Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16986 li oriġinarjament saret lil Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima u jieħu l-passi neċessarji biex il-ħaxix li hemm taħt is-siġar taż-żebbuġ fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, jinqata' qabel ma jingħata jew jieħu n-nar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li t-tindif neċessarju qed isir mid-Direttorat tat-Tindif fi ħdan il-Ministeru tiegħi.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ klieb li huma microchipped f’kull waħda mil-lokalitajiet f’Malta skont il-kunsilli lokali rispettivi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li n-numru ta’ klieb li xi darba jew oħra ġew chipped huwa ta’ 59,264. Iżda hawnhekk ta’ min ifakkar li jekk kelb imut u ma jkunx irrapportat dan jibqa’ jidher fid-database. Fir-rigward tal-aħħar parti tal-mistoqsija ninsab infurmat li din l-informazzjoni ma tistax tinġabar għaliex meta inħolqot id-database snin ilu ma kinitx tagħmilha tassattiva li titniżżel eżatt l-lokalità ta’ fejn hu residenti s-sid, iżda l-iktar ħaġa importanti kienet li jitniżżel it-telefon tas-sid biex f’każ li jintilef kelb, sidu jkun jista’ jiġi kkuntattjat. Inżid ukoll li l-informazzjoni tiddaħħal fid-database mill-veternarji nnifishom li jkunu ċċippjaw lill-kelb u l-indirizz jiddaħħal f’spazju wieħed li mbagħad ma tkunx tista’ toħroġ rapporti bil-lokalità u saħansitra ħafna drabi jiddaħħal l-indirizz tal-klinika u mhux ta’ sid il-kelb. Ta’ min jgħid li sal-lum pero ma nħoloq l-ebda inkonvenjent b’din is-sistema minħabba l-fatt li l-iskop tas-sistema hu li jinstab is-sid tal-annimal aktar milli l-lokalità fejn ġie reġistrat.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu hiex qiegħda tkun viġilanti biex tara li l-istabbilimenti turistiċi jkollhom kuntratt privat għal dak li jikkonċerna l-ġbir ta’ skart minn dawn l-istess stabbilimenti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Liġi u Regolamenti tal-istabbilimenti turistiċi, m’hemm l-ebda obbligu legali li l-istabbilimenti turistiċi ikollhom kuntratt privat għal dak li jikkonċerna ġbir ta’ skart.
L-Awtorità tkun viġilanti billi tivverifika li fiżikament hemm post fejn jiġi mizmum l-iskart, kif ukoll tara li ma jitħalliex skart barra.
Minn naħa l-oħra, jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal dawk l-istabbilimenti li għandhom liċenzja sabiex jipprovdu l-ikel, dawn l-istabbilimenti għandhom l-obbligu li jizguraw li l-iswill jinġabar biss minn persuni li jkollhom liċenzja għal dan l-iskop mill-awtorita’ kompetenti.
Waqt spezzjonijiet regolari li tagħmel l-Awtorità f’dawn l-istabbilimenti, l-Awtorità tistaqsi min qed jiġbor dan l-iswill u titlob dokumentazzjoni li tikkorobora dan.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqisja parlamentari 16988, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar ta' liema nazzjonalità kienu l-persuni allegatament involuti fil-ġlidiet li hemm imsemmija fl-istess risposta?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kolox kien hemm wieħed u ħamsin persuna nvoluti f’dawn il-ġlidiet. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16987, billi kif jingħad, il-passat mhux garanzija tal-futur, jista’ l-Ministru jgħid preżentament kemm hu n-numru ta’ kaxxi li qegħdin fiċ-ċirkulazzjoni? Billi l-bdiewa kollha qed jiffaċjaw problemi kbar għal dak li jikkonċerna l-kaxxi, jista’ jieħu l-passi neċessarji biex jinvestiga kemm hemm bżonn ta’ kaxxi, iktar u iktar fid-dawl ta’ diversi dikjarazzjonijiet li saru dwar il-mod kif ir-riforma suppost se taffettwa lill-bdiewa anke f’dan ir-rigward?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, kien hemm diversi fatturi kif spjegat aktar ‘il quddiem fejn in-numru ta’ kaxxi li qegħdin fiċ-ċirkulazzjoni ma jistax ikun magħruf b’eżattezza. Fost il-fatturi mgħarrfa lili hemm:
· In-nuqqas ta’ żamma ta’
records
sodisfaċenti ġejja mill-amministrazzjoni ta’ qabel,
· Il-fatt li meta fl-2010 ġiet xolta l-kumpanija Pitkali Crates Ltd, ma ngħatat l-ebda forma ta’
hand-over
lill-Gvern ta’ dak iż-żmien,
· Li fil-passat kienu jiġu stampati l’hekk imsejħa “kupuni” (biljetti) li kienu jinbiegħu lill-bdiewa bl-addoċċ mingħajr ebda konsiderazzjoni ta’ kemm hemm kaxxi,
· Li din is-sistema kienet qed tiġi abbużata tant li nstab numru ta’ kupuni minn dawn li kienu foloz,
· Li numru ta’ kaxxi li kienu suppost għall-użu tal-bdiewa spiċċaw f’użu għalkollox differenti, fosthom fil-ħwienet tal-merċa,
ironmongers
,
launderettes
,
diving clubs
, djar privati, fost oħrajn,
· Li numru sostanzjali oħra minn dawn il-kaxxi huma miżmuma fl-imħażen tal-bdiewa/pitkala/xerrejja stess bħala “riserva”,
· Każijiet ta’ serq. Fl-2011 lill-Pulizija ġew irrapurtati misruqa eluf ta’ kupuni. Ittieħdet azzjoni fil-Qrati fejn ħadd ma ġie identifikat bħala ħati.
Kif jista’ jifhem l-Onor. Interpellant is-sistema tal-kaxxi fil-Pitkalija kienet waħda mħawda, abbużata, misruqa, mhux ikkontrollata u mhux waħda li tista’ toqgħod fuqha.
Din hi s-sitwazzjoni li writtna u li qegħdin nippruvaw nikkontrollaw biex il-bdiewa jkunu verament moqdija.
Għal dan il-għan irtirajna l-
vouchers
qodma kollha:
· Ħriġna
vouchers
ġodda li prattikament ma jistgħux jiġu kkuppjati;
· Issa għandna rekord attwali ta’ kemm hemm minn dawn il-
vouchers
hemm fl-idejn;
· Din is sena mis-7 ta’ Awwissu 2013 sat-23 ta’ Lulju 2014 xtrajna u ħriġna b’kollox 31,976 kaxxa ġdida; u
· Din is-sena diġà nxtraw 5,000 kaxxa u sal-aħħar tax-xahar ikunu nxtraw 20,000 kaxxa oħra.
Bħala parti mir-riforma fil-Pitkalija qegħdin isiru studji u diskussjonijiet ma’ dawk kollha kkonċernati biex tinstab l-aħjar sistema li tiggarantixxi l-provvista ta’ dawn il-kaxxi għall-użu tal-bdiewa, b’regolamenti stretti li jkunu jikkontrollaw l-abbużi.
Siġar tal-Bajtar ta' San Ġwann — tħawwil ta' siġar
Question
Billi jidher li numru sostanzjali ta' siġar tal-bajtar ta' San Ġwann mietu matul l-aħħar xhur, jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru nvestigax ir-raġuni għal dan il-mewt ta' siġar? Minbarra hekk, jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux qed jitfassal xi pjan partikulari biex jitħawlu iktar minn dawn is-siġar, biex tkun tista' tiġi salvata din is-siġra partikulari?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-mewt tas-siġar tal-bajtar ta’ San Ġwann u tin qed tiġi kkawżata minn insett magħruf bħala Hypocryphalus scabricollis (bark borer) li jtaqqab fiz-zokk tas-siġar. Dan l-insett ilu magħruf sewwa mal-kommunità tal-bdiewa għal bosta snin.
Id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti għamel numru kbir ta’ spezzjonijiet matul l-aħħar snin qabel wasal għal konklużjoni li dan l-insett qed jikkawża l-mewt ta’ dawn is-siġar. Id-Direttorat beda joffri għajnuna teknika dwar il-kontroll ta’ dan l-insett.
Il-Ministeru, permezz tad-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti ħejja pjan ta’ azzjoni għall-kontroll tal-insett
Hypocryphalus scabricollis
li ġie preżentat għall-approvazzjoni tal-Bord għall-Protezzjoni tal-Pjanti. Il-Pjan, li mistenni jiġi mniedi fil-ġimgħat li ġejjin jinkludi azzjonijiet sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf aħjar dwar dan l-insett, dwar ir-riċerka, kif ukoll dwar it-tnissil ta’ dawn is-siġar permezz taċ-Ċentru ta’ Mikropropogazzjoni. L-għan aħħari hu li jiġi kkontrollat dan l-insett u jitħawlu siġar biex jissostitwixxu dawk li mietu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk waslux rapporti ġodda ta' preżenza tat-tuta absoluta fit-tadam, f'Malta u f'Għawdex? Jekk iva, x'passi qed jieħu l-Ministeru biex jassigura li ma nerġgħux nitilfiu ammont sostanzjali ta' tadam, bħalma kien ġara numru ta' snin lilu? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru tax xi pariri partikulari dwar din il-problema?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari d-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti jikkonferma li rċieva xi rapporti fejn jindikaw li l-inċidenza tat-Tuta absoluta jista’ jkun reġgħet żdiedet xi ftit din is-sena meta mqabbla ma’ dawn l-aħħar snin.
Id-Direttorat kompla jagħmel spezzjonijiet ta’ monitoraġġ kemm fis-serer fejn issa l-produzzjoni waqfet, kif ukoll fl-għelieqi fejn bħalissa qed jitkabbar it-tadam għall-ipproċessar. Dan il-monitoraġġ iservi sabiex tiġi kkwantifikata l-problema ta’ infestazzjoni kif ukoll sabiex dan id-Direttorat ikun f’pożizzjoni li jagħti pariri u linji gwida fuq kif għandha tiġi kkontrollata l-marda, u milli tkompli tinfirex aktar.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16912, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba, u dan speċifikament b’referenza għal dik il-parti tat-triq li tinsab eżatt wara t-traffic lights u salib it-toroq ma’ Triq Dawret in-Nawfraġju?
Response (MIZZI, JOE)
Nerga nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħti aktar dettallji dwar il-periklu previst fl-imsemmija triq.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – Irranġar ta’ mains tal-ilma
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-partijiet mhux imwieġba tal-mistoqsija parlamentari 16970 u ċjoè: jgħid kemm-il darba l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ġew imsejħa biex isewwu ħsarat li seħħu fil-mains tal-ilma, matul din is-sena, fil-lokalitajiet tat-12-il distrett (il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar)? Meta saru dawn is-sejħiet u fejn kienu l-ħsarat li ġew irrapportati?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16970 fejn fiha hemm indikat ċar kemm il-darba l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ġew imsejħa biex isewwu ħsarat imsemmija matul din is-sena fil-lokalitajiet tat-12-il distrett.
San Pawl il-Baħar — Triq ix-Xagħra tal-Bandieri - xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16981, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk id-diffikultajiet legali li kien hemm mas-sidien tal-art fejn se tgħaddi t-triq ġewx megħluba u jekk iva, kif?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta twettaq xogħlijiet ta’ asflatar għall-ewwel darba wara li triq tkun iffurmata mis-sidien jew żvilluppaturi. Fir-rigward ta’ Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, abbażi tal-Artikolu Erbatax (14) tal-Avviż Legali numru 39 tal-2010, is-sidien kienu mfakkrin dwar l-obligu tagħhom li jifformaw it-triq, inkluż l-akkwist ta’ art neċessarja għall-istess formazzjoni, permezz ta’ avviż li ġie ppublikat fil-Gazzetta tal-Gvern tat-12 ta’ Diċembru, 2014.
Qawra, Buġibba u San Pawl il-Baħar – karozza tal-linja ċirkolari
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-servizz ta’ karozza tal-linja ċirkolari li twassal nies madwar il-Qawra, Buġibba u San Pawl il-Baħar, għadux jiġi pprovdut? Jekk iva, minn min u b’liema frekwenza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jekk qiegħed jirreferi għar-rotta ċirkolari illi kienet ġiet introdotta mar-riforma tat-trasport pubbliku fis-sena 2011, li kellha in-numru 129 u li kienet tgħaqqad il-lokalitajiet ta’ Burmarrad, Wardija, San Pawl il-Baħar, il-Qawra u Buġibba, ninsab infurmat illli din ir-rotta kienet twaqqfet fl-istess sena.
Restoranti u Stabilimenti tal-ikel — agreement fuq servizz ta' refuse collection
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu għandhiex kundizzjonijiert speċifiċi biex ir-restoranti u stabilimenti oħra tal-ikel jorbtu lilhom infushom b'agreements li jkollhom servizz ta' refuse collection għal dak li hu l-iskart li jiġġeneraw?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-obbligu u r-responsabbilita’ tal-ġbir ta’ skart huwa tal-operatur. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu m’għandhiex forom ta’ ftehim hekk kif imsemmija fid-domanda parlamentari.
Bħala Awtorita’, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu m’hix responsabbli għal ġbir ta’ skart.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma s-slipways li hemm f'San Pawl il-Baħar għandhom parati li għandhom bżonn jinbidlu? Jekk iva liema huma, u meta hu mistenni li dawn il-parati jinbidlu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħal ma digà kelli l-okkazjoni ninfurmah f’interventi preċedenti, il-Kunsilli Lokali huma responsabbli għall-manutenzjoni ta’ slipways pubbliċi. Dan skond l-Att tal-Kunsilli Lokali li jistipula li waħda mill-funzjonijiet ta’ kull Kunsill Lokali għandha tkun dik li jipprovdi biex jinżamm fi stat tajjeb u għall-manutenzjoni ta’, jew titjib ta’, fost l-oħrajn, xatt il-baħar, il-mollijiet jew postijiet oħra ta’ passaġġ jew aċċess pubbliku. Għalhekk fil-każ speċifiku li qed isemmi l-Onor. Interpellant huwa l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li huwa responsabbli għat-tibdil tal-parati ta’ slipways fejn dawn huma ta’ aċċess pubbliku u li mhumiex proprjetà privata.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-ħaxix li hemm taħt is-siġar taż-żebbuġ fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, jinqata' qabel ma jingħata jew jieħu n-nar?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jassigura li l-bdiewa jkollhom biżżejjed kaxxi fil-Pitkalija biex ikunu jistgħu jwasslu l-prodotti tagħhom fil-Pitkalija? Kemm hu preżentement in-numru ta' kaxxi li għadhom qed jintużaw?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor.Interpellant li skond l-informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ma jidhirx li fil-passat kien jinżamm rendikont ta’ kemm kaxxi nxtraw, kemm kaxxi nbiegħu, kemm minn dawn il-kaxxi tkissru, kemm huma maħżuna għand bdiewa jew pitkala jew xerrejja, u kemm minnhom marru għal xi użu ieħor. Għaldaqstant, mhux possibbli li jingħad kemm hu preżentament in-numru ta’ kaxxi li hemm fl-użu.
Fil-ġimgħat li ġejjin huwa kkalkulat li ser jidħlu għall-użu 25,000 kaxxa ġdida
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm rapporti ta' ġlidiet fit-toroq ta' San Pawl il-Baħar matul l-aħħar ħames xhur? Jekk iva, f'liema toroq seħħew il-ġlidiet rapportati? Fejn seħħew?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul laħħar ħames xhur ġewwa il-lokalità ta` San Pawl il-Baħar ġew irrapurtati 23-il każ ta` ġlied lil Pulizija. Dawn kienu kif jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari rigward siġar li qed imuru fl-inħawi ta' Kennedy Grove, billi jidher li hemm xi siġar oħra li qed imuru, jista' l-Ministru jindaga jekk hemmx xi raġuni partikolari li għaliha dawn l-istess siġar qed imutu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond it-tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, minn testijiet li saru s’issa fuq is-siġar li mietu jidher li l-problema ġejja minn tip ta’ fungus li għadu ma giex identifikat. It-testijiet biex jiġi identifikat dan il-fungus għadhom għaddejjin.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – Irranġar ta’ mains tal-ilma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darbal-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ġew imsejħa biex isewwu ħsarat li seħħu fil-mains tal-ilma, matul din is-sena, fil-lokalitajiet tat-12-il distrett (il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar)? Meta saru dawn is-sejħiet u fejn kienu l-ħsarat li ġew irrappurtati?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni li għaddietli l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, din is-sena daħlu 282 rapport ta’ ħsarat fil-lokalitajiet tat-12-il distrett.
San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar – ilma unaccounted for
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-volum ta’ ilma li qed jitqies bħala unaccounted for fil-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar, matul l-aħħar sitt xhur, xahar xahar, lokalità b’lokalità?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Billi numru ta' xhur ilu kien inawgurat parking fil-Qawra, liema parking mhu xejn ħlief għalqa bit-trab, jista' l-Minstru jieħu l-passi neċessarji biex din l-għalqa tingħata t-tarmak?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi kien mitlub jagħti l-assistenza biex l-imsemmija art ma tibqax miżbla u tiġi mnaddfa u mwittija biex issir parkeġġ temporanju tal-vetturi u tkun aċċessibli.
Fiċ-ċirkostanzi, u biex dan is-sit ikun jista’ jintuża bl-aktar mod komdu mis-sewwieqa, ser jittieħdu l-miżuri biex il-wiċċ tal-parkeġġ terġa tiġi mgħoddija b’romblu u tixxarrab kif ikun meħtieġ ħalli dejjem jitnaqqas l-inkonvenjent li jista’ jinħoloq bit-trabijiet.