Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #14577 Sitting 242 2015-02-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA — Estensjonijiet ta' lukandi f'San Pawl il-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-estensjonijiet jew bini ġdid ta' lukandi li ġew approvati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f'San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa, u li għadhom ma nbnewx? B'kemm hu mistenni li tiżdied il-kapaċità ta' dawn il-lukandi, f'dak li hu numru ta' sodod b'riżultat ta' dawn id-deċiżjonijiet?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ikkunsidrat u approvat żewġ applikazzjonijiet għall-estenzjoni ta’ lukanda f’San Pawl il-Baħar u għal hostel ġewwa l-Mellieħa. L-istess Awtorità kkunsidrat ukoll żewġ applikazzjonijiet għal-lukandi ġodda fil-Mellieħa u aċċettat li l-applikanti jibdew bil-proċess mal-MEPA u fl-istess waqt tinġabar informazzjoni aktar dettaljata. Tabella li turi b’kemm ser tiżdied il-kapaċita’ f’dak li hu numru ta’ sodod permezz ta’ dawn l-estenzjonijiet u bini ta’ lukandi ġodda ser titpoġġa quddiem il-Mejda tal-Kamra. Dan hu ċertifikat ċar mis-settur privat fil-politika tal-Gvern għas-settur turistiku u fl-andament pożittiv ta’ dan is-settur aktar u aktar meta l-operaturi tal-lukandi minn ftit ġimgħat oħra ser igawdu minn tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl tagħhom li għandu jwassal għal aktar investiment u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-ħaddiema f’dan is-settur.
Leg 12 PQ #14578 Sitting 242 2015-02-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Selmun Palace Hotel — preparazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-preparazzjonijiet biex is-Selmun Palace Hotel tinbiegħ?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti li diġà ngħataw mill-Ministeru tiegħi f’mistoqsijiet parlamentari bin-numri W332, 11001, 12070, 12254, 12309, 12981 u 13112, li jikkonċernaw Selmun Palace Hotel. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess kompetittiv għall-konċessjoni ta’ ċens ser jibda’ fil-ġimgħat li ġejjin. Nerġa’ ntenni li dan kollu ser isir b’rispett lejn l-importanza li għandu s-settur turistiku għal pajjiżna, inkluż regoli tal-ippjanar u valur storiku.
Leg 12 PQ #14579 Sitting 242 2015-02-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta — rotot tal-ajru ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-linja tal-ajru Air Malta hux se tkun qed topera xi rotot ġodda matul din is-sena, u jekk hemmx xi rotot li se jitwaqqfu jew titnaqqsilhom il-frekwenza li biha kien jiġu operati s'issa?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni li qed tintalab f’din il-Mistoqsija Parlamentari hija ta’ natura kummercjalment sensittiva. Madankollu, il-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta kontinwament tieħu deċiżjonijiet kummerċjali illi jkunu meħtieġa fiċ-ċirkostanzi u tevalwa n-network ta’ rotot taghha. Dan dejjem skont il-ħtiġijiet tas-suq li jinbidlu minn żmien għal żmien.

Siġar tal-Ħarrub — danni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-aħħar żviluppi għal dak li jikkonċerna d-danni li qed iseħħu fis-siġar tal-Ħarrub? Kemm u fejn ġew misjuba siġar ta' dan it-tip li jinsabu fil-periklu li jmutu minħabba dawn il-mardiet jew attakki tal-insetti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, sa issa ġew irrapurtati erba’ lokalitajiet fejn kien hemm siġar tal-ħarrub infettat. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Stqarrija għall-Istampa maħruġa fis-17/02/2015 fuq din il-materja. F’dawn il-lokalitajiet, l-infezzjoni kienet hekk: 2 il-Fontana fejn siġra minnhom mietet, 1 Ħaż-Żabbar li mietet, 1 il-Manikata u 1 Ta’ Kandja. Id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti permezz tal-Istqarrijiet għall-Istampa tiegħu qed iżomm lill-bdiewa flimkien mal-pubbliku nfurmati dwar kif jagħrfu s-sintomu ta’ dan l-insett u kif jista’ jkun ikkontrollat fejn ikun possibli. Id-Direttorat qiegħed ukoll b’mod immedjat jagħmel spezzjonjiet hekk kif jidħol xi rapport.

Ta' Qali — Pitkalija - xogħlijiet fuq tibdil strutturali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol ta' tibdil strutturali li suppost għandu jsir fil-Pitkalija f'Ta' Qali? Meta hu mistenni li jitlesta dan l-istess xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ix-xogħol fuq il-proġett pilota flimkien mal-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa għadu għaddej. Bħalissa, qiegħed isir ix-xogħol fuq is-sistema ġdida tal-informatika, xiri ta’ makkinarju u fuq xiri ta’ crates identifikabbli b’mod elettroniku. Bħalissa għaddejjin diskussjonjiet mal-Ministeru tal-Finanzi sabiex ikun assigurat li jkun hemm il-fondi neċessarji kollha ħalli din is-sena, dan il-proġett Pilota jibqa’ għaddej b’ritmu tajjeb u jkun lest fil-parti l-kbira tiegħu sal-aħħar tas-sena.

San Pawl il-Baħar — Triq ix-Xagħra tal-Bandieri - asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm żviluppi dwar ix-xogħol li hu meħtieġ li jsir fi Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, f'San Pawl il-Baħar, billi din it-triq għadha mhux asfaltata?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, Transport Malta hija konxja mill-fatt li l-asfaltar għall-ewwel darba ta’ din it-triq, hekk kif stabbilita’ fl-iskema tal-MEPA, taqa’ taħt ir-responsabilità tagħha u għaldaqstant xogħol isir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

San Pawl il-Baħar — Triq San Ġużepp - tneħħija ta' tabella

Question

Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jieħu l-passi neċessarji biex tabella li hemm fi Triq San Ġużepp, kantuniera ma' Triq San Publiju, ħdejn l-iskola ta' San Pawl il-Baħar, tinqala minn fejn qiegħda?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għall-liema tabella qed jirreferi u r-raġuni li qed jitlob li tali tabella titneħħa.
Leg 12 PQ #14550 Sitting 241 2015-02-23 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar — riħa ta' drenaġġ ħdejn l-iskola primarja

Question

Billi fl-inħawi tal-iskola primajra ta' San Pawl il-Baħar qed ikun hemm persistentement riħa ta' drenaġġ, jista' l-Ministru jinvestiga x'inhu r-raġuni għal dawn l-irwejjaħ u jieħu l-passi meħtieġa biex ma tibqax din ir-riħa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li qed issir manutenzjoni fuq il-pumping station ta’ Xama’ li tinsab viċin l-iskola msemmija. L-irwejjaħ huma kaġun ta’ din l-istess manutenzjoni.

San Pawl il-Baħar – Triq Jean de la Cassiere — xogħlijiet

Question

Billi f’diversi risposti għall-mistoqsijiet parlamentari kont infurmat li x-xogħol meħtieġ fi Triq Jean de la Cassiere, San Pawl il-Baħar kellu jinbeda u jitlesta, iżda llum, xhur wara li nbeda għadu mhux lest għaliex ix-xogħol waqaf ħesrem numru ta’ xhur ilu, u dan a skapitu tar-residenti tal-lokalità, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan ix-xogħol jitkompla u jitlesta kemm jista’ jkun malajr?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Transport Malta taf bis-sitwazzjoni u dewmien riċenti qed jirriżulta minn nuqqas ta’ attendenza tal-kuntrattur fuq is-sit. Transport Malta tkun qed tieħu l-passi neċessarji skont il-kuntratt.

Korsijiet dwar Veterinarji — studenti

Question

Billi f’Malta sal-lum għad m’għandniex korsijiet li jwasslu biex studenti Maltin jiggradwaw bħala veterinarji u dan iwassal biex bilfors dawk li jixtiequ jsegwu dan il-kors ikollhom jistudjaw barra minn Malta, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm studenti f’dan il-kors qed jirċievu l-istipendju? F’liema snin tal-kors waslu u meta saru l-aħħar pagamenti tal-istipendju, jekk saru? Jista’ jagħti tagħrif ukoll dwar jekk hux possibbli li wara li jiġu Malta biex jipprattikaw dak li jkunu tgħallmu, huma jkollhom perjodu ta’ għajnuna, jew billi jiġu eżenti minn ħlas ta’ VAT jew billi jingħataw inċentivi biex jistabbilixxu ruħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti li qegħdin fil-preżent isegwu l-kors ta’ Veterinarju u jirċievu stipendju, skont is-sena meta bdew il-kors tagħhom, huwa kif se nsemmi:- Sena 2013 – 5 studenti Sena 2012 – 6 studenti Sena 2011 – 5 studenti Sena 2010 – 3 studenti Sena 2009 – 6 studenti Sena 2008 – 8 studenti Il-kors normalment jieħu sitt snin imma hemm studenti li qegħdin jirrepetu xi snin fil-kors tagħhom u l-aħħar stipendju tħallas fit-28 ta’ Jannar 2015. Din is-sena applikaw 10 studenti ġodda. Skont l-Att Dwar it-Taxxa fuq l-Income (Kap. 123) (Att Legali 427 tas-sena 2010) dawk l-istudenti li jsegwu b’suċċess kors terzjarju barra minn xtutna jkunu intitolati għal tnaqqis skont l-Artiklu 14F tar-Regoli tal-2010 dwar Tnaqqis għal Edukazzjoni Terzjarja. Dan it-tnaqqis għandu jkun l-ammont ta’ miżati attwalment imħallsa jew għaxart elef Euro (€10,000) liema jkun l-inqas.
Leg 12 PQ #14239 Sitting 240 2015-02-18 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar — residenti - aċċess għas-sistema tad-drenaġġ

Question

Billi numru ta' residenti li hemm fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar għadhom sal-lum mingħajr aċċess għas-sistema tad-drenaġġ, jista' l-Ministru, permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, jinvestiga l-possibilità li dawn il-familji li jaqgħu f'dawn id-djar ikollhom id-drenaġġ tad-djar tagħhom ikomunikat mas-sistema minflokk jibqgħu jużaw il-fosos?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jipprovdi aktar informazzjoni dwar il-każ li qed jagħmel referenza għalih.

San Pawl il-Baħar – Triq li twassal mill-Wardija saż-Żebbiegħ — xogħlijiet

Question

Billi jidher li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ma applikax biex it-triq li twassal mill-Wardija sa ħdejn salib it-toroq li hemm fi triq li tieħu lejn iż-Żebbiegħ (Triq Busewdien u Triq Ras il-Wied) tiġi inkorporata bħala parti mill-iskema ta’ toroq fil-kampanja, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex din it-triq tingħata tindifa u wiċċ ġdid ta’ tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-triq msemmija ma taqax taħt ir-responsabilta` ta’ Transport Malta. Madanakollu Transport Malta tgħin skont il-prijoritajiet li jirrizultaw.

San Pawl il-Baħar — Traffic Calming Measures

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi kemm hemm, u f'kull każ fejn jinstabu t-traffic calming measures li hemm imqegħdin fit-toroq ta' San Pawl il-Baħar? F'kull każ, jista' jagħti tagħrif dwar meta tpoġġew dawn l-istess sleeping policemen?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Transport Malta — rottot ġodda tal-karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta ftehmitx ma' xi kunsill lokali partikolari biex ikun hemm rottot ġodda tas-servizz ta' karozzi tal-linja? Jekk iva, liema kienu dawn il-kunsilli lokali u x'kien it-tibdil li seħħ? Meta seħħ jew se jseħħ dan l-istess tibdil?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7331, fejn ġie spjegat illi t-tfassil tar-rotot il-ġodda kien sar wara konsultazzjoni wiesgħa mal-kunsilli lokali kollha, kif ukoll mal-pubbliku in ġenerali. Dawn it-tibdiliet ser jiġu ntrodotti gradwalment fix-xhur li ġejjin.
Leg 12 PQ #14073 Sitting 239 2015-02-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Project Malta — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti li għalihom Project Malta diġà fasslet pjan ta’ ħidma? Min talab li jkun parti minn dawn l-istess proġetti u x’investiment hu mistenni li jkun hemm b’riżultat ta’ dawn il-proġetti? X’tip ta’ proġetti huma inklużi f’dawn l-inizjattivi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12907 (tnax-il elf, disa’ mija u sebgħa).
Leg 12 PQ #14074 Sitting 239 2015-02-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar – titjib fis-sistema tad-drenaġġ – studji

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jew il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlitx xi studju partikolari dwar liema partijiet mis-sistema tad-drenaġġ ta’ San Pawl il-Baħar għandha bżonn tittejjeb matul is-snin li ġejjin? Jekk iva, x’kienu r-riżultati ta’ dawn l-istudji? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn l-istess studji u r-riżultati li kien hemm?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fil-preżent għaddejja bi studju fuq l-inħawi msemmija.
Leg 12 PQ #14075 Sitting 239 2015-02-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar – fawran ta’ drenaġġ ħdejn l-iskola primarja

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-fawran spiss li qed ikun hemm ħdejn l-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar, jinqata’ darba għal dejjem mhux biss minħabba l-inkonvenjent iżda ukoll minħabba l-fatt li hemmhekk hemm skola li fiha madwar 900 tifel u tifla u numru kbir ta’ għalliema li jkunu preżenti għal sigħat twal matul il-ġurnata?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt mgħarraf mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-inċidenza ta’ fawran ħdejn l-iskola msemmija tirriżulta darba biss datata 6 ta’ Novembru 2014. Kif diġa’ kien spjegat fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12051 (tnax-il elf, wieħed u ħamsin) bħala provediment kontra inċidenzi simili, f’każ li jkun ser isir xi xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-pumping station, tinqeda b’mod effettiv permezz tal-bowsers.

Għajnuna lill-Klabb

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew xi dipartiment/awtorità li taqa’ taħtu kellhiex laqgħat mas-Sirens ASC biex jiġi deċiż x’tip ta’ għajnuna għandha tingħata lill-klabb biex tiġi rranġata l-ħsara li saret wara l-maltempata li seħħet riċentement?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-isport kellu laqgħa mal-ogħla rappreżentanti tas-Sirens ASC fuq il-post fejn saret il-ħsara mill-maltemp u ġie deċiż li tiġi kkwantifikata l-ħsara li saret fuq il-post.

Triq tal-Coast Road – tibdil fil-pjanti

Question

Billi jidher li l-pjanti għal Triq tal-Coast Road reġgħu nbidlu, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema bidliet ġodda ġew sottomessi u jqiegħed kopja tal-istess pjanti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal-liema parti tat-triq qed jirreferi għaliha meta jgħid li l-pjanti reġgħu nbidlu.

12-il Distrett Elettorali — proġetti ġodda ta' infrastruttura

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti ġodda ta’ infrastruttura mistenni jinbdew mill-Ministeru matul l-2015 fil-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali, il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar? Kemm mistennija li tkun l-ispiża marbuta ma’ dawn il-proġetti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fir-rigward ta’ proġetti infrastrutturali, Transport Malta tagħmel xogħlijiet f’toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tagħha mill-lat ta’ manutenzjoni u kostruzzjoni ta’ toroq ġodda. Min-naħa tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, għaddej xogħol ta’ tisbiħ fl-inħawi fejn kien hemm il-Fekruna Restaurant fix-Xemxija, liema proġett hu mistenni li jitlesta sas-sajf ta’ din is-sena.