Jista' l-Ministru jikkonsidra l-possibilità li l-Ministeru jagħmel arranġamenti mal-MUESAC, biex kemm kunsilliera, kif ukoll segretarji eżekuttivi fil-kunsilli lokali jkunu preparati aħjar biex japplikaw għall-fondi li joriġinaw mill-Unjoni Ewropea?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment għal Gvern Lokali diġà qiegħed jikkollabora mal-MEUSAC għal organizzazzjoni ta’ seminars immirati għal kunsilliera u segretarji eżekuttivi għal programmi ta’ fondi Ewropej fosthom il-programmi URBACT III u Europe for Citizens.
Barra minn hekk, permezz tal-proġett FSE 4.248 – ‘Insaħħu l-Governanza Lokali’; id-Dipartiment għal Gvern Lokali fi żmien li ġej ser ikun qed jorganizza taħriġ għas-segretarji eżekuttivi speċifikament fuq fondi mill-Unjoni Ewropea. Dan it-taħriġ ser jagħti iktar informazzjoni u jipprovdi l-għodda neċessarji fuq kif tapplika, kif tipplimenta u tagħlaq proġetti.
Billi fir-risposta riċenti ngħatajt l-informazzjoni li qabel ikun jista' jsir xogħol ta' upgrade fit-triq prinċipali li mix-Xemxija twassal sal-Mellieħa, kienet meħtieġa konsultazzjoni ma' diversi entitajiet li għandhom is-servizzi f'din it-triq, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk bdewx u ġewx konklużi l-istess diskussjonijiet? Jekk iva, x'kien l-eżitu tad-diskussjonijiet? Jekk le, meta hu mistenni li jiġu konklużi l-istess diskussjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li numru ta’ laqgħat mal-entitajiet kkonċernati se jinżammu fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk din is-sena hux se jkun hemm bajjiet riservati għall-għawm? Fejn hu mistenni li jkunu dawn il-bajjiet, meta se jitqiegħdu s-sinjali relattivi għal dawn il-bajjiet? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jkun hemm bajjiet ġodda li jidħlu fl-iskema tal-bajjiet riservati għall-għawm? Jekk iva, liema bajjiet ġodda huma mistenni li jiżdiedu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bagi u t-tabelli li juru li l-bajjiet huma riservati għall-għawm se jiġu nstallati sat-18 ta’ Ġunju 2015. Iż-żoni li fihom ser jiġu stallati dawn il-bagi u t-tabelli huma bħal dawk tas-sena 2014 bl-addizzjoni ta’ bajja ġdida ġewwa St Peter’s Pool.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-proposti ġodda li ntbagħtu lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal dak li jikkonċerna l-iżvilupp tas-sit okkupat mis-Selmun Palace Hotel? Jekk għadhom ma ntbagħtux proposti, liema proposti huma mistennija li jintbagħtu mill-Ministeru jew minn xi entità li taqa' taħtu biex ikun hemm tibdil fl-iskema ta' dan is-sit?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi qabel ma ħarġet il-proposta għal development brief mill-MEPA, f’dak l-istadju kien hemm koordinament fost entitajiet varji tal-Gvern ħalli jiġu rispettati r- regoli ambjentali, il-wirt storiku u fl-istess nifs nimmasimiżżaw il-valur ta’ Selmun għal skopijiet turistiċi.
Ċertament illi f’dan l-istadju hemm konsultazzjoni pubblika li wieħed irid jistenna l-eżitu tagħha.
San Pawl il-Baħar — is-Simenta - tneħħija ta' blokka tal-konkos
Question
Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jieħu l-passi neċessarji biex blokka tal-konkos li hemm ħdejn l-inħawi magħrufa bħala s-simenta, qrib l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, titneħħa minn fejn qiegħda għaliex qed timblokka l-passaġġ għas-slip way? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex fl-istess inħawi (u inħawi oħra fejn hemm bżonn) jerġa' jitpoġġa railing li jgħin lil dawk li jkunu neżlin il-baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta, fil-ġranet li ġejjin, se tkun qed tieħu l-passi neċessarji sabiex il-blokka tal-konkons msemmija titneħħa minn fejn qiegħda. Infurmat ukoll li bħalissa d-Direttorat għat-Tindif jinsab fil-proċess li jitwaħħlu s-slielem u railings fil-bajjiet tagħna. Effettivament fil-lokalità ta’ San Pawi il-Baħar dawn se jitwaħħlu fil-jiem li ġejjin.
San Pawl il-Baħar – Torri ta’ Wignacourt — restawr
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-bankijiet li kien hemm ħdejn it-Torri ta’ Wignacourt, San Pawl il-Baħar, li tneħħew biex ikun jista’ jsir ir-restawr tal-istess Torri, hux se jerġgħu jitqiegħdu fl-istess post li kienu jew li jitqiegħdu bankijiet ġodda fl-istess post? Jekk iva, meta hu mistenni li jsir ix-xogħol marbut mat-tqegħid ta’ dawn il-bankijiet?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, waqt ix-xogħol tar-restawr tat-Torri Wignacourt, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ressqet erba’ bankijiet biex ma ssirilhomx ħsara. Madanakollu, il-bankijiet reġgħu tqiegħdu posthom, b’mod immedjat, hekk kif ġie fi tmiemu r-restawr tat-torri.
Tista' l-Ministru tagħi tagħrif dwar kemm hu stmat li hawn lifts stallati f'Malta? kemm minn dawn il-liftshuma ċertifikati mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-Awtorità ma tiċċertifikax lifts. Madankollu, hemm l-obbligu legali li kull lift istallat għandu jkun registrat mal-MCCAA. Bħalissa hemm 6,866 lifts li huma reġistrati.
Ċertifikazzjoni dwar l-effiċjenza tal-enerġija fil-bini –kors ta’ assessuri
Question
Billi jidher li l-użu taċ-ċertifikat dwar l-effiċjenza tal-enerġija fil-bini se jikber biex jolqot ukoll il-proprjetà mikrija, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li joħorġu s-sejħiet neċessarji għal kors ieħor ta’ assessuri?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li bħalissa għaddejjin korsijiet tal-assessuri (non-dwellings) u qed isiru pjanijiet biex eventwalment toħroġ sejħa għall-assessuri (dwellings).
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi biex il-vetturi b’number plate barrani li jistgħu jkunu qegħdin Malta għal perjodu twil ta’ żmien ma jitħallewx jipparkjaw fejn mhux suppost għaliex ma jistgħux jingħataw ċitazzjoni, minħabba li s-sistema Maltija ma tippermettix dan? Jista’ jagħti informazzjoni dwar jekk issa Transport Malta hux qed ikollha informazzjoni dwar il-vetturi barranin li jkunu Malta, u jekk issa sarx possibbli li dawn l-istess vetturi josservaw il-liġijiet li għandna f’Malta u jekk le jkunu jistgħu jittieħdu passi kontra tagħhom?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 15068. Inżid ukoll li Tranrsport Malta tinsab fil-proċess ta’ aġġudikazzjoni ta’ tender għal impound centre fejn se jkunu jistgħu jinżammu, fost oħrajn, dawn il-karozzi li jkunu Malta llegalment.
San Pawl il-Baħar – ħruġ ta’ ilma fi Triq San Pawl
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jiġi investigat x’inhu s-sors tal-ilma li hemm fi triq prinċipali, Triq San Pawl f’San Pawl il-Baħar, quddiem il-BOV branch f’dan il-post? Jista’ jassigura li dan l-ilma ma jitħalliex joħroġ fuq il-wiċċ tat-triq imsemmija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn stħarriġ li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rriżulta li dan l-ilma ħiereġ minn katusa privata li twassal l-ilma tax-xita minn fuq il-bjut għal ġot-triq.
San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl – tappieri tad-drenaġġ
Question
Billi numru ta’ tappieri tad-drenaġġ fi triq prinċipali, Triq San Pawl f’San Pawl il-Baħar, mhux qegħdin sew fil-post fejn qegħdin, u dan qed ikun ta’ inkonvenjent għar-residenti minħabba l-istorbju li jagħmlu l-istess tappieri meta l-vetturi jgħaddu minn fuqhom, jista’ l-Ministru jara li ssir it-tiswija neċessarjia biex dan l-inkonvenjent jitneħħa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qiegħdha tittieħed azzjoni sabiex it-tappieri fit-triq imsemmija jinbidlu kemm jista’ jkun malajr. Dan ix-xogħol qed isir matul il-lejl sabiex ma jinħoloqx inkonvenjent għat-traffiku.
San Pawl il-Baħar — inħawi tal-Erba' Mwieżeb - preżenza ta' pulizija tat-traffiku
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fil-ħinijiet ta' filgħodu ikun hemm prezenza tal-pulizija tat-traffiku fl-inħawi ta' Erba' Mwieżeb, San Pawl il-Baħar, billi qed ikun hemm konġestjoni sħiħa ta' traffiku fl-istess inħawi, peress li preżentament qed isiru xogħlijiet meħtieġa fuq it-toroq tal-inħawi, iżda t-traffiku qed jimblokka minħabba diversi raġunijiet?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bħal fil-każ ta’ domanda għall-Pulizija għall-kontroll tat-traffiku fit-tarf tal-bypass ta’ San Pawl il-Baħar, il-Pulizija tinsab f'kuntatt ma' Transport Malta rigward il-lokalità tal-Erba Mwiezeb, minħabba xogħlijiet li qed isiru fl-inħawi u flimkien mal-Uffiċjali tal-Infurzar ta' din l-Awtorità se tara li bi sforz kongunt anke bejn it-taqsima tal-Pulizija tat-Traffiku u dawk tad-Distrett tal-Qawra, jsir l-aħjar użu ta' riżorsi sabiex jitnaqqsu il-problemi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li ġeddew l-ID tagħhom f'San Pawl il-Baħar? Billi qed jirriżulta li numru sostanzjali ta' residenti, għal xi raġuni jew oħra ma rċevewx l-avviż li kien se jkun hemm it-tiġdid tal-ID f'din il-lokalità, jista' jieħu l-passi neċessarji biex jerġa' jkun hemm sessjoni oħra ta' tiġdid ta' ID cards f'din il-lokalità u dan għaliex hu fl-interess ta' kulħadd li jkun hemm ID cards imġedda? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawk il-barranin li joqogħdu f'din il-lokalità u li għandhom bżonn iġeddu d-dokumenti relattivi tagħhom ikunu jistgħu huma wkoll iġeddu l-istess dokumenti f'San Pawl il-Baħar?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Karta tal-Identità Maltija toħroġ biss għal dawk il-persuni kollha li għandhom ċittadinanza Maltija. Barranin li jgħixu ġewwa pajjizna jinħarġilhom permess ta’ residenza mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u l-Expatriates f’Evans Building il-Belt Valletta.
Sal-aħħar t’April li għadda kien hemm 9,809 residenti ta’ San Pawl il-Baħar li kellhom il-Karta tal-Identità tagħhhom imġedda. Dawn jammontaw għal 80% taċ-ċittadini eleġibbli f’din il-lokalità.
Mhux pjanat li jsiru sessjonijiet oħra ta’ tiġdid tal-Karta tal-Identità f’din il-lokalità għaliex il-proċess f’San Pawl il-Baħar dam 27 ġurnata. Minbarra dan, l-Uffiċċju tal-Karti tal-Identità qed jaħdem f’lokalitajiet oħra skont skeda li ilha mfassla minn diversi xhur qabel. Irrid ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li kull min ma marx iġedded il-karta tal-identita’ tiegħu fil-lokalita’ fejn joqgħod jista jmur iġeddidha jew: (i) fl-eqreb lokalità fejn ikun għaddej il-proċess ta’ tiġdid jew (ii) fl-uffiċċju tal-Karta tal-Identita’ ġewwa Gattard House, il-Blata-l-Bajda.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema investiment hu mistenni li jitlesta fil-Pitkalija din is-sena? F'liema stadju wasal ix-xogħol marbut mal-istess investiment? Min hu mistenni li jagħmel dan ix-xogħol li hu meħtieġ li jsir? Kemm hu mistenni li jiġi jqum dan l-istess investiment?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond kif jien mgħarraf mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, din is-sena hu mistenni li jkun lest ix-xogħol għat-titjib tat-Teknoloġija tal-Informatika. Dan il-proġett qed isir flimkien mal-MITA u huwa stmat li b’kollox se jiswa €320,000. Bħalissa, dan ix-xogħol qiegħed fl-istadju tal-iżvilupp tas-software.
Se jitlesta wkoll bini ta’
cold store
fil-Pitkalija tal-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa li qed isir bħala parti mill-proġett pilota u huwa stmat li se jiswa €265,107.
Inżid ngħid li ġiet ippublikata sejħa għall-offerti biex jiġu mixtrija 20,000 kaxxa ġdida għall-użu fil-Pitkalija. Dan it-
tender
ġie ppubblikat nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Mejju u se jiswa madwar €140,000.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-bdiewa hux qed jitħallsu fil-ħin għal dak li jirrigwarda l-prodotti li l-istess jdaħħlu fil-Pitkalija Ta' Qali? Jista' jagħti dettalji dwar kemm huma l-ħlasijiet li suppost jsiru mix-xerrejja, li iżda għad ma tħallsux, liema ħlas ilu pendenti għal iktar minn xahar, tliet xhur, sitt xhur u sena rispettivament? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk xerrejja li ma jħallsux dak li jixtru hux qed jitħallew jidħlu fil-Pitkalija xorta waħda?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond kif jien mgħarraf mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, mill-1 ta’ Marzu ‘l hawn, bis-sistema l-ġdida introdotta, il-bdiewa bdew jitħallsu minn nofs ix-xahar ta’ wara. Kien hemm każ ta’ pitkal wieħed li ma ħallasx fil-ħin u li għalhekk il-pagamenti dovuti lill-bdiewa tiegħu għadhom pendenti. F’dan il-każ, qed jittieħdu l-passi meħtieġa skond il-liġi.
Għar-rigward tal-aħħar parti tad-domanda, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlasijiet lid-Dipartiment ma jsirux mix-xerrejja iżda mill-Pitkala kif ukoll li r-responsabbiltà tal-ħlasijiet lix-xerrejja hija responsabbiltà esklussiva tal-Pitkala. Id-Dipartiment huwa responsabbli li jara li l-pitkal jiddepożita l-ħlasijiet dovuti fil-ħin.
Ninfurmah ukoll li fil-preżent, id-Dipartiment ma rċieva l-ebda rapport mingħand xi pitkal li xi xerrejja ma ħallsux u għaldaqstant ma setgħux jittieħdu passi kontra xi xerrejja.
Ħlasijiet lill-bdiewa ta’ qabel l-1 ta’ Marzu 2015, id-Dipartiment qed jaħdem mal-bank u maż-żewġ pitkala kkonċernati biex isiru l-arranġamenti neċessarji biex il-bdiewa jibdew jitħallsu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha l-mara tad-dar mhux qed titħalla tidħol fil-Pitkalija biex tixtri prodotti agrikoli kif kienet tagħmel għal bosta snin? Jekk mhux qed titħalla tidhol jista' l-istess Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha dan qed iseħħ? X'tip ta' kontroll kien u għadu qed iseħħ fil-bieb tal-pitkalija biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm abbużi minn dawk li jidħlu jixtru mill-Pitkalija? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hu stmat li kien il-valur tal-prodott li nxtara min-nisa tad-dar, kull xahar, matul l-aħħar sentejn?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond kif jien mgħarraf mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-Onor. Interpellant mhux korrett meta fit-30 ta’ April qed jgħid li l-mara tad-dar mhux qed tidħol fil-Pitkalija.
Ninfurmah li l-mara tad-dar ma tħallietx tidħol il-Pitkalija bejn it-13 ta’ Marzu 2015 u l-25 ta’ Marzu 2015 u dan sakemm ġiet introdotta sistema ta’ kontroll aħjar biex jinqatgħu l-abbużi u biex ikun issalvagwardjat id-dħul tal-bdiewa għall-prodotti tagħhom.
Għall-aħħar parti tad-domanda, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Ta’ min jgħid li fejn it-totali ta’ bejgħ bejn l-2011 u l-2014 dejjem kien qawwi - €784,772, €918,765, €1,110,642 u €1,017,282 - f’April 2015 bl-introduzzjoni tas-sistema l-ġdida li tiggarantixxi aktar kontroll fuq il-bejgħ lill-mara tad-dar, il-figura ta’ bejgħ għal xahar wieħed ta’ April kienet biss ta’ €1,312, meta f’April 2014 kienet €84,357 u f’April 2013 kienet €91,647, b’hekk ġie ssalvagwardjat l-interess tal-bidwi.
San Pawl il-Baħar – Triq Jean de la Cassiere — xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15553 u domandi oħra preċedenti dwar Triq Jean de la Cassiere f’San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għaliha x-xogħol għadu ma tlestiex?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art tat-triq in kwistjoni hija waħda taflija u għalhekk x-xogħlijiet kellhom jieqfu temporarjament sakemm nixfet sew l-art wara l-aħħar maltemp. Il-kuntrattur se jkompli bix-xogħlijiet immedjatament u huwa mistenni jispiċċa sal-aħħar tax-xahar.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15834, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt, minbarra applikazzjonijiet formali kienx hemm diskussjonijiet ma’ uffiċjali tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar proposta għal żvilupp ta’ yacht marinas f’San Pawl il-Baħar u l-madwar?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien l-ebda diskussjonijiet ma' uffiċjali tal-Awtorità ta' l-Ambjent u l-Ippjanar dwar proposta għal żvilupp ta' yacht marinas f' San Pawl il-Baħar u l-madwar.
Selmun Palace Hotel – proposti dwar tibdil fl-iżvilupp
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15833, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar talbitx u rċevietx proposti dwar tibdil fl-iżvilupp fl-inħawi u fuq l-art li tifforma parti mill-proprjetà tas-Selmun Palace Hotel?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Fl-24 ta’ April ta’ din is-sena, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar nidiet konsultazzjoni pubblika dwar numru ta’ oġġettivi li għandhom jiffurmaw il-bażi għat-tfassil ta’ policy fuq is-sit imsemmi. Sa issa l-Awtorità rċeviet sottomissjoni waħda.
Buġibba — postijiet ta' aċċess għall-inżul ħdejn il-baħar
Question
Billi matul it-Triq tal-Kosta, minn Sant'Andru għall-Buġibba, issa ttella' ċint li jagħmilha impossibli biex bniedem jinżel ħdejn il-baħar, almenu għal tulijiet sostanzjali tal-istess triq, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema se jkunu l-postijiet ta' aċċess li minnhom jista' jintlaħaq il-baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aċċess għal-kosta, se jkun minn ħdejn ir-roundabout ta’ ħdejn il-Magħtab (chainage 3800), minn ħdejn ir-ramla (chainage 4680), u minn ħdejn ir-rounabout ta' Baħar iċ-Ċagħaq (chainage 5150 u chainage 5500).
Il-bajja li hemm ħdejn il-lukanda kif ukoll is-slipway tad-dgħajjes se jibqgħu aċċessibli.