Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta — applikazzjonijiet għall-yacht marinas

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema applikazzjonijiet għal yacht marinas ġew approvati minn Transport Malta? Meta ġew approvati u fejn jinsabu? Liema applikazzjonijiet oħra għandhom pendenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif għidt b’risposta għall-mistoqsija parlamentari 15435, kull proċess formali għall-iżvilupp ta’ yacht marinas jibda mal-ħruġ ta’ espressjoni pubblika t’interess u mill-applikazzjoni li ssir lill-MEPA.

Għassa ta' San Pawl il-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se jiġi assigurat li l-Għassa ta' San Pawl il-Baħar tinżamm miftuħa 24 siegħa kuljum?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija numru 386.

San Pawl il-Baħar — toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq hu mistennija jitlestew f'San Pawl il-Baħar matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa jinsab għaddej ix-xogħol fuq Triq Jean de la Cassiere u fuq parti minn Triq Annetto Caruana. Ninsab infurmat ukoll li matul il-ġranet li ġejjin ser isir xogħol estensiv ta’ resurfacing fi Triq Toni Bajada, Triq Witja, Triq Camilleri u Triq Burmarrad.

Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar — time parking zones

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru talbiet, mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, biex ikun hemm time parking zones matul l-aħħar 12-il xahar? Għal liema toroq ta' San Pawl il-Baħar saret din it-talbajew talbiet? Meta saret u x'kienu r-risposti li tat Transport Malta, f'kull każ separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li matul l-aħħar tnax-il xahar saret talba waħda għal time parking zones. It-talba saret għal Triq l-Erba’ Mwieżeb.

Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar — talbiet għal timed parking zones

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'talbiet saru, mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar matul l-aħħar sena, biex isiru 'timed parking zones' fil lokalità? Liema talbiet ġew approvati, rifjutati jew għadhom pendenti, rispettivament?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li kien hemm talba waħda mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għal Parkeġġ Riżervat għar-Residenti. Madankollu, kif diġa mħabbar ukoll fil-Parlament, qed nistennew x’impatt ser ikollu l-operat il-ġdid tat-trasport pubbliku, ġaladarba jidħol fil-funzjoni sħiħa tiegħu. Sussegwentament tiġi finalizzata l-proposta tal-Gvern dwar il-Parking Policy.
Leg 12 PQ #15461 Sitting 255 2015-03-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar – Triq Sir Luigi Preziosi – sadd tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jitlob lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tinvestiga x’inhi r-raġuni li għaliha Triq Sir Luigi Preziosi, San Pawl il-Baħar, qrib Casa Serena qed ikun hemm problema ta’ sadd ta’ drenaġġ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li riċentament ma rċivew l-ebda ilment ta’ sadd ta’ drenaġġ fil-post imsemmi.

San Pawl il-Baħar – toroq, korrispondenza mal-kunsill lokali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza li rċieva l-Ministeru jew Transport Malta dwar it-toroq li ġejjin: Is-Simar, Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, Triq Ġdida fi Triq Cassarino, Triq Dawret it-Trunċiera, Triq in-Nawfraġju u Triq Jean de La Cassiere, kollha f’San Pawl il-Baħar? Jista’ jqiegħed ukoll kopja tar-risposti li ntbagħtu lill-Kunsill Lokali?

Response (MIZZI, JOE)

Nifhem li l-Onorevoli Interpellant japprezza il-volum qawwi ta’ korrispondenza li tidħol kontinwament kemm fil-Ministeru kif ukoll għand Transport Malta. Għaldaqstant nitolbu jispeċifika għal-liema tip ta’ korrispondenza qiegħed jirreferi għaliha, u dan sabiex inkun nista ngħati l-informazzjoni korretta.

Kunsilli Lokali – żieda fil-complement

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-kunsilli lokali li talbu biex ikollhom ħaddiema iktar mill-complement kif stabbilit mil-Liġi? Liema minn dawn it-talbiet ġew approvati? X’kien ir-riżultat, f’termini ta’ żieda ta’ impjegati b’riżultat ta’ dawn l-approvazzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li qed isir eżerċizzju sabiex tinġabar din l-informazzjoni, għaldaqstant l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Bini ta’ Yacht Marinas — talbiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il talba kien hemm matul l-aħħar 24 xahar minn individwi, kumpaniji jew organizzazzjonijiet tal-Gvern biex ikunu jistgħu jiġu organizzati jew jinbnew yacht marinas f’xi partijiet tal-portijiet li jiffurmaw San Pawl il-Baħar mis-Salina sal-Mistra? Kemm minn dawn it-talbiet ġew approvati u kemm hu mistenni li jiġu organizzati rmiġġijiet f’dawn il-postijiet li ġew hekk approvati?

Response (MIZZI, JOE)

Proposti simili jiġu mressqa għall-attenzjoni tal-Awtorita’ diversi drabi iżda kull proċess formali jibda mal-ħruġ ta’ espressjoni pubblika t’interess u mill-applikazzjoni li ssir lill-MEPA.

Proġett ta’ konservazzjoni tas-Salini

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’xogħol fadal isir fil-proġett ta’ konservazzjoni tas-salini? Meta sar l-aħħar xogħol fl-istess proġett u minn min sar? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk ix-xogħol fuq il-kanali proprja tkompliex matul dan il-perjodu u jekk hu l-każ, x’xogħol sar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet li fadal isiru fil-proġett ta’ konservazzjoni tas-salini f'inħawi ta' San Pawl il-Baħar huma t-tlestija tar-restawr tal-bur mielaħ u x-xagħri (kuntratt CT3182/2013), t-tlestija ta’ t-triq interna fis-salini, il-bini ta’ pont ġdid fl-entratura (kuntratt CT3184/2014) u r-restawr tas-Sukkurs. Ix-xogħlijiet tar-restawr tal-bur mielaħ u x-xagħri, u t-triq interna fis-salini qegħdin ssiru bħalissa minn Camray Company Limited u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura rispettivament. Ix-xogħol fuq is-Sukkurs għadu ma bedix.
Leg 12 PQ #15437 Sitting 254 2015-03-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – applikazzjonijiet pendenti għal bini ta’ yacht marinas

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex jiġu organizzati yacht marinas f’Malta u Għawdex rispettivament? Meta saru dawn l-istess applikazzjonijiet u f’liema lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex jinsabu dawn l-applikazzjonijiet li huma pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 15437, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha quddiemha tmien applikazzjonijiet, sitta’ f’Malta u tnejn f’Għawdex, għal żvilupp relatat ma’ yacht marinas. Lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija annessa. TRK / PA No. Status Local Council Proposal Scr Rec Date Val Date 146857 ACM Ghajnsielem Proposed organised boat mooring 01/03/2012 147897 PVA Floriana Sa Maison Marina at Marsamxett Harbour in lieu of existing Ro-Ro berth. Installation of (a) new marina with landside improvements at Sa Maison and (b) new jetty, revetment system and electrical supply trench extension at Pieta, including sub-station. 23/05/2012 146856 ACM Ghajnsielem Proposed yacht berths and floating pontoon 01/03/2012 PA/03254/03 DEP National Territory Construction of breakwater to enclose marina. 09/07/2003 PA/08201/06 DEP Cospicua (Bormla) Outline application for the rehabilitation & redevelopment of the dock area bormla, to include residential & mixed use facilities, landscaping, restoration of existing buildings & yacht berthing facilities. 15/01/2007 PA/04637/07 ZZZ Sliema Installations of pontoons for yachts 08/08/2007 PA/00118/09 ZZZ Marsascala Proposed redevelopment of ex-National Waterpolo pitch into a mixed use development including sports and recreational facilities, residential, tourist accomodation and commercial spaces; and redevelopment of an all-weather yacht marina including reorganisation of mooring, construction of breakwater, placing of pontoons and upgrading of quays and ancillary facilities. 19/01/2009 PA/02461/14 ADE Vittoriosa (Birgu) The proposed extension of the quay and superyacht berths on St Angelo Wharf, including moorings required for the additional berth; and the proposed extension to the existing substation and switchroom and connecting service culverts. 22/08/2012 31/07/2014

Il-Mellieħa – xogħol fuq it-triq minn ħdejn il-tatrina tax-Xemxija sal- Belleview

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15321, billi fit-tweġiba qed jingħad li hu mifhum li hemm xi pjanijiet ta’ trinek min-naħa tagħhom, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema entitajiet jidher li għandhom dawn il-pjanijiet u meta hu mistenni li jwettqu x-xogħol meħtieġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Transport Malta hi nfurmata li hemm diversi entitajiet fostom Enemalta u WSC li għandhom xogħlijiet ippjanati f’dawn it-toroq msemmija. Transport Malta għad m’għandhiex visibilta’ ta’ meta u kif se jsir dan ix-xogħol mill-entitajiet rispettivi.

Breakwater ta’ Buġibba

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15206, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess rapport li ssemma fir-risposta? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta ikkunsidratx li ttawwal l-istess breakwater?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill- Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru15206.

Awtorità Maltija għall-Ambjent — funzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu maħsub li tkun il-funzjoni tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent? X'pożizzjoni qed jieħu l-Ministeru biex jassigura li l-ambjent ikun imħares aħjar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-impenn tagħna huwa li nwettqu bil-fatti, kemm fl-ispirtu u fis-sustanza, dak li hemm imwiegħed fil-programm elettorali dwar il-qasma tal-MEPA.

Kastilja — tisbiħ bis-siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-wesgħa ta' quddiem Kastilja, kienx hemm siġar li suppost huma protetti, li iżda nqalgħu f'dawn l-aħħar jiem? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' siġar li fil-fatt inqalgħu minn dan il-post u n-numru ta' kull speċi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett inkwistjoni ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħi u sal-lum l-anqas il-protezzjoni tas-sigar. Madankollu d-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti fi ħdan il-Ministeru tiegħi ssorvelja ċ-ċaqliq tas-siġar tal-Palm mill-istess post u dan skond il-Liġi Sussidjarja S.L. 433.24 taħt l-Att tal-Kwarantina tal-Pjanti (KAP 433).

Persuni b'sentenza sospiża — passaporti miżmuma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi policy li permezz tagħha bniedem li jkollu sentenza sospiża mill-Qrati tagħna, ikolli l-passaport tiegħu miżmum għand il-pulizija? Jekk iva, kemm hemm passaporti hekk maqbudin għand il-pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bniedem li jkollu sentenza sospiża mill-Qrati Maltin, ma jkollux il-passaport miżmum mil-pulizija, u għalhekk ma hemmx Policy fuq dan is-suggett
Leg 12 PQ #15356 Sitting 253 2015-03-23 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Żieda/tnaqqis fil-konsum tal-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif żdied jew naqas il-konsum tal-elettriku bejn l-2011 u l-2014 f'termini perċentwali? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-leakages fl-istess perjodu, sena b'sena?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Kunsilli lokali — enerġija alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk għandniex kunsilli lokali li ffirmaw il-commitment tagħhom biex jintlaħqu t-targets dwar l-enerġija alternattiva sal-2020? Jekk iva, liema huma l-kunsilli li għamlu tali ftehim?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Xogħlijiet li suppost isiru minn Kunsilli Lokali

Question

Peress li kull meta jkun hemm domanda dwar xogħol f'xi lokalità liema xogħol suppost isir mill-kunsill, ir-risposta dejjem tkun li l-kunsill huma awtoritajiet separat mill-Gvern, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'rimedju għandu bniedem li jħoss li l-Kunsill mhux qed jagħtih dak li hu dritt tiegħu? Għand min jista' jirrikorri?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull membru tal-pubbliku jista’ jattendi u jieħu sehem fil-Laqgħa Annwali tal-Lokalità biex iwassal il-ħsibijiet tiegħu. Il-flus allokati għandhom jintefqu skont kif stipulat fl-Att dwar il-Kunsilli Lokali. Il-Kunsilli Lokali huwa awtonomu u l-infiq finanzjarju jsir skont kif deċiz mill-istess Kunsill Lokali. Is-Segretarju Ezekuttiv huwa l-Kap finanzjarju u huwa responsabbli għal tali infiq. Il-finanzi tal-Kunsill Lokali huma awditjati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) u min iħossu aggravat jista’ jirrikorri għand l-awtoritajiet konċernati, fosthom il-Bord ta’ Governanza.