Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tneħħija ta' karozzi abbandunati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija għandhiex mod ta' kif tassigura li vetturi li jkunu abbandunati jiġu mneħħija minn fejn ikunu, u dan biex ma jkunux ta' periklu, ma jkunux sors ta' ħmieġ madwarhom u lanqas ma jtellfu l-ispazju għall-parkeġġi? Billi f'lokalitajiet bħalma huma San Pawl il-Baħar, qed ikun hemm bosta diffikultajiet minħabba karozzi abbandunati, jista' jassigura li l-pulizja jkollhom fejn jitqiegħdu dawn il-karozzi biex jiġu liberati bosta spazji ta' parkeġġ li jinsabu moħlija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-Mechanical and Tranpsort Section tal-Korp, hemm tlett tow trucks li jintu¿aw biex jitneħħew vetturi li jkunu abbandunati, li fost ingombri oħra jkunu qed jieħdu spazji ta’ parkġġ fil-lokalitajiet kollha. Dawn il-vetturi jittieħdu u jinzammu fil-garaxx tal-Pulizija fil-Furjana u meta jkunu hemm, isir dak kollu meħtieġ biex jinstab is-sid, Dan wara li jħallas il-multi relatati u jirregolarizza ruħu mal-liġi, jingħata il-vettura lura. Ta’ min isemmi illi anke il-Kunsilli Lokali għandhom il-poter bil-liġi, biex separatament mil-Pulizija jneħħu vetturi abbandunati ukoll.
Leg 12 PQ #16589 Sitting 273 2015-06-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar – Triq Katerina Vitale Xemxija – problema ta’ ġrieden

Question

Billi jidher li fl-inħawi ta’ Triq Katerina Vitale, fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, qed ikun hemm problema ta’ ġrieden, jista’ l-Ministru, permezz tad-Dipartiment tas-Sanità jew ta’ xi dipartiment ieħor li jaqa’ taħtu, jieħu l-passi neċessarji biex jitqiegħed valenu f’postijiet differenti f’dawn l-inħawi u dan biex jitnaqqas dan il-periklu li jikkawżaw dawn l-istess ġrieden?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma l-Onor Interpellant li fl-ewwel ta’ Ġunju, 2015 saret spezzjoni minn uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali fit-triq imsemmija fejn ma nstabu l-ebda akkumuli ta’ żibel li jistgħu jikkontribixxu għall-infestazzjoni tal-ġrieden. Fl-istess ġurnata sar ukoll trattament għal kontra l-ġrieden kemm fit-triq indikata kif ukoll fiż-żona tal-madwar minn ħaddiema fi ħdan il-Pest Control Unit fi ħdan l-istess Direttorat.

Reserved parking spaces, normali jew minħabba diżabilità — talbiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar minn min hu ffurmat il-kumitat li jiddeċiedi dwar it-talbiet għal reserved parking spaces, normali jew minħabba diżabilità? Kemm-il darba ltaqa’ din is-sena u kemm kienu approvati talbiet u fejn? Meta saret l-aħħar laqgħa u liema talbiet ġew approvati f’din l-aħħar laqgħa? Min ipinġi fuq il-psot, l-ewwel darba dawn l-istess reserved parking spaces? Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-kunsilli lokali rispettivi jkunux infurmati b’tali deċiżjonijiet u wkoll dwar il-mod u l-jum li fih ikunu ser jinżebgħu l-istess sinjali? Jista’ wkoll jagħti tagħrif dwar liema mis-sinjali li ġew approvati fl-aħħar laqgħa ġew filfatt mizbugħa fuq il-post u meta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-Bord tal-Parkeġġ Riservat huwa kompost minn : Chairperson Rappreżentant mill-kunsilli lokali Rappreżentant mill-KNPD Rappreżentant Transport Malta Tabib Transport Malta Segretarja tal-Bord Il-Bord għall-Parkeġġ Riservat din is-sena ltaqa’ tlett darbiet, fit-23 ta’ Jannar 2015, fit-13 ta’ Marzu 2015 u fit-8 ta’ Mejju 2015, fejn ġew approvati 77 applikazzjoni. Lista ta’parkeġġi riservati li ġew approvati fil-lokalijiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ewwel darba dawn il-parkeggi riservati jiġu mplimentati minn Transport Malta. Il-Kunsill Lokali rispettiv ikun ġie kkonsultat meta tidħol applikazzjoni u l-kunsill ikun ukoll infurmat mid-deċiżjoni tal-Bord. Fi żmien jumejn mill-approvazzjoni tal-Bord, il-kuntrattur jingħata’ struzzjonijiet biex jibda l-implimentazzjoni. Il-parkeġġi riservati li ġew approvati fl-aħħar Bord ġew kollha miżbugħa.
Leg 12 PQ #16657 Sitting 273 2015-06-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Persuni b’diżabilità impjegati maċ-ċivil

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li huma impjegati maċ-Ċivil, jew mas-settur pubbliku estiż, li huma meqjusa bħala persuni b’diżabilità, biex jiġi sodisfatt dak li tirrikjedi l-liġi għall-perċentwali ta’ persuni b’diżabilità li għandhom jiġu impjegati mill-employers?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Park tas-Salina – Triq il-Qawra – siġar mejta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhi r-raġuni li numru ta’ siġar fl-inħawi ta’ Triq il-Qawra, fl-inħawi tal-park tas-Salina, qegħdin imutu? Kemm siġar mietu sa issa u ġew replaced jew għadhom hemm?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil-Onor. Interpellant li skont l-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari n-numru ta’ siġar li mietu kien ammont żgħir, ta’ 11 mill-74 tat-tip Cupressus Leylandii, li minflokom diġa tħawwlu 17-il siġra Cupressus Sempervirens. Ittieħdu kampjuni sabiex tkun determinata l-kawża iżda l-każ mhux wieħed li għandu jkun inkwetanti.
Leg 12 PQ #16659 Sitting 273 2015-06-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar — Triq J. Quintinus u Triq il-Qawra - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta ġiet imsewwija l-ħsara fuq main tal-ilma fi Triq J. Quintinus u fi Triq il-Qawra, San Pawl il-Baħar? Jista’ jieħu l-passi biex it-triq fejn saru dawn ix-xogħlijiet tiġi rranġata sew, u fl-ewwel każ jitwaqqaf ukoll il-ħela tal-ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħsara fi Triq Quintinus qed tiġi nvestigata peress illi l-ħruġ tal-ilma mhuwiex kontinwu. Il-ħsara fi Triq il-Qawra ġiet imsewwija u t-triq ingħatat wiċċ ġdid fejn saru t-tiswijiet.
Leg 12 PQ #16660 Sitting 273 2015-06-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Testijiet fuq l-ilma baħar

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16424, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma s-siti li hemm referenza għalihom? Minbarra fil-perjodu msemmi, jista’ jgħid jekk f’perjodi oħra matul is-sena jsirux testijiet dwar il-kwalità tal-ilma tal-baħar? B’mod partikolari jista’ jgħid jekk fl-ewwel nofs ta’ Mejju 2015 sarux xi testijiet dwar l-ilma tal-baħar fl-inħawi tas-Sirens Waterpolo pitch u l-Menqa, f’San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni miltuba għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #16580 Sitting 272 2015-06-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ix-Xemxija — Żvilupp ta’ bajja bir-ramel

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi żviluppi ġodda għal dak li jikkonċerna l-iżvilupp ta’ bajja bir-ramel fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar? Xi studji saru s’issa, u x’inhuma l-indikazzjonijiet dwar il-possibilità li l-istess xogħol isir? Fil-każ meta hu mistenni li jinbeda?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ilha għal dawn l-aħħar snin taħdem fuq studji sabiex aċċertat jekk proġett ta’ replenishment tar-ramel fix-Xemxija huwiex possibli li jsir mingħajr problemi. S’issa ġew konklużi studji ta’ mmudellar matematiku tal-bajja, studju fuq l-impatt tat-traffiku, studju ġeo-ambjentali, studju fuq il-benthos (ħajja taħt il-baħar), studju fuq il-popolazzjoni u studji fuq il-kontenut ta’ kimici tossiċi fis-sub-strata tar-ramel eżistenti. Bħalissa, il-perit tal-proġett qed jiffinalizza d-disinji sabiex ikunu jistgħu jiġu sottomessi lill- MEPA u għaldaqstant ikun jista’ jagħlaq l-istudji ta’ Impatt Ambjentali. Id- diffikulta’ ta’ dan il-proġett hija aktar fuq l-art milli minn ġewwa l-baħar speċjalment minħabba l-ammont ta’ traffiku u parkeġġ fiż-żona. L-indikazzjonijiet ta’ meta ser jinbeda dan il-proġett ikunu jistgħu jingħataw meta jkunu lesti dawn il-proċessi.

Xogħlijiet fuq it-triq bejn ix-Xemxija u l-Mellieħa

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsijiet parlamentari 16160 u 16025 li jikkonċernaw ix-xogħol li għandu bżonn isir fit-triq li minn San Pawl il-Baħar twassal sal-Mellieħa, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk tlestewx, jew almenu jekk inbdewx il-konsultazzjonijiet li suppost għandhom isiru qabel ikun jista’ jsir ix-xogħol neċessarju fuq il-wiċċ tal-istess triq? Jekk inbdew, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif, sa issa, ma’ liema entitajiet saru l-konsultazzjonijier u x’irriżulta minnhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-laqgħat għadhom ma bdewx iżda mistennija jsiru fil-ġimgħat li ġejjin.

Is-Salini — xogħlijiet

Question

B’referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 10156, 10548 u 15830 dwar ix-xogħol ta’ restawr li għandu jsir fis-salini, u b’referenza partikolari għall-parti tar-risposta li tgħid: ‘Barra minn hekk ikun jonqos li jitlesta r-restawr kollu tas-Sukkors’, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema hu x-xogħol li għaddej bħalissa fl-istess post, minn min qed isir u meta hu mistenni li titlesta kull parti mix-xogħol indikat? Jista’ jagħti tagħrif ukoll dwar liema huma t-tenders li għad iridu jinħarġu / jiġu aġġudikati għal dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellent għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 15436 u 15830, ninfurmah li x-xogħol li għaddej bħalissa hu r-restawr tal-bur mielaħ u x-xagħri, t-tlestija tat-triq interna fis-Salini u l-bini ta’ pont ġdid tal-ħadid fl-entratura tas-sit. Ix-xogħol ta’ restawr tal-bur mielaħ u x-xagħri (kuntratt CT3182/2013) qiegħed ssir minn Camray Company Limited u mistenni jitlesta f’Ġunju. Ix-xogħol tal-bini ta’ pont ġdid tal-ħadid fl-entratura tas-sit (kuntratt CT3184/2014) qiegħed ssir minn General Maintenance Limited u mistenni jitlesta f’Settembru. Ix-xogħol tat- tlestija tat-triq interna fis-Salini qiegħed ssir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura u mistenni jitlesta f’Settembru. Għal dawn ix-xogħlijiet m’hemmx tenders li għad iridu jinħarġu / jiġu aġġudikati.

MUESAC — taħriġ lill-kunsilli lokali dwar fondi ta' skemi tal-Unjoni Ewropea

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 16166 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u tgħid jekk tikkunsidrax il-possibilità li l-MUESAC tibda tagħti taħriġ lis-segretarji tal-kunsilli lokali biex dawn ikunu mgħarrfa aħjar bil-possibilità li jużaw fondi ta' skemi tal-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li matul ix-xahar ta’ Ġunju l-MEUSAC se jkun qed jorganizza tlettax-il laqgħa ta’ informazzjoni li huma miftuħa għall-kunsilliera u għas-segretarji eżekuttivi biex tingħata informazzjoni dettaljata dwar il-programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea u dwar l-opportunitajiet li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-kunsilli lokali. Dawn il-laqgħat se jsiru fl-uffiċċji tal-kunsilli lokali sabiex tiġi iffaċilitata l-attendenza għal dawn il-laqgħat. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-skeda dettaljata ta’ meta se jsiru dawn il-laqgħat.

Skemi fuq fondi għat-toroq rurali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16165 u jagħti tagħrif dwar jekk l-iskema marbuta mal-fondi għat-toroq rurali ġietx assenjata kollha? Jekk le, minkejja li ż-żmien tal-applikazzjonjiet għalaq, jista' jikkonsidra l-possibilità li kunsilli lokali li ma applikawx għal tali skema, minkejja li kellhom proġetti li jaqgħu taħt din l-iskema, japplikaw?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-applikazzjoni sottomessa minn Transport Malta jeżistu toroq li jinsabu fuq riserva u allura jistgħu isiru skont il-fondi disponsibli. Fil-futur jistgħu joħorġu sejħiet oħrajn simili.

Kunsilli Lokali — skemi ta' finanzjamenti minn fondi speċjali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16169, jista’ l-Ministru jagħti l-elenku sħiħ ta’ skemi ta’ fondi speċjali għall-kunsilli lokali li fadal applikazzjonijiet pendenti (li l-applikazzjonijiet għalihom għadhom qed jintlaqgħu bħalissa), u jista’ wkoll jagħti l-lista sħiħa ta’ skemi li għalkemm għalihom diġà għalqu l-applikazzjonijiet, l-istess applikazzjonijiet għadhom qed jiġu aġġudikati? Liema kunsilli għandhom applikazzjonijiet pendenti għal dawn l-iskemi, u x’kienu t-talbiet li għamlu l-istess kunsilli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi il-bieraħ 2 ta’ Ġunju 2015, għalqet is-sejħa għall-iskema ta’ għajnuna finanzjarja lill-Kunsilli Lokali li għandhom responsabbilita’ ta’ libreriji lokali. Sal-bieraħ kienu daħlu 39 applikazzjoni. Bħalissa hemm skema oħra – dik ta’ restawr ta’ postijiet storiċi u din tagħlaq fit-30 ta’ Ġunju. L-uniku skema li għada ma ġietx aġġudikata hija dik ta’ għajnuna finanzjarja għall-korsijiet ta’ Lifelong Learning 2015-2016 . Dan għaliex s’issa il-Kunsilli Lokali ippreżentaw l-espressjoni ta’ interess li jorganizzaw korsijiet fil-lokalitajiet tagħhom u għad iridu joħorġu l-applikazzjonijiet tal-korsijiet għall-pubbliku sabiex dan japplika. Dan il-proċess isir mid-Dipartiment ta’ Tagħlim għall-Ħajja. Wara li japplikaw ir-residenti, tinħadem l-iskema skont l-interess li jkun intwera għall-korsijiet. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-Kunsilli Lokali li wrew interess mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali għal dawn il-korsijiet flimkien mal-lista tad-39 applikazzjoni għall-libreriji lokali.
Leg 12 PQ #16460 Sitting 271 2015-06-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Spieri tal-bdiewa – meters stallati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ meters li ġew stallati fuq l-ispieri tal-bdiewa s’issa? F’liema lokalitajiet twaħħlu dawn l-arloġġi, lokalità b’lokalità? X’inhu l-ammont ta’ ilma li jidher li ġie kkunsmat minn dawn l-istess spieri?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Pont tal-Mistra — periklu

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jitneħħa kemm jista’ jkun malajr il-periklu li hemm fuq il-pont tal-Mistra, minħabba li jidher li parti mill-pont ċediet u tista’ taqa’ b’konsegwenzi serji ħafna fuq it-traffiku li jkun ġej u sejjer minn u lejn il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta hija konxja u qed issegwi s-sitwazzjoni ta’ dan il-pont. Mhux eskluż li jsiru nterventi ta’ natura temporanja sakemm tinsab soluzzjoni permanenti.
Leg 12 PQ #16573 Sitting 271 2015-06-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Bajja San Ġorġ u Buġibba — sorsi tar-ramel impurtat

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kien is-sors li minnu ġie impurtat ir-ramel li qed jintuża għar-riplenishment tal-bajjiet ta' San Ġorġ u Buġibba rispettivament? Kemm kien l-ammont ta' ramel li ntuża f'kull waħda minn dawn il-bajjiet? X'wassal biex ir-ramel jasal tard iktar milli kien mistenni?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-ramel għaż-żewg bajjiet ġie mpurtat mill-istess sors ta’ ramel li nġieb fl-2004, fl-2006 u fl-2007, jiġifieri mill-Ġordan. Dan minħabba l-fatt illi l-materjal irid ikollu l-istess karatteristiċi. B’kollox inġabu 5,300 tunnellata ramel maqsum bejn 3,500 tunnellata għal bajja ta’ San Ġorg u l-kumplament ta’ 1,800 tunnellata għal bajja ta’ Buġibba. Minħabba raġunijiet loġistici fil-port tal-oriġini, il-vapur telaq mill-port ta’ Aqaba fil-Ġordan, jumejn iktar tard milli kien pjanat u b’hekk il-vapur wasal jumejn tard Malta. Dan ġara wkoll del resto fis-sena 2007 fejn minflok ir-ramel ġie f’Mejju ġie fix-xahar ta’ Lulju. Minħabba li l-vapur wasal Malta il-Ġimgħa filgħodu, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ħadet id-deċizjoni li sabiex ma jkunx kemm inkonvenjent fil- weekend f’Buġibba, ix-xogħol jibda’ mill-ewwel it-Tnejn ġewwa San Ġorg, kif kien pjanat, u mbagħad jitkompla ġewwa Buġibba l-Hamis u l-Ġimgħa. Ix-xogħol baqa’ sejjer anke tul il-lejl u għaldaqstant kien lest f’ħamest ijiem.

Ħarsien ta' regolament minn vetturi reġistrati barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-kwistjoni marbuta man-nuqqas ta' ħarsien tar-regolamenti minn vetturi reġistrati barra minn Malta, minħabba li dawn il-vetturi ma jkollhomx id-dettalji tagħhom miġbura fuq is-sistema tal-informatika dwar il-vetturi f'Malta, hux se tiġi indirizzata? Jekk iva, meta, u kif se jsir dan?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent m’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 15981

San Pawl il-Baħar — frekwenzi ta' karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex tiżdied il-frekwenza tal-karozzi tal-linja li għandhom in-numru 41 u 42 għaliex diġà qed ikun hemm dewmien sostanzjali għal dawk il-passiġġieri li jippruvaw jirkbu dawn il-karozzi miċ-Ċentru ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex il-karozzi tal-linja li jkunu ġejjin mill-Mellieħa, bid-destinazzjoni aħħarija tkun l-airport, jgħaddu ukoll miċ-ċentru ta' San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 16377, fejn ġew elenkati iż-żidiet fil-frekwenza ta’ ċertu rotot fl-iskeda tas-sajf. Fost iż-żidiet li sejrin jidħlu fis-sehh hemm ir-rotta 42 (Ċirkewwa – Valletta u li tgħaddi miċ-ċentru ta’ San Pawl) illi il-frekwenza tagħha ser tiżdied minn kull siegħa għal kull nofs siegħa. Ir-rotta 222 (Ċirkewwa – Tas-Sliema u li tgħaddi miċ-ċentru ta’ San Pawl) ukoll ser tiżdiedilha l-frekwenza tagħha minn kull nofs siegħa għal kull 20 minuta. Infurmat ukoll illi qed tigi kkunsidrata il-possibilta’ li r-rotta X1, jiġifieri dik ir-rotta li miċ-Ċirkewwa tmur lejn l-Ajruport, tibda tgħaddi miċ-ċentru ta’ San Pawl il-Baħar minflok kif tagħmel illum mill-bypass tax-Xemxija.

L-Iskema Toroq fir-raba’

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq għall-bdiewa hu mistenni li jsiru skond l-iskema tat-Toroq fir-Raba’ li minnhom qed jingħad li ser jibbenefikaw 450 bidwi bejn full time u part time? Meta saru l-aħħar sejħiet, u liema kienu l-kunsilli li applikaw?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ma hemm xejn xi nżid mat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari 12561.
Leg 12 PQ #16424 Sitting 270 2015-06-01 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Samples tal-ilma tal-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kull meta jittieħdu samples tal-ilma tal-baħar, minn madwar Malta u Għawdex? Minn liema lokalitajiet jittieħdu s-samples u b'liema frekwenza? Meta l-aħħar li ttieħdu samples minn postijiet differenti fil-bajja ta' San Pawl il-Baħar? X'kienu r-riżultati tas-samples li ttieħdu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-istaġun tal-għawm, li jkopri l-perjodu bejn it-tielet ġimgħa ta’ Mejju sat-tielet ġimgħa ta’ Ottubru, l-kampjuni tal-ilma baħar jittieħdu kull ġimgħa u dan il-monitoraġġ ikopri 87 sit madwar Malta u Għawdex. Il-kampjuni tal-ilma baħar jittieħdu kull nhar ta’ Tnejn u l-aħħar kampjuni li ttieħdu indikaw li l-kwalita’ tal-ilma baħar hija tajba.