Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli Lokali — flus allokati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk resident f'xi lokalità għandux rimedju biex jikkontesta l-mod li bih ikunu qed jintefqu l-flus allokati lil xi kunsill lokali partikolari? Jekk għandu rimedju, jista' jagħti tagħrif dwar x'inhu dan ir-rimedju?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull membru tal-pubbliku jista’ jattendi u jieħu sehem fil-Laqgħa Annwali tal-Lokalità biex iwassal il-ħsibijiet tiegħu. Il-flus allokati għandhom jintefqu skont kif stipulat fl-Att dwar il-Kunsilli Lokali. Il-Kunsilli Lokali huwa awtonomu u l-infiq finanzjarju jsir skont kif deċiz mill-istess Kunsill Lokali. Is-Segretarju Ezekuttiv huwa l-Kap finanzjarju u huwa responsabbli għal tali infiq. Il-finanzi tal-Kunsill Lokali huma awditjati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) u min iħossu aggravat jista’ jirrikorri għand l-awtoritajiet konċernati, fosthom il-Bord ta’ Governanza.

Il-Qawra — Programm Leap - persuni mgħejjuna

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' xogħol hu mistenni li jwettqu l-persuni li qed jiġu mgħejjuna permezz tal-Programm tal-LEAP b'mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-inħawi tal-Qawra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 t’Ottubru 2014 ‘l hawn il-benefiċjarji li qed jipparteċipaw fil-Proġett Leap qed iwettqu dawn id-diversi tipi ta’ taħriġ kif indikat hawn taħt . Dan qiegħed iwassal biex il-benefiċarji jieħdu taħriġ u jiġu rijabilitati soċjalment filwaqt li jkunu mgħejjuna minn social mentors inġaġġati mill-istess proġett LEAP. It-taħriġ partikolarment fil-lokalita’ tal-Qawra / San Pawl il-Baħar jinkludi: § Customer Care fil-Kunsill Lokali, § Għajnuna biex saret playing field § Għajnuna fiċ-Ċentru tal-LEAP il-Qawra, § Għajnuna fl-Uffiċċju Parrokkjali tal-Knisja tal-Qawra, § Għajnuna lil diversi entitajiet li jużaw iċ-Ċentru tal-LEAP bħal KNPD, Youth Included u Aġenzija Żgħażagħ, § Għajnuna ta’ interpretazzjoni, § Ħidma fl-uffiċini tal-Kunsill Lokali, § Ħidma kollaborattiva mad-Djakunija , mal-gruppi li jaħdmu fil-Parroċċa u NGOs, § Integrazzjoni ta’ tfal u żgħażagħ b’kulturi differenti mal-komunita’ żagħżugħa tal-Qawra u San Pawl il-Baħar, § Kampanja Edukattiva dwar il-Bżonnijiet fil-Komunita ta’ nies b’diżżabilita. § Kampanja Edukattiva dwar ix-xorb u s-sewqan, § Kampanji ta’ edukazzjoni u għarfien dwar diversi kulturi li jinsabu fil-komunita tal-Qawra u San Pawl il-Baħar, § Laqgħat fi gruppi żgħar dwar għarfien kif jintegraw fil-komunita u l-għodda neċessarji biex jaddattaw b’suċċess fil-komunita, § Management’ ta’ Dar l-Umanita’, § Manutenzjoni tal-entitajiet tal-Parroċċa, § Manutenzjoni ta’ ‘railings’ f’postijiet pubbliċi, § Outreach fil-komunita lokali u ma’ nies b’kulturi differenti, § Preparazzjoni tal- leaflets għall-Parroċċa, § Sezzjonijiet ta’ arti u l-artiġġjanat, § Sezzjonijiet ta’ taħriġ dwar il-kultura Maltija għall-barranin, § Taħriġ ta’ Life Skills , § Tħawwil ta’ pjanti u siġar madwar il-lokalita’, § Tindif ta’ diversi entitajiet li għandha il-Knisja Parrokkjali, § Tindif tal- playing field fejn Dar l-Umanita’ § Tiżbir ta’ pjanti u siġar, § Tqassim ta’ ikel lill-familji fil-bżonn fil-Parroċċa.
Leg 12 PQ #15334 Sitting 252 2015-03-18 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA — attivitajiet matul is-sajf

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jew l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu hux se jwettqu xi programm partikolari ta' attivitajiet matul is-sajf li ġej? Jekk iva, x'inhu dan il-programm?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Wara assenza mill-2012, fil-ġimghat li għaddew, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu nehdiet pubblikazzjoni li fiha tiġbor il-kalendarju tal-avvenimenti. Din il-pubblikazzjoni li tinsab ukoll "online" fuq is-sit visitmalta.com u li tant kien hemm domanda għaliha mill-operaturi turistiċi, tiġbor fiha mhux biss dawk l-avvenimenti li jaqgħu fix-xhur tas-Sajf iżda wkoll ta' sena sħiħa. Il-pubblikazzjoni bil-programm tal-avvenimenti ġie mniedi wkoll waqt l-aħħar fiera ta' ITB f'Berlin fil-Ġermanja, fejn kien hemm rispons pożittiv ħafna. Il-Ministeru u l-Awtorita’ qiegħdin jikkoordinaw u jiġu nvoluti f'ħidma ma' entitajiet oħra, bħal Ministeru għall-Kultura, Kunsill tal-Arti, Valletta 2018, Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, żagħżagħ u Sport, u s-settur Privat, sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni li matul iż-żminijiet urew li kienet qiegħda tnaqqas il-kwalita’ u jittellgħu aktar avvenimenti u programmi ta' livell għoli. Għalkemm l-Awtorita hija nvoluta f'avvenimenti li jaqgħu fix-xhur tas-Sajf, kif wieħed jista’ jara fil-pubblikazzjoni, qiegħdin niffukaw aktar biex nikkrejaw, nattiraw u nappoġġjaw aktar programmi t'avvenimenti fix-xhur tax-Xitwa. L-Awtorita’ qiegħda wkoll taħdem biex l-attivitajiet li jitolbu għajnuna, jkollhom pjan fuq ta' lanqas tlett snin. Ma jkunx jagħmel sens jekk naħlu l-enerġija u r-riżorsi tagħna fis-Sajf, meta propju f'pajji¿na jkun għaddejjin ħafna attivitajiet u meta n-numri issa ilhom għal diversi snin tajbin ħafna. Il-pubblikazzjoni tal-programm għas-sena 2016 diġa’ beda jinħadem u l-pjan hu li jigi mniedi lejn Ottubru 2015, sabiex ikun jista’ jiġi distribwit waqt fieri internazzjonali u jsir il-marketing meħtieġ.

San Pawl il-Baħar — ħtiġijiet edukattivi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jkunu qed jiġu mħarsa l-ħtiġijiet edukattivi li għandhom u se jikomplu jiżdiedu matul is-snin li ġejjin, it-tfal li joqogħdu f'San Pawl il-Baħar matul is-snin li ġejjin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada qed tħejji pjanijiet sabiex tinbena skola Primarja ġdida ġewwa San Pawl il-Baħar. Din mistennija li tibda topera fis-sena skolastika 2017/2018.

San Pawl il-Baħar — binja fil-grawnd tal-iskola primarja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-binja li hemm fir-rokna tal-grawnd tal-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, għaddietx taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol? Jekk iva, x'se jkun l-użu ta' din il-binja? Jekk le, jista' jara jekk hux possibli li jagħmel użu minnha?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-binja li hemm fir-rokna tal-grawnd tal-iskola primarja hija proprjetà tal-Water Services Corporation. Intlaħaq ftehim bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Water Services Corporation, sabiex din il-binja tibda tintuża bħala faċilità edukattiva għall-istudenti li jattendu l-iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar. Fil-fatt bħalissa għaddej xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni sabiex din il-binja tkun tista’ tibda tintuża mill-istudenti mill-bidu tas-sena skolastika 2015/2016.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar spezzjonijiet minn Transport Malta fi Triq is-Simar, San Pawl il-Baħar? X'koordinazjoni saret s'issa ma' entitajiet li jagħtu s-servizzi bħall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dwar ix-xogħol li jrid isir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li fil-preżent m’għandi xejn iktar x’inżid mar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14584.
Leg 12 PQ #15205 Sitting 251 2015-03-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema maċ-Ċivil

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif inhumma mqassma l-impjegati li jaħdmu maċ-Ċivil, skont il-grad tagħhom u skont id-dipartiment li jaħdmu fih, liema informazzjoni kienet diġa’ mitluba preċedentement?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata tweġiba f’ seduta oħra.

Breakwater ta’ Buġibba

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar spezzjonijiet fuq il-breakwater ta’ Buġibba? Min wettaq dawn l-ispezzjonijiet u x’irriżulta minnhom? X’passi ttieħdu wara li saru l-istess spezzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-aħħar spezzjonijiet li saru fuq il-breakwater ta’ Buġibba kienu bbażati fuq studji viżwali, inkluż dawk ta’ taħt il-baħar, u ġeoloġiċi. Dan ir-rapport kien ġie finalizzat f’Diċembru 2007. Il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport kienu li l-wiċċ tal-breakwater kien jinsab f’kundizzjoni raġjonevolment tajjeb iżda li kienu jeżistu numru ta’ fissuri fil-wiċċ ta’ matul il-breakwater kollu kif ukoll jeżistu diversi postijiet mittiekla (scouring) fl-istruttura ta’ taħt wiċċ l-baħar. Ninsab infurmat ukoll li bejn April u Mejju tal-2011 saru tiswijiet minuri fil-wiċċ tal-moll. Transport Malta tagħmel manutenzoni u xogħlijiet oħra ta’ tiswija fuq dan il-breakwater abbażi ta’prijoritajiet u finanzjament allokat għal dan il-għan.

San Pawl il-Baħar – Triq San Ġużepp – tabella

Question

B’referenza għal domandi preċedenti dwar tabella fi Triq San Ġużepp kantuniera ma’ Triq San Publiju f’San Pawl il-Baħar, biex ma jkun hemm l-ebda dubju dwar liema tabella qed nagħmel referenza għaliha, jista’ l-Ministru jitlob li Transport Malta tinvestiga l-ħtieġa tat-tabella “No Parking”, mhux dik li tindika “No Entry”?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li t-tabella No Parking No Stopping, li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant, tikkumplimenta id-double yellow lines li hemm immarkati fuq il-post. Għaldaqstant tali tabella mhix qiegħda tippreġudika l-ebda arranġamenti tat-traffiku li hemm fuq il-post.

Il-Mellieħa — triq minn ħdejn il-Latrina tax-Xemxija għall-Belleview - rranġar

Question

Billi t-triq prinċipali li twassal minn ħdejn il-latrina tax-Xemxija sa fejn kien hemm il-Belleview fil-Mellieħa tista' tiġi deskritta biss bħala diżastru, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'beħsiebu jagħmel il-Ministeru biex tiġi rranġata din l-istess triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi parti mit-triq imsemmija (jiġifieri mir-roundabout tax-Xemxija sa roundabout tal-Mellieħa ma’ Triq Louis Wettinger), taqa’ taħt ir-responsabilitàà ta’ Transport Malta. Transport Malta qiegħdha tippjana major resurfacing għall-partijiet minn din it-triq filwaqt li fil-bqija tat-triq issir il-manutenzjoni regolari skont il-prijoritajiet li jirriżultaw. Transport Malta trid iżda tikordina dawn ix-xogħlijiet ma’ l-entitajiet għax hu mifhum li hemm xi pjanijiet ta’ trinekk min-naħa tagħhom. Il-bqija tat-triq li mir-roundabout tal-Mellieħa twassal sa fejn kien hemm il-Belleview, ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta.

San Pawl il-Baħar — Toroq li qed isiru minn Transport Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq li bħaliisa qed isiru minn Transport Malta f'San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq li bħalissa qed isiru minn Transport Malta f'San Pawl il-Baħar huma parti minn Triq Annetto Caruana u Triq Jean de la Cassiere.

Kunsilli Lokali — segretarji eżekuttivi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kunsilli lokali li bħalissa m'għandhomx segretarji eżekuttivi full-time skont il-ħtiġijiet tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sad-9 ta’ Marzu 2015 kien hemm is-segwenti seba’ Kunsilli Lokali b’Aġent Segretarju Eżekuttiv. Is-seba’ Kunsilli Lokali huma dawk ta’ Birżebbuġa, tal-Gudja, ta’ Ħal Għargħur, tal-Mosta, tan-Nadur, ta’ San Pawl il-Baħar u ta’ Ta’ Xbiex.

San Pawl il-Baħar — proġett ta' rijabilitazzjoni tas-Salini

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm sar xogħol bejn Settembru 2014 u Frar 2015 fuq il-proġett tar-rijabilitazzjoni tas-Salini f'inħawi ta' San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Settembru 2014 u Frar 2015 sar b’kemm jiswa € 664,572 net VAT xogħol fuq il-proġett tar-rijabilitazzjoni tas-Salini f'inħawi ta' San Pawl il-Baħar. Ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu fi provista u twaħħil ta’ penstocks, restawr, finishing tal-huts, xogħlijiet elettriċi u mekkaniċi fil-huts, disinjar ta’ Interpretation Panels u xogħlijiet fuq it-trejqa interna fis-salini.

San Pawl il-Baħar — Triq Dawret in-Nawfraġju - manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jitlob lill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar biex issir il-manutenzjoni meħtieġa fi Triq Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li x-xogħol ta’ manutenzjoni neċessarju fi Triq Dawret in-Nawfraġju beda jsir il-Ġimgħa 13 ta’ Marzu 2015.

San Pawl il-Baħar — Triq Dawret in-Nawfraġju - manutenzjonijiet

Question

Billi r-railings li hemm fi Triq Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, jinsabu fi stat ħażin, jista' l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa?

Response (BONNICI, OWEN)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Wileġ, Triq il-Qawra u Triq it-Trunċiera - servizz tal-karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jkun hemm servizz tal-karozza tal-linja li jgħaddi minn Triq il-Wileġ, Triq il-Qawra u Triq it-Trunċiera f'San Pawl il-Baħar, direzzjoni tal-venda biex jinqdew ir-residenti ta' dawk l-inħawi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-introduzzjoni tan-network il-ġdid tas-servizz tat-trasport pubbliku se jsir f’fażijiet differenti u dan sabiex ikun hemm lanqas inkonvenjent possibli lill-persuni li jagħmlu użu mis-servizz. Id-dati ta’ meta ser jiġu introdotti r-rotot ser ikunu qed jiġu imħabbra aktar il’quddiem.

San Pawl il-Baħar — Triq it-Trunċiera - tarmak

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux pjan biex Triq it-Trunċiera, San Pawl il-Baħar tingħata wiċċ ġdid? Jekk iva, meta mistenni li jsir ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq msemmija ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta. Madanakollu Transport Malta tgħin skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Operatur tat-Trasport Pubbliku — Karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' karozzi tal-linja li għaddew mingħand il-kumpanija tal-Gvern għal għand l-operatur il-ġdid? X'tip ta' vetturi kienu dawk li ġew mgħoddija lil dan l-operatur?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox ġew trasferiti 274 karozza tal-linja mingħand il-kumpanija tal-Gvern għal għand l-operatur il-ġdid. It-tip ta’ dawn il-vetturi huma hekk kif ġej: · 186 karozza tal-linja tat-tip King Long, Optare u Volkswagon li kienu jaħdmu fuq is-servizz tat-trasport pubbliku sa mill-2011; · 45 karozza tal-linja tat-tip Optare u Volvo li kienu inkrew mir-Renju Unit fl-2014; · 43 karozza tal-linja tat-tip low floor li kienu jaħdmu fuq is-servizz tat-trasport pubbliku qabel ir-riforma tat-trasport pubbliku f’Lulju tal-2011.

San Pawl il-Baħar — Triq Isouard u Triq Toni Bajjada - ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga x'inhi r-raġuni li għaliha Triq Isouard u Triq Toni Bajjada, f'San Pawl il-Baħar jinsabu fi stat ħażin li qegħdin? Jista' wkoll jitlob li dawn it-toroq jiġu rranġati sew, iktar u iktar fid-dawl tad-direttiva li ħarġet mill-Bord tal-Gvernanza għal dak li jirrigwarda ħsarat fit-toroq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant, li l-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ Gvern lokali b’personalità legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Madankollu jien għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 12 PQ #15100 Sitting 249 2015-03-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Arranġamenti marbuta ma' flights — roħs

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitħabbru l-arranġamenti marbutin ma' flights lejn Malta biex dawk li huma intitolati li jivvutaw jkunu jistgħu jiġu Malta bi flights imraħħsa, kif jiġri f'okkazzjonijiet bħal dawn? Billi min ikun beħsiebu jiġi jivvota jkollu bżonn jagħmel bosta arranġamenti, jista' jara li dawn l-arranġamenti jitħabbru fl-iqsar żmien possibli?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għal-stqarrija għal-stampa Nru 150493 maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.