Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-venda ta' Buġibba/Qawra titnaddaf sew minn ħafna ħaxix li għandha madwarha, liema ħaxix qed ikun ta' periklu għal dwk li jkunu qed jistennew?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm din hija żona li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar, se jintbagħtu uffiċjali tad-Direttorat għat-Tindif sabiex isir ix-xogħol neċessarju.
Billi l-venda ta' Buġibba/Qawra hi waħda mill-aktar frekwentati li għandna f'Malta, jista l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex tinbena latrina pubblika fl-istess post, għal benefiċċju ta' dawk li jużaw it-trasport pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien l-ammont ta' prodott agrikolu li nbiegħ lill-persuni li mhumiex hawkers? Kemm hemm permessi li ħarġu biex persuni li mhumiex hawkers ikunu jistgħu jixtru prodott agrikolu mill-Pitkalija? Kemm kien l-ammont ta' prodott agrikolu li ntrema mill-Pitkalija matul April u Marzu 2015 u Mejju s'issa?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex għall-ewwel parti tal-Mistoqsija jispeċifika għall-liema perijodu qed jirreferi. Rigward il-kumplament ngħarraf li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-ammont ta’ permessi li nħarġu bis-sistema l-ġdida ta’ reġistrazzjoni li tnediet f’Marzu ta’ din is-sena huwa ta’ 562 konsumaturi privati. Ninsab mgħarraf ukoll illi r-responsabbiltà fuq il-prodott agrikolu mhux mibjugħ tibqa’ fuq il-bidwi u l-prodott jintrema jew jiddisponi minnu skond ix-xewqa tiegħu.
Billi is-sena li għaddiet, l-iskeda tat-trasport pubbliku għax-xhur tas-Sajf daħlet fis-seħħ meta kien għadda parti sostanzjali mill-istaġun, jista' l-Ministru jassigura li Transport Malta tieħu l-passi neċessarji biex din is-sena tidħol fis-seħħ qabel, u dan fl-interess ta' dawk kollha, Maltin u barranin li jużaw is-servizz?
Response (MIZZI, JOE)
Nassigura lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tieħu l-passi neċessarji sabiex l-iskeda tat-trasport pubbliku tas-sajf tidħol fis-seħħ.
San Pawl, il-Qawra u Buġibba — servizz ta' trasport pubbliku
Question
Billi postijiet turistiċi bħalma huma San Pawl il-Baħar, il-Qawra u Buġibba jimtlew b'numru sostanzjali ta' turisti, u dan b'mod partikolari fix-xhur tas-sajf, jista' jagħti tagħrif dwar x'tip ta' rakkomandazzjoni għamel il-Ministeru biex jiġi assigurat li s-Servizz tat-Trasport Pubbliku matul ix-xhur tas-Sajf, jkun tali li jlaħħaq il-ħtiġijiet tal-lokalità?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizz tat-trasport pubbliku ser jiżdied għax-xhur tas-sajf biex jilqa’ għad-domanda li tiżdied konsiderevolment. Ninformah ukoll li hemm sinerġija totali fost il-Ministeri u l-entitajiet governattivi sabiex nilqgħu għan-numri rekord ta’ turisti li rnexxielna nġibu fix-xhur li ġejjien anke fiż-żona turistika ta’ Bugibba, Qawra u San Pawl il-Baħar u dana dejjem b’rispett għar-residenti taż-żona.
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar tiġi stabbilita sistema ta’ neighbourhood watch bejn ir-residenti u l-Korp tal-Pulizija? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt il-Korp hux diġà qed jieħu sehem f’xi neighbourhood watch ieħor f’xi lokalità oħra?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 11650.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-policy dwar il-parking għar-residenti tal-lokalitajiet hix lesta? Jekk iva, meta hu mistenni li din il-policy tkun magħrufa mill-pubbliku? B’mod partikolari, jista’ jgħid jekk hux maħsub li l-istess policy tagħti l-possibilità ta’ parking għar-residenti?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 13693.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi pjanijiet partikulari għal dak li jikkonċerna l-iżvilupp tal-prodott turistiku, f'dawk l-inħawi fejn l-iktar hemm lukandi u faċilitajiet oħra l-aktar marbuta mat-turiżmu? Jekk iva, x'inhuma dawn il-pjanijiet?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-politika għat-turiżmu li għadha kemm ġiet imnedija, ser twassal għal strateġija ta’ pjan ta’ implimentazzjoni dettaljat fix-xhur li ġejjin. Fil-frattemp, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed taħdem fuq numru ta’ inizjattivi hekk kif elenkati fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
It-tnedija tal-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi hija wkoll turija ċara tal-impenn tal-Ministeru għat-Turiżmu lejn dawn iż-żoni tant importanti, speċjalment fejn jidħol ko-ordinament ta’ tindif, manutenzjoni u tisbiħ.
Billi waqt is-seduta ta' nhar l-Erbgha 13 ta' Mejju 2015, il-Ministru ta indikazzjonijiet li jistgħu jwasslu biex kemm in-numru ta' ajruplani kif ukoll in-numru ta' rottot li għandha l-Air Malta jonqsu, jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-aħħar żviluppi li qed iseħħu dwar dan? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li l-ħaddiema li għandha l-Air Malta jonqsu?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-seduta ta’ nhar l-Erbgħa, 13 ta’ Mejju 2015, jiena kont qed nitkellem dwar sistema dwar kif il-kiri tal-ajruplani mill-Air Malta jiġi razzjonalizzati dana sabiex jinbidlu deċiżjonijiet u prattiċi ħżiena u bla sens li saru fil-passat taht amministrazzjonijiet preċedenti fejn per eżempju spiċċajna krejna tnax-il ajruplan meta fil-verita’ kull ma kellna bżonn kienu għaxra u b’hekk spiċċajna b’żewġ ajruplani żejda.
Jista' d-Deputat Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-iskema marbuta mal-fondi għat-toroq rurali ġietx assenjata kollha? Jekk le, minkejja, li ż-żmien tal-applikazzjonjiet għalaq, jista' jikkonsidra l-possibilità li kunsilli lokali li ma applikawx għal tali skema, minkejja li kellhom proġetti li jaqgħu taħt din l-iskema japplikaw?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tingħata f’xi seduta oħra.
MUESAC — taħriġ fuq fondi ta' skemi tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Prim Ministru jikkunsidra l-possibilità li l-MUESAC, tibda tagħti taħriġ lis-segretarji tal-kunsilli lokali, biex dawn ikunu mgħarrfa aħjar bil-possibilità li jużaw fondi ta' skemi tal-Unjoni Ewropea?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Billi qed jirriżulta li f'dawn il-jiem kien hemm siringi qrib l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, liema sitwazzjoni, naturalment tista' tikkawża problemi għat-tfal li jattendu l-iskola primajra, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jitwaħħlu xi floodlights u possibilment cameras tas-sigurtà biex wieħed jipprova jnaqqas l-abbuż li jkun qed isir?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li ma wasal ebda lment f'dan ir-rigward lid-dipartimenti fid-dekasteru tiegħi. Peress li t-talba li qed issir hija ta’ natura li tirrigwardja l-ħarsien pubbliku, din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lid-dipartiment responsabbli mill-Kunsilli Lokali. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'xogħol sar fl-għassa tal-Pulizija ta' San Pawl il-Baħar, matul l-aħħar sena? Min wettaq l-istess xogħol? billi qed jirriżulta li dan ix-xogħol tejjeb sostanzjalment id-dehra tal-istess għassa, jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-għassa hiex se tintuża għal xi użu partikolari, li fih jistgħu jinqdew ir-residenti ta' San Pawl il-Baħar?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li saru diversi xogħolijiet fl-Għassa tal-Pulizija ta' San Pawl il-Baħar, matul l-aħħar sena. Fosthom ġew mibruxa il-ħitan li ħafna minnhom kienu mizbugħa b’żebgħa taż-żejt u wara li ġew imkaħħla u trattati kif titlob is-sengħa, tħallew fuq il-ġebla naturali. Sar ukoll l-għorik ta’ madum u fejn kien imkisser ġie mibdul. Ġew irranġati is-sistemi tad-dawl u tal-ilma kif ukoll il-wash room u ix-shower fl-istess lok. Xi kmamar li ma kienux jintuzaw ġew irranġati wkoll u llum hemm faċilitajiet ta’ dormitorju li jista jintuza jekk ikun hemm il-ħtieġa minn Pulizija Għawdxin li huma u jkunu Malta.
Dan ix-xoghol sar mit-Taqsima tas-Snajja tal-Korp li magħhom kien hemm zewġ priġunieri mil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin. Nikkonferma li l-uzu ta’ dan il-lok ser jibqgħa kif kien qabel u cioe bħala Għassa ta’ Pulizija għal San Pawl il-Baħar fis-sular t’isfel u is-sular ta’ fuq ser jibqa jintuza mid-Dipartiment tas-Saħħa, kif kien fil-passat.
Kunsilli Lokali — skemi ta' finanzjamenti minn fondi speċjali
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk għadx hemm skemi ta' finanzjament minn fondi speċjali, għall-kunsilli lokali li għalihom għadhom pendenti l-applikazzjonijiet? Liema huma dawn l-istess skemi?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jikkjarifika għal liema skema qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' ħwienet li huma liċenzjati biex joperaw, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, u dan għal dak li jikkonċerna d-Dipartiment tal-Kummerċ? Minbarra dan id-dipartiment, jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx ħwienet oħra li huma liċenzajti minn dipartimenti/awtoritajiet oħra? X'tip ta' operazzjonijiet huma hekk liċenzjati, mid-Dipartiment tal-Kummerċ, u kemm hemm liċenzji skont il-ġeneru tax-xogħol li jagħmlu?
Response (CARDONA, CHRIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bdiewa li huma ċertifkati li għandhom produzzjoni organika? Kemm hi l-art li hi hekk ċertifikata?
Response (DALLI, HELENA)
L-MCCAA hija appuntata mid-Dipartiment tal-Agrikoltura bħala wieħed mis-certification bodies. L-MCCAA iċċertifikat ħdax (11) il-bidwi li jkopru area totali ta' 34.6 ettari.
Ix-Xemxija/il-Mellieħa — xogħlijiet neċessarji fit-triq
Question
Billi fit-triq prinċipali li mix-Xemxija twassal sal-Mellieħa hi waħda importanti ferm għal dak li jikkonċerna traffiku lejn u mill-Mellieħa, kif ukoll lejn iċ-Ċirkewwa (u alura lejn Għawdex), jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-entitajiet li magħhom se jsiru l-laqgħat qabel ma jsir ix-xogħol neċessarju fuq l-istess triq, biex dan l-istess xogħol ikun jista' jsir immedjatament, possibilment qabel is-sajf?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar dan il-proġett se jinżammu ma’ dawn l-entitajiet:
Korporazzjoni tal-Ilma
Enemalta
Go plc
Vodafone
Melita
Dawn il-laqgħat ma jinkludux il-konsultazzjoni ta’ qabel ma jibda ix-xogħol ma’ diversi stakeholders oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-operatur tat-trasport pubbliku, għamilx talbiet biex ikunu jistgħu jinbidlu jew jiżdiedu xi rotot ta' karozzi tal-linja matul ix-xhur li ġejjin? Jekk iva, liema talbiet saru u liema minnhom ġew milqugħa minn Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saret l-ebda talba mill-operatur tat-trasport pubbliku biex ikunu jistgħu jinbidlu jew jiżdiedu xi rotot ta' karozzi tal-linja matul ix-xhur li ġejjin.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm vetturi li qed jaħdmu fis-Sezzjoni tal-Indafa Pubblika fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, biex jagħtu xi servizzi lill-kunsilli lokali? F'liema lokalitajiet jagħtu servizz, u f'kull każ kemm hemm vetturi li qed jagħmlu dan ix-xogħol? Kemm hemm ħaddiema assenjati mal-istess lokalitajiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li kull vettura assenjata mad-Direttorat għat-Tindif twettaq xogħolijiet kemm f’żoni li huma tal-Kunsilli Lokali kif ukoll dawk tal-Gvern Ċentrali. Il-vetturi jintużaw skont l-esiġenzi ta’ kull ġurnata.
Is-servizzi ta’ tindif jingħataw fil-lokalitajiet skont il-bżonnijiet, imma partikolarment il-lokalitajiet li huma klassifikati bħala żoni turistiċi l-iktar li jibbenefikaw minn xogħolijiet ta’ tindif.
Il-lokalitajiet huma Mellieħa, San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, Tas-Sliema, il-Gżira, Ta’ Xbiex, il-Belt Valletta, Mdina / ir-Rabat, M’Scala, M’Xlokk, B’Buġia, u l-Kottonera.
Hemm 70 ħaddiem li huma assenjati jagħmlu xogħol ta’ tindif fil-lokalitajiet imsemmija.
Kunsilli Lokali — applikazzjonijiet għall-fondi speċjali
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu s-sejħiet lill-Kunsilli Lokali biex dawn ikunu jistgħu japplikaw għall-fondi speċjali, matul l-aħħar 12-il xahar? Meta ħarġu s-sejħiet, u f'kull każ liema kienu l-kunsilli lokali li applikaw?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jikkjarifika għal liema skema qed jirreferi.