿a biex titħaddem l-Awtorità tal-Artijiet? Kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu mal-istess awtorità? Xi skali għandhom dawn l-istess ħaddiema?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta il-Liġi tal-Awtorità ta’ l-Artijiet tidhol fis-sehh, l-istruttura amministrattiva tkun dik kif stipulata fil-liġi. In numru ta’ ħaddiema u l-iskali tagħhom jkun skont il-ħtiġijiet ta’ l-istess Awtorità.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu fil-qrati ta' Malta u Għawdex rispettivament? F'liema kategorija ta' xogħol (jew skala), fil-fatt huma impjegati dawn l-istess ħaddiema?
Response (BONNICI, OWEN)
Fil-Qrati tal-Ġustizzja (Malta) hemm 386 impjegat jaħdmu f’diversi gradi u skali kif jidher fit tabella A li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fil-Qorti ta’ Għawdex hemm 30 impjegat jaħdmu f’diversi gradi u skali kif jidher fit tabella B li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Armata – kontroll ta’ splussiv li jiġi impurtat għall-użu privat
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta’ kontroll qed tagħmel l-armata għal dak li jikkonċerna splussiv li jiġi impurtat għall-użu privat? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-istess armata jżżommx dan l-isplussiv taħt il-kontroll tagħha, u tikkontrolla wkoll l-ammont ta' splussiv li jinħareġ?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu u jindika ċar għall-liema tip ta’ splussiv qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet huma mistennija li jsiru fil-Pitkalija ta’ Ta’ Qali u li għalihom hemm diġà permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA), u li huma mistennija li jinbdew din is-sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li xogħlijiet li mistennija jsiru fil-Pitkalija Ta'Qali jinkludu l-għoti ta' tarmac madwar il-perimetru u t-toroq ta' ġewwa l-Pitkalija. Is-sejħa għall-offerti diġa’ saret u x-xogħol mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'livelli ta' rwejjaħ qed jiġu rrekordjati mill-ministeru għal dak li jikkonċerna l-miżbla tal-Magħtab?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li s-siti tal-Wasteserv fiż-żona tal-Magħtab huma suġġetti għall-permessi ambjentali li jobbligaw lill-WasteServ Malta Ltd li żżomm Odour Monitoring Log regolari kemm fuq is-siti tagħha fil-Magħtab, kif ukoll fil-madwar immedjat. Dan il-Log jieħu inkonsiderazzjoni l-kundizzjonijiet atmosferiċi li jistgħu jagħmlu mpatt fuq l-intensita’ u t-tip ta’ riħa li tiġi ġġenerata mis-siti tal-WasteServ fil-lokalita’ tal-Magħtab. Ir-records ta’ Jannar 2017 jindikaw li filwaqt li kien hemm livell għoli ta’ riħa gol-kumpless tal-WasteServ innifsu, kif mistenni minħabba n-natura tal-operat li jsir fil-lok, ġie rreġistrat livell baxx ta’ riħa fiż-żona ta’ Triq il-Kosta, għajr għal okkażjoni waħda, filwaqt li ma ġiet irreġistrata l-ebda riħa fiż–żona ta’ Baħar iċ-Ċagħaq.
Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet li jinħtieġu rapport/sottomissjonijiet mill-ERA
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) li għalihom kien meħtieġ rapport/sottomissjonijiet mill-Awtorita' tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), minn meta twaqqfu? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati, u kemm ġew rifjutati? Fejn kienu l-każi li ġew approvati fejn jikkonċerna l-ERA u fejn kienu dawk li ġew rakkomandati għal refusal?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
San Pawl il-Baħar – Kunsill Lokali – rapport ta’ xogħol fuq Triq il-Pijunieri u Triq il-Qalb ta’ Ġesu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, talabx xi rapport dwar xogħol fit-toroq li sar fi Triq il-Pijunieri u Triq il-Qalb ta' Ġesu (fost l-oħrajn), liema xogħol kien sar f'Marzu/April 2015? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan ir-rapport, jekk sar?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport mitlub kif provdut mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.