Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tqassim ta' voti

Question

Billi bħalissa l-pulizija huma mpenjati biex iqassmu l-voti tar-referendum, u f'nofs Malta l-voti ukoll tal-Kunsilli Lokali u billi hemm diversi nies li ma jkunux id-dar għal ħin twil tal-ġurnata, jista' l-Ministru jassigura li l-pulizija jħallu nota fid-djar fejn ma jinstabux ir-residenti, liema notifika tindika li l-pulizija jkun attenda bil-vot u ma sabx lil dak li jkun fid-dar tiegħu u possibilment jagħti indikazzjoni dwar meta ikun se jerġa' jgħaddi mill-istess triq?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li skond il-kontenut tal-paragrafu (8) tal-ktejjeb intitolat, “Struzzjonijiet lill-Uffiċjali inkarigati mit-tqassim tad-Dokumenti għall-Votazzjoni” li nħareg mil-Kummissjoni Elettorali u li tqassam lill-membri kollha tal-Korp li ġew inkarigati mit-tqassim tal-voti, għandha titħalla nota ffirmata mill-istess membru tal-Korp, fejn tgħarraf lill-votant il-ħin u d-data ta’ meta dan ser jagħmel tentattiv ieħor sabiex iwassal id-dokument.

Bord tal-Governanza dwar il-Kunsilli Lokali — ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm ilmenti li ġew ikkunsidrati mill-bord tal-Governanza dwar il-kunilli lokali, matul l-aħħar 12-il xahar, dwar kunsilli tat-12-il distrett elettorali? X'kienu l-ilmenti investigati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Kunsilliera/Sindki/Viċi Sindki — elezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm se jkun hemm kunsilliera/sindki/viċi sindki li mhux se jikkontestaw l-elezzjonijiet li se jsiru fil-11 ta' April 2015? Minn liema lokalitajiet huma dawn l-istess persuni (f'liema kunsilli servew)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi tabella bl-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. (Ara dokument PL 4724 li tpoġġa fis-Seduta 250 nhar it-Tnejn 16 ta' Marzu 2015)

San Pawl il-Baħar – nefqa fuq xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li tkun in-nefqa li se jkun qed jagħmel il-Ministeru fuq ix-xogħlijiet li qed iwettqu l-ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru jew li huma b’kuntratt mal-Ministeru, f’San Pawl il-Baħar? Kemm hi l-istima ta’ spejjeż, f’kull każ, b’mod separat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet li qed isiru mill-Ministeru tiegħi f’ San Pawl il-Baħar huma kif ġej : Direttorat tal-Implimentazzjoni tal-Proġetti Il-Proġett ta’ Tisbih fis-Sit tal- Ex-Fekruna li huwa stmat li ser jiswa madwar €80,000 Qed isir xogħol fuq il-Promenade li jwassal mix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, Buġibba u jasal sal-Qawra li jikkonsisti f’tisbih u manutenzjoni tar- Railing komplut il-pilastri u sotto bank ta’ mal-baħar Transport Malta Min-naħa ta’ Transport Malta qedin isiru xogħlijiet fuq Triq Jean de la Cassiere u fi Triq Ġdida fi Triq Annetto Caruana, kif ukoll qed issir manutenzjoni ġenerali fuq toroq arterjali u distributorji. Qed jinħadem ukoll bus shelter ġdid fi Triq il-Wileġ, f’ Buġibba. Direttorat għat-Tindif Id-Direttorat għat-Tindif jwettaq xogħol ta’ tindif fiż-żona ta’ San Pawl, Buġibba u l- Qawra matul is-sena kollha. Dan ix-xogħol jikkonsisti fi ġbir ta’ skart, knis ta’ toroq u ħasil taż-żoni pedonali. L-ispiża fis-sena tammonta għal madwar €199,716.50 li jkopru salarji, overtime kif ukoll kiri ta’ bowser tal-ilma għall-ħasil.

Trasport pubbliku — servizz dirett lejn l-ajruport

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi talba jew applikazzjoni biex jinbdew servizzi ġodda diretti ta’ trasport pubbliku, minn lokalitajiet differenti, lejn l-ajruport? Jekk iva, liema tali talbiet ġew approvati u min se jkun qed jagħmel dan l-istess servizz? Meta hu mistenni li jibdew dawn is-servizzi? Minn liema lokalitajiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta rċeviet talba għal servizz dirett ta’ trasport lejn l-ajruport. Transport Malta tevalwa din it-talba, u talbiet oħra simili, abbażi tat-termini tal-kuntratt il-ġdid bejn l-operatur tat-trasport pubbliku u l-Gvern.

Qlugħ/Qtugħ ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru tax xi permessi partikulari għal qlugħ jew qtugħ ta’ siġar f’xi waħda mil-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali? Jekk iva, liema permessi ngħataw? Liema permessi ngħataw lil individwi privati u liema ngħataw lil kunsilli lokali? X’tip ta’ siġar hu mistenni li jinqatgħu b’riżultat ta’ dawn il-permessi?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lil-Onor. Interpellant jispeċifika l-perjodu li qed jirreferi għalih u x’siġar qed jirreferi għalihom.

Kunsilli lokali tal-11 u t-12-il distrett – tibdil tal-uffiċċju

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm kunsilli lokali fil-11 u t-12-il distrett li talbu li jbiddlu l-uffiċċju li minnu qed joperaw preżentement? Kemm minn dawn it-talbiet ġew approvati? Fejn hu mistenni li jmorru dawn il-kunsilli jekk jitilqu minn fejn qegħdin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ma hemmx Kunsilli Lokali fil-ħdax (11) u t-tnax (12)-il distrett elettorali li għamlu t-tali talba.

Tourist Police f’postijiet turistiċi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se jitkompla x-xogħol dwar il-possibilità li jkun hemm tourist police f’dawk il-postijiet li huma l-iktar iffrekwentati mit-turisti, bħal San Ġiljan, Tas-Sliema u San Pawl il-Baħar? Jekk iva, meta hu mistenni li jibda dan it-tip ta’ servizz? Fejn hu mistenni li jinbeda?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 14274.

Skejjel speċjali għal żgħażagħ ikkundannati b’sentenza tal-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm żgħażagħ taħt is-16-il sena li qed jattendu xi skola speċjali minħabba li huma kkundannati b’xi sentenza tal-Qrati? F’liema skejjel (jekk din l-informazzjoni tista’ tingħata), qed jattendu dawn iż-żgħażagħ? Kemm ilhom jattendu f’dawn l-iskejjel u kemm fadlilhom żmien jattendu dawn l-istess skejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jirriżulta li fil-Learning Support Centres hemm student wieħed biss li hu kkundannat b’xi sentenza tal-Qrati. Dan l-istudent fadallu sa Ġunju 2015. Bejn l-2011 u l-2014 dan l-istudent kien jattendi fi skola.

San Pawl il-Baħar – Dawret in-Nawfraġju — bozoz

Question

Jista’ l-Ministru jieħu passi neċessarji biex permezz tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jitwaħħlu l-bozoz li hemm nieqsa f’Dawret in-Nawfraġju f’San Pawl il-Baħar stess, billi r-residenti ta’ dawn l-inħawi qed ibatu minħabba d-dlam li hemm?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalità legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Madankollu għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 12 PQ #15002 Sitting 247 2015-03-09 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – inħawi tax-Xemxija u d-Dellija — pilastri

Question

Billi qed jingħad li l-pilastri tal-konkos u l-bażijiet tagħhom fl-inħawi tax-Xemxija u d-Dellija f’San Pawl il-Baħar qed jinżebgħu mill-MTA, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar min iddeċieda li dawn jinżebgħu griżi (kif qed jingħad, lewn il-ġurdien)? Jista’ jieħu l-passi biex dawn l-istess pilastri u bażijiet jinżebgħu kulur iktar adattat għal postijiet bħal dawn?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol li qed isir fl-inħawi tax-Xemxija qed isir fuq inizjattiva tal-Kumitat Nazzjonali għaż-żoni Turistiċi sabiex jiġu mgħejjuna dawk iż-żoni li għandhom bżonn ta’ manteniment. L-imsemmija xogħolijiet qiegħdin isiru wara li l-inħawi indikati tħallew mitluqa għal żmien twil tant li l-pilastri u l-bażijiet tagħhom qatt ma kienu inżebgħu minn mindu saru. Ix-xogħol qed isir mill-ħaddiema tad-Diviżjoni għax-Xogħolijiet b’kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u b’support finanzjarju tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li tipprovdi l-materjal. L-istess Awtorità ħadet l-inizjattiva sabiex qabel ġie deċiż il-kulur finali, għamlet numru ta’ kampjuni ta’ kuluri differenti lura fl-4 ta’ Novembru 2014. Dan il-proċess tawwal il-bidu tax-xogħolijiet b’madwar tlett ġimgħat. Il-kulur finali ntgħażel bi qbil mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar wara li f’laqgħa tal-istess kunsill ġew diskussi l-imsemmija xogħolijiet. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qatt ma ħadet l-inizjattiva li tagħżel il-kulur hi waħedha, iżda dejjem ikkonsultat mal-Kunsill Lokali rispettiv, flimkien mal-partijiet interessati u l-entitajiet ikkoċernati f’dan ir-rigward. Il-kulur ġie deċiż li jinbidel ukoll wara li l-Awtorità ilha tisma’ numru ta’ lmenti persistenti mill-pubbliku ta’ San Pawl il-Baħar u anke minn diversi partijiet interessati fil-lokalità dwar il-kuluri ta’ lewn isfar jgħajjat u aħdar li ma kinux jinħassu adattati għall- promenades ta’ Buġibba u l-Qawra u li qed jagħtu dehra mhux xierqa lil dan l-inħawi.

San Pawl il-Baħar – Triq Dawret in-Nawfraġju — periklu

Question

Billi fl-inħawi ta’ fejn hemm il-moll li kien jorbot miegħu l-vapur ta’ Għawdex qrib Triq Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, jeżisti periklu li jaqgħu karozzi l-baħar peress li m’hemm l-ebda lqugħ li jwaqqaf vettura milli tispiċċa fil-baħar, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex ikun hemm ilqugħ sodisfaċenti għas-sigurtà ta’ dawk li jużaw dawn l-inħawi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onore. Interpellant li se nitlob lil Transport Malta biex tevalwa din it-talba sabiex tiddetermina x’miżuri jistgħu jittieħdu biex tiżdied is-sigurtà kemm f’dan il-post u oħrajn simili.

Wardija — xogħol ta' tarmak

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14872, li saret lill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull permess (jekk kien hemm) li tat Transport Malta biex ikun jista' jsir ix-xogħol fuq it-Triq li mill-Wardija twassal lejn salib it-toroq ta' San Martin, dejjem limiti ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jpoġġi ukoll kopja tal-pjanti li għalihom inħarġu l-permessi relattivi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-permessi relatati max-xogħol fuq it-Triq li mill-Wardija twassal lejn salib it-toroq ta’ San Martin huma RWP1-0251/15 & RWP1-1233/14. Id-Dokumenti marbuta ma’ dawn il-permessi qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra.

Kumpaniji Maltin fil-Libja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk għadx fadal kumpaniji Maltin li għadhom qed joperaw fil-Libja preżentament? Jekk iva, jista' jagħti indikazzjoni dwar f'liema oqsma tal-ekonomija għadhom joperaw dawn l-istess kumpaniji? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm kumpaniji li talbu l-għajnuna tal-Gvern żida baqgħu ma ngħatawx din l-istess għajnuna? Jekk iva, x'kienet ir-raġuni għal dan in-nuqqas ta' għajnuna?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala premessa wieħed irid iżomm f’moħħu li s-sitwazzjoni għadha fluwida sal-lum, u sakemm dan it-tagħrif kien qed jinġabar, għand Malta Enterprise kienu għadhom deħlin talbiet ġodda ta’ assistenza u Malta Enterprise qed taħdem fuqhom. Minn tagħrif li għandu l-Ministeru għad hemm kumpaniji Maltin li qed joperaw fil-Libja. Dan jinkludi kumpaniji li sempliċiment żammew xi forma ta’ preżenza fil-Libja bit-tama li jkunu jistgħu jerġgħu joperaw ladarba jkun hemm sitwazzjoni aktar favorevoli f’dak il-pajjiż. Kumpaniji li għad baqagħlhom xi preżenza fil-Libja ġejjin minn oqsma mediċi, avjazzjoni, assikurazzjoni u tagħmir elettriku fost oħrajn. Fost l-inizjattivi meħuda minn Malta Enterprise fir-rigward ta’ kumpaniji li kienu jew għadhom joperaw fil-Libja hemm assistenza biex dawn isibu swieq ġodda fil-kontinent Afrikan. Hemm ukoll numru ta’ miżuri fiskali, li madankollu nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex għal tagħrif aktar dettaljat jistaqsi lill-ministeru konċernat. Il-kumpaniji li talbu l-assistenza ta’ Malta Enterprise kellhom kliem ta’ tifħir għall-għajnuna li rċivew fl-iqsar zmien possibbli. Seta’ kien hemm xi talbiet li ma kienx loġistikament u materjalment possibbli għall-Gvern Malti li jagħti assistenza għalihom, bħal biex ħlasijiet li kumpaniji Maltin kienu dovuti minn kumpaniji privati Libjani u l-Gvern Libjan jitħallsu lura. Jien infurmat li dawn it-talbiet, iżda, kienu waħdiet.

Bdil ta' ID Cards — żagħżagħ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14876 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar jekk hux possibli li ż-żagħżagħ li jridu jbiddlu l-ID card tagħhom minn waħda taż-żgħar għal dik ta' over 16, fil-fatt jitħallew jibdlu l-ID card tagħhom ukoll waqt li jkunu qed isiru l-bidliet tal-ID cards fil-lokalitajiet fejn joqogħdu, u dan biex jiġi evitat skariġġ żejjed għalxejn? Jekk iva, jista' jassigura li dawn l-istess żagħżagħ ikunu nfurmati dwar din il-possibiltà?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa waqt li għaddej it-tiġdid tal-karti tal-identità madwar Malta kollha diġa teżisti din il-faċilità li ż-żgħażagħ li jridu jbiddlu l-Karta tal-Identità tagħhom minn waħda t’erbatax (14+) għal dik tas-sittax (16+) jagħmlu dan fil-lokalitajiet fejn joqgħodu. Bħal kull resident ieħor li joqgħod fil-lokalità fejn ikunu qed jiġġeddu l-karti tal-identità dawn qed jigu mgħarrfa meta u fejn jistgħu jagħmlu dan.
Leg 12 PQ #14873 Sitting 246 2015-03-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Ċimiterju tal-Addolorata — xiri ta' oqbra - applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal xiri ta' oqbda fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata? Kemm hemm oqbra ġodda lesti, u kif hu mistenni li jissejħu biex jagħmlu kuntratt dawk li għandhom applikazzjoni pendenti? Meta hu mistenni li jissejħu għal kuntratt dawk li se jingħataw iċ-ċans li jixtru l-istess oqbra, u dan billi wħud mill-applikanti huma nkwetati ferm li mhux se jmisshom tali qabar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #14876 Sitting 246 2015-03-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bdil ta' ID Cards — żagħżagħ

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux possibli li ż-żagħżagħ li jridu jbiddlu l-ID card tagħhom minn waħda taż-żgħar għal dik ta' over 16, fil-fatt jitħallew jibdlu l-ID card tagħhom ukoll waqt li jkunu qed isiru l-bidliet tal-ID cards fil-lokalitajiet fejn joqogħdu, u dan biex jiġi evitat skariġġ żejjed għalxejn? Jekk iva, jista' jassigura li dawn l-istess żagħżagħ ikunu nfurmati dwar din il-possibiltà?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 12 PQ #14877 Sitting 246 2015-03-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar — infrastruttyra tas-sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min qed iwettaq l-istudju dwar l-infrastruttura tas-sistema tad-drenaġġ li għandna f'San Pawl il-Baħar? Meta hu mistenni li jiġi finalizzat dan l-istess studju fuq is-sistema?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istudju msemmi qed jitwettaq mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Il-proċess mistenni jieħu ftit fit-tul minħabba li qed jinstab ammont konsiderevoli ta' materjal ta' kostruzzjoni.
Leg 12 PQ #14878 Sitting 246 2015-03-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar — sistemi tal-mains tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema partijiet minn San Pawl il-Baħar għadhom mhux moqdija bis-sistema tal-mains tad-drenaġġ? Meta hu mistenni li dawn l-istess partijiet tal-lokalità li għadhom mhux moqdija b'din is-sistema jiġu mqabbda mal-istess sistema? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi xogħol pendenti biex isir minkejja li t-tender għalih ġiet pubblikata u aġġudikata? Jekk iva, f'liema partijiet tal-lokalità hu mistenni li jsir ix-xogħol indikat?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-inħawi li għadhom mhux moqdija bis-sistema tal-mains huma Imbordin, Wardija, Imselliet u Għajn Astas. Dawn huma moqdija permezz ta' bowsers.

Ta' Qali — Pitkalija - xogħol strutturali

Question

Billi jidher li mhux mistenni li jsir xogħol strutturali fil-Pitkalija f'Ta' Qali matul din is-sena, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jsir xogħol strutturali f'dan l-istess post, u liema se jkunu x-xogħlijiet li se jsiru?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li x-xogħolijiet li jkunu meħtieġa jsiru meta jiġu ffinalizzati l-pjanijiet għall-Pitkalija.