Legislature:
Category:
Reset
Active:

Triq prinċipali li twassal minn fejn il-monument tal-gwerra sa Kastilja – pelican lights

Question

Billi ż-zebra crossing li hemm fit-triq prinċipali li twassal minn fejn il-monument tal-gwerra sa Kastilja, illum hi mgħottiha bil-monument li hemm in-naħa tal-venda tal-karozzi tal-linja, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jitwaħħlu pelican lights qabel ma jinqatel jew ikorri xi ħadd b'mod serju?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi pelican crossing mhumiex rakkomandabbli f’dan is-sit, iżda ser jiġu kkunsidrati miżuri oħrajn biex tiġi mtejba l-viżibilita’ taż-zebra crossing.
Leg 12 PQ #31273 Sitting 486 2017-02-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Buġibba, Qawra u San Pawl il-Baħar — tappieri

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tappieri tad-drenaġġ (manholes) li għandha l-Water Services Corporation fl-inħawi ta' Buġibba, Qawra u San Pawl il-Baħar? Billi numru sostanzjali minn dawn il-manholes huma mniżżla ‘l isfel mill-wiċċ tat-triq, jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-istess tappieri, u t-tarmakk ta’ madwarhom jiġu rranġati?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li peress li hemm ammont sostanzjali ta’ tappieri tad-drenaġġ fiż-żona tal-Qawra, Buġibba u San Pawl il-Baħar, l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Burmarrad – Triq Burmarrad – twa··il ta’ crash barrier

Question

Billi fit-triq prinċipali ta' Burmarrad (Triq Burmarrad) direzzjoni lejn San Pawl il-Baħar (faċċata tax-showroom tal-karozzi) kien hemm numru ta' bollards li tkissru f'numru ta' inċidenti tat-traffiku, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex titwaħħal crash barrier fl-istess post?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħek lill-Transport Malta.

Service boxes

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ service boxes (dawk il-kaxxi kbar taħt l-art li huma mgħottija bi frame u pjanċa tal-ħadid, u kultant b'materjal ieħor), li għandha l-GO Plc jew kumpanija oħra tat-telekomunikazzjoni fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? X'kontroll qed twettaq Transport Malta fuq dawn il-kaxxi? Meta saru l-aħħar spezzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar jeżistu 372 service boxes. Il-manutenzjoni ta’ dawn il-kaxxi hija responsabilta’ tal-entita’ kkonċernata. Fit- talba tal- permess tiskatta l- proċedura ta' Transport Malta li tieħu ħsieb li jiġu osservati l- kundizzjonijiet u jsiru l- ispezzjonijiet meħtieġa jew mitluba minn żmien għal żmien. Meta u jekk ma jiġux osservati l- kundizzjonijiet tiskatta proċedura oħra ta' penali sakemm ix- xogħol jiġi ċċertifikat tajjeb.

Kennedy Grove — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħol hu mistenni li jsir f'Kennedy Grove, limiti ta' San Pawl il-Baħar, mill-Ministeru? Meta hu mistenni li jitlesta dan ix-xogħol?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li m’hemmx ippjanati xogħlijiet ġewwa Kennedy Grove – jigifieri l-parti ta’ isfel tal-Park tas-Salina. Ix-xogħlijiet li qegħdin isiru bħalissa huma fin-naħa ta’ fuq tal-Park tas-Salina u relatati mas-sejħiet għall-offerti li ħarġu għar-rigward ta’ apparat tal-logħob aċċessibbli għal kulħadd, tqegħid ta’ tapit tal-ħaxix artifiċjali u xiri ta’ lighting bollards u fanali. Ix-xogħlijiet huma mistennija li jitlestu lejn l-aħħar ta’ Marzu.

Il-Magħtab – rwejjaħ fl-inħawi tal-miżbla

Question

Billi matul dawn il-jiem kien hemm irwejjaħ kbar ħerġin mill-inħawi tal-miżbla (engineered landfill) tal-Magħtab (jew l-Għallis), jista’ l-Ministru jassigura li dawn l-irwejjaħ jinqatgħu darba għal dejjem? Skont it-testijiet li qed isiru, x’livell ta’ rwejjaħ qed jirriżultaw, u kif qed jitqabblu mal-livelli aċċettati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant hekk kif kien spjegat fir-risposta tal-mistoqsija Parlamentari PQ 30791, s-siti tal-Wasteserv fiż-żona tal-Magħtab huma suġġetti għall-permessi ambjentali li jobbligaw lill-WasteServ Malta Ltd. li żżomm Odour Monitoring Log regolari kemm fuq is-siti tagħha fil-Magħtab, kif ukoll fil-madwar immedjat. Dan il-Log jieħu inkonsidirazzjoni l-kundizzjonijiet atmosferiċi li jistgħu jagħmlu mpatt fuq l-intensità u t-tip tar-riħa li tiġi ġġenerata mis-siti tal-WasteServ fil-lokalita’ tal-Magħtab. Ir-records mis-6 ta’ Frar 2017 sas-17 tal-istess xahar, jindikaw li filwaqt li kien hemm livell pjuttost għoli ta’ riħa ġol-kumpless tal-WasteServ innifsu, kif mistenni minħabba n-natura tal-operat li jsir hemmhekk, fiż-żona tal-coast road ġiet irreġistrata riħa li kienet relativament ta’ anqas intensità, filwaqt li ma ġiet irreġistrata l-ebda riħ fiż-żona ta’ Baħar iċ-Ċagħaq. Minkejja dan, l-ERA qegħda tkompli bid-diskussjonijiet tagħha mal-Facilità tal-Wasteserv sabiex jitjiebu il- miżuri biex jiġu kkontrollati aħjar l-irwejjaħ li joriġinaw mill-kumpless tal-Magħtab.
Leg 12 PQ #31018 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS — studenti

Question

Jista' l-Minsitru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti li qed jattendu xi kors fl-ITS, sena sena, kors kors? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar minn liema lokalitajiet ġejjjin dawn l-istess studenti, (f'numru differenti għal kull lokalità)?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #31019 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Università jew l-MCAST – studenti sponsorjati mill-Ministeru jew l-MTA

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jew l-MTA humiex qed ikunu sponsors ta' xi studenti fl-Università jew fl-MCAST? Jekk iva, kemm hu n-numru ta' tali studenti sponsorjati, u f'numri totali, kemm hu n-numru ta' studenti għal kull kors?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, preżentement, m’hemm l-ebda student illi qed jiġi sponsorjat mill-Ministeru għat-Turiżmu jew mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu.
Leg 12 PQ #31020 Sitting 485 2017-02-20 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – uffiċċji permanenti fi bliet barranin

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema bliet barranin l-MTA għandha uffiċċji permanenti biex jirrappreżentaw lill-istess MTA? Kemm hemm persuni li qegħdin hekk jirrappreżentaw lill-MTA f'kull uffiċċju li għandha barra minn Malta?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għandha l-uffiċini permanenti tagħha fi Frankfurt, Ruma, Londra, Pariġi, Zurich u Vjenna fejn dawn huma mmexxija minn Maltin u persuni mill-pajjiżi rispettivi. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għandha l-uffiċini tagħha fi Frankfurt, Ruma, Londra u Pariġi fejn f’kull belt imsemmija hemm uffiċċju mmexxi minn direttur Malti mgħejjun minn impjegati mill-pajjiż rispettiv. Apparti l-uffiċini permanenti, l-Awtorita’ għandha rappreżentati tagħħa fi Brussel, Amsterdam, Stokkolma, Madrid, Varsavja, Budapest, Praga, Dubai, New York, Moska u Tokjo. Skont l-aħħar statistika ppublikata mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika insibu li meta nikkomparaw l-2016 ma l-2012, li kienet l-aħħar sena sħiħa ta’ gvern preċedenti, esperjenzajna żieda fenomenali fis-swieq turistiċi kważi kollha. Jekk nagħtu daqqa t’għajn lejn il-figuri naraw li fl-2016 meta mqabbel mal-2012, is-suq Svizzeru żdied bi kważi 57%, is-swieq Taljan u Belġjan kibru b’aktar minn nofs, u s-swieq ta’ Franza u l-Olanda b’aktar minn 34%. Insibu wkoll li s-swieq ta’ l-Iskandinavja u tar-Renju Unit kibru b’aktar minn 27%, is-suq Awstrijak kiber bi 23%, filwaqt li s-suq Irlandiż u dak Ġermaniż żdiedu b’20% u b’14% rispettivament. Huwa ta’ sodisfazzjon li naraw li qed ikollna riżultati pozittivi mhux biss fi swieq tradizzjonali u Ewropej imma wkoll fi swieq bħal dak Amerikan li mill-2012 ‘il hawn kiber kważi bin-nofs. Is-suq Spanjol irkupra ferm tajjeb fl-2016 meta laħaq u għadda iċ-ċifri reġistrati fl-2013. Is-Suq Ċiniż jibqa dejjem jikklassifika bħala s-suq Ażjatiku l-aktar attrajenti u mfittex mill-pajjiżi Ewropej. Il-ħidma ta’ dan il-gvern sabiex jisfrutta aktar dan is-suq qed dejjem tintensifika ruħha. Fl-aħħar xhur, saret ħidma mill-Gvern li ssarfet fi żvilupp importanti fil-qasam tat-turiżmu li ser iwassal biex jattira turisti f’pajjiżna ta’ ċertu livell fejn Malta tiġi rreklamata bħala high end destination. Permezz tal-koperazzjoni mal-Bank of China u Caissa International Travel Services, mistenni li sa l-2017 ser inkabbru is-suq turistiku Ċiniż b’darbtejn u nofs aktar hekk kif mistennija li nattiraw aktar minn 10,000 turist Ċiniż ta’ klassi għolja lejn Malta. Dan in-numru mistenni jikber għal 50,000 sal-2020.

Kindergarten, primarja u sekondarja – studenti li ma attendewx l-iskejjel

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta’ studenti, kemm fil-livell ta’ kindergarten, fil-livell primarju, kif ukoll fil-livell sekondarju, li ma attendewx l-iskola, maqsuma skola b’skola, kull sena bejn l-2012 u llum? Kemm minn dawn il-każijiet ta' assenza kien minħabba mard, u kemm kienu l-każijiet mhux ġustifikati, għal kull skola, għal kull sena? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk il-Ministeru jkollux din l-informazzjoni dwar l-iskejjel mhux governattivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li jinħtieġ iktar żmien biex tinġabar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Għaldaqstant, it-tagħrif mitlub ikun jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni. (Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokument PL 8510 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 488 ta' nhar it-Tlieta, 28 ta' Frar 2017)

San Pawl il-Baħar – Triq J. Quintinus – Irranġar ta’ triq

Question

Billi Triq J. Quintinus, f’San Pawl il-Baħar tfarrket waqt il-bini ta’ blokka kbira ta’ appartamenti u donnu li ħadd ma jrid jieħu passi fil-konfront ta’ min kissirha, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-parti mkissra ta’ din it-triq tiġi mibnija mill-ġdid?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħaddi l-informazzjoni li għandu lill-Ministeru kkonċernat biex ikun jista’ jidderieġi u possibilment jassisti lill-Kunsill Lokali biex it-triq tiġi rranġata mill-parti li kkawżat id-danni.

San Pawl il-Baħar – Triq J. Quintinus – permessi għal xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'permessi nħarġu minn Transport Malta (TM) matul din is-sena għal xogħol li sar fi Triq J. Quintinus, San Pawl il-Baħar? Xi spezzjonijiet wettqet TM fuq dan ix-xogħol, u x'tip ta' xogħol mistenni li jsir bħala tiswija tal-istess triq?

Response (MIZZI, JOE)

Jirriżulta li din is-sena nħarġu tlett permessi f’din it-triq. Inħarġu żewġ permessi, wieħed għall-Kumpanija GO u l-ieħor għall- Enemalta plc għall-installazzjoni ta’ arblu. Dawn il-permessi ma jinħtieġux ispezzjonijiet minħabba li x-xogħol hu minuri u l-konsultazzjoni mal-Kunsill obbligata li ssir min-naħa tal-Entita’. Inħareġ ukoll permess maġġuri għal tqegħid ta’ cables għall-Enemalta plc. Dan il-permess ġie spezzjonat regolarment waqt it-twettieq tax-xogħol fejn ġew meħuda azzjonijiet skont il-liġi minħabba nuqqasijiet fuq il-lant tax-xogħol. Jirriżulta li l-asfalt f’din it-triq tlesta l-Ġimgħa 17 ta’ Frar 2017. Ninsab infurmat ukoll li Transport Malta m’għandha l-ebda xogħol ippjanat f’din it-triq.

San Pawl il-Baħar – Triq ix-Xagħra tal-Bandieri — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq it-Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, f'San Pawl il-Baħar u li għaliha suppost li diġà ngħatat it-tender tax-xogħol meħtieġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet għandhom jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 12 PQ #31013 Sitting 484 2017-02-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn – bini mill-ġdid tal-breakwater

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-aħħar żviluppi għal dak li jikkonċerna l-bini mill-ġdid tal-breakwater ta' Marsalforn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma għandi xejn xi inżid mat-twegiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 28672.
Leg 12 PQ #31014 Sitting 484 2017-02-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Tqegħid tat-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-aħħar żviluppi għal dak li jikkonċerna t-tqegħid tat-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex? Meta hu mistenni li tinħareġ it-tender għat-tqegħid ta' dan l-istess cable?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Numru 30254. Ninforma wkoll li hu mistenni li t-tender in kwistjoni tinħareġ aktar tard din is-sena.
Leg 12 PQ #31015 Sitting 484 2017-02-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex

Question

Billi f'iktar minn okkażjoni waħda ngħad li l-Gvern qed jikkunsidra servizz ta' fast ferry bejn Malta u Għawdex, almenu sakemm jiġi deċiż x'ser isir mill-proġett tal-mina/pont, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta ħarġet it-tender biex ikun jista' jibda jopera dan is-servizz ta' fast ferry bejn il-gżejjer?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent, kumitat tekniku qed jieħu ħsieb l-abbozzar ta’ tali tender li se tiġi ppubblikata fil-futur qarib.

Korp tal-Pulizija – sejħa għal ingaġġ ta’ persuni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jerġa' jkun hemm sejħa għall-ingaġġ ta' persuni fil-Korp tal-Pulizija? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk dan l-ingaġġ hux ser ikun fil-livell ta' pulizija jew f'ranks iktar għoljin fl-istess korp?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li fil-ġimgħat li ġejjin mistennija li toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta’ Kuntistabbli tal-Pulizija.

Korp tal-Pulizija — Membri tal-korp li qed isegwu korsijiet fl-Università

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm membri tal-Korp li għandhom permess biex isegwu korsijiet fl-Università? Liema korsijiet qed isegwu (f'numru għal kull kors differenti), u jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawn il-persuni humiex marbuta li jagħmlu xi żmien ta' servizz wara li jtemmu l-korsijiet tagħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li membri tal-Korp li jridu jsegwu kors fl-Universita`, qegħdin jagħmlu dan fil-ħin liberu tagħhom. Bħalissa m’hemmx scholarships miftuħa għall-membri tal-Korp biex isegwu xi kors fl-Universita`.

Triq li twassal mix-Xemxija sal-Mellieħa

Question

Billi jidher li t-triq li twassal mix-Xemxija sal-Mellieħa mhux se ssir permezz tal-fondi tat-TEN-Ts, almenu sal-2025, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk din l-istess triq hux se ssir permezz ta' fondi nazzjonali? Jekk iva, meta hu mistenni li jsir ix-xogħol fuq din l-istess triq?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 30759, 30326, 29316, 29030, 28939, 28879, 28755, 25905, 20473, 20171.

Breakwater tal-ġebel — ħsarat

Question

Billi l-breakwater tal-ġebel li hemm ħdejn is-salini tal-melħ, liema breakwater jipproteġi lis-sukkors tal-ilma li hemm madwar l-istess salini tal-melħ, għandu partijiet sostanzjali tiegħu li tkissru, u billi dan qed jikkawża bosta problemi, u teżisti wkoll il-possibilità li ssir iktar ħsara, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan il-breakwater jitranġa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanat li fix-xhur li għaddew saru numru ta' spezzjonijiet fuq il-post u inkiteb ukoll rapport fuq dawn l-istrutturi. Ix-xogħlijiet isiru skont il-prioritajiet nazzjonali u fondi disponibbli.