Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żieda fl-Emissjonijiet f’Malta

Question

Billi l-ġurnal “l-Orizzont” tas-16 ta’ Ġunju 2015 f’paġna 9 irraporta li fl-2014 l-emissjonijiet f’Malta żdiedu bi 2.5% meta mqabbel mal-2013, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’jista’ jkun li wassal għal din iż-żieda?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-informazzjoni dwar emissjonijiet ma tinġabarx minn dan l-Uffiċċju iżda tiġi sottomessa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Leg 12 PQ #17373 Sitting 283 2015-07-01 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar — Triq Patri Ġużepp Calleja - appartament - ħmieġ

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet preċedenti rigward ħmieġ akkumulat f'appartament fi Triq Patri Ġużepp Calleja f'San Pawl il-Baħar, liema appartament ground floor qed iservi ta' miżbla għal dawk li jitfgħu kull tip ta' imbarazz fih filwaqt li r-residenti huma perokkupati minħabba infestazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw, iktar u iktar issa li s-sħana tas-sajf tibda tagħmel tagħha, jista' l-Ministru jaċċetta l-kollaborazzjoni tal-pulizija biex dan il-flat ikun jista' jitnaddaf? Jista' jikkonferma li l-file tal-każ jinstab il-head office u li għalissa għadha ma tteħditx azzjoni biex il-pulizija jkunu jistgħu jikkollaboraw mas-sanità biex il-ħmieġ jitnaddaf?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma l-Onor. Interpellant illi peress li l-inkwwelin jinsab barra l-pajjiż, id-Dipartiment tas-Sahha Ambjentali qed jaħdem flimkien mal-pulizija biex jittieħdu l-passi neċessarji.
Leg 12 PQ #17374 Sitting 283 2015-07-01 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar – ilma unaccounted for

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16971 u jgħid kemm hu l-volum ta’ ilma li qed jitqies bħala unaccounted for fil-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar, matul l-aħħar sitt xhur, xahar xahar, lokalità b’lokalità?

Response (MIZZI, KONRAD)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba parlamentari 16661 (sittax-il elf, sitt mija, wieħed u sitting), ninfurmah li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, tuża l-Infrastructure Leakage Index (ILI) li huwa r-ratio Current Annual Real losses diviż bl-Unavoidable Annual Real Losses. Jekk dan ir-ratio ikun 2 ikun riżultat tajjeb, jekk ikollok ri¿ultat ta’ anqas minn 2, ikun riżultat eċċellenti skont din l-industrija. Tajjeb li nsemmu li San Pawl il-Baħar (jinkludi wkoll Xemxija, Buġibba, Qawra, Burmarrad u Salina); il-Mellieħa (sal-Għadira); u n-Naxxar (jinkludi Madliena, Ibraġġ, parti mill-Iklin u San Ġwann) Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tabella hawn taħt li telenka leakage ta’ metru kubu fis-siegħa. Mellieha San Pawl il-Baħar Naxxar 2010 19.32 21.27 11.52 2011 19.28 19.35 12.84 2012 14.91 15.10 12.55 2013 19.32 18.27 12.79 2014 18.31 15.70 9.93
Leg 12 PQ #17375 Sitting 283 2015-07-01 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – Irranġar ta’ mains tal-ilma

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17194 u 16970, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha ma jridx jagħti l-informazzjoni mitluba fl-istess domandi parlamentari? Billi f'ċertu każijiet jkun hemm ħsarat li jibqgħu jirrepetu ruħhom, jista' jagħti tagħrif dwar xi proċeduri jintużaw qabel ma jkun deċiż li jinbidlu partijiet sħaħ tal-main?

Response (MIZZI, KONRAD)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16970 (sittax-il elf, disa’ mija u sebgħin), ninfurmah illi l-ħsarat u t-tiswijiet fil-mains tal-ilma jammontaw għal 282. Il-postijiet minn fejn saru dawn is-sejħiet u kemm-il darba ġew mgħajjta huma: · Baħar iċ-Ċagħaq – 2 · Buġibba – 4 · Burmarrad – 18 · Magħtab – 8 · Manikata – 3 · Mellieħa – 43 · Naxxar – 45 · Qawra – 1 · Salina – 6 · San Pawl il-Baħar – 149 · San Pawl tat-Tarġa – 1 · Wardija – 2 Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tinforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-maġġoranza tal-ħsarat ikunu fuq servizzi bejn il-mejnijiet u l-meters ġewwa r-residenzi. Dawn jiġu rranġati minnufih. Meta jkun hemm ħsarat repetuti fuq main , jinfetaħ file, isiru l-istimi neċessarji u jinħarġu tenders biex isiru x-xogħlijiet.

San Pawl il-Baħar — parkers

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm parkers awtorizzati li jagħmluha ta' parkers fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? F'liema partijiet ta' San Pawl il-Baħar huwa awtorizzati li jkun hemm ħlas ta' servizz ta' parker f'din l-istess lokalità? F'kull każ, kemm ilu awtorizzat li jagħmilha ta' parker f'dawn il-postijiet differenti li għadna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat illi hemm żewġ persuni li huma awtorizzati joperaw bħala car park attendants mis-sit ta’ parkeġġ li jinsab fi Triq il-Maskli fil-Qawra, li huwa l-uniku sit ta’ parkeġġ amministrat minn Transport Malta fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. Infurmat ukoll li dawn iż-żewġ persuni ilhom awtorizzati li joperaw minn dan is-sit mis-7 ta’ April tal-2003, u mill-14 ta’ Frar tal-2003 rispettivament.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - tarmak

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16982, billi jidher li parti sostanzjali mill-istess triq hi mibnija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kriterji fil-policies ta' Transport Malta li mhumiex milħuqa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull triq trid tinbena b’konformita’ ma’ Artiklu 7 tal-A.L. 29 tal-2010, Regolamenti Dwar Toroq Ġodda u Xogħlijiet f’Toroq. F’din it-triq partikulari, b’mod speċifiku, ninsab infurmat li l-ħitan tal-lqugħ (retaining walls) għadhom mhux mibnija mill-iżviluppaturi/sidien/residenti skont kif tobliga l-Liġi.

Bini f'inħawi residenzjali — ħsarat fit-toroq

Question

Billi spiss qed jirriżulta li meta jinħarġu permessi għall-bini f'inħawi li diġà huma residenzjali, qed ikun hemm ħsara fit-toroq li jkunu lesti, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk qattx kien hemm diskussjonijiet mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex fejn ikun hemm żviluppi pjuttost kbar, jiġi assigurat li l-istess żvilupp ma jirrovinax it-triq eżistenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permessi maħruġa mill-Awtorità dwar l-Ambjent u l-Ippjanar diġà jorbtu lill-applikanti mal-kundizzjonijiet imposti minn Transport Malta għal xogħlijiet fit-toroq li għalihom ikun irid jinħareġ ukoll permess minn Transport Malta.

Sistema ta' moniteraġġ — vetturi b'number plates barranin

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha s-sistema ta' monitoraġġ, (jew ġbir ta' informazzjoni) dwar vetturi b'number plates barranin, li għandna f'Pajjiżna, u li suppost daħlet jew se tidħol f'Malta, biex jiġi garantit li vetturi bi pjanċi barranin ma jiksrux liġijiet marbutin ma' parkeġġ u nuqqas ta' tħaris tal-liċenzji, fil-fatt ikun possbili li jiġu mħarrka, għadha ma ddaħħlitx f'Malta? Meta hu mistenni li tiddaħħal din is-sistema tal-informazzjoni li hi tant meħtieġa għall-kontroll ta' abbużi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-raġuni għaliex l-Awtorita’ għadha ma bdietx toħroġ ċitazzjonijiet fuq vetturi bil-pjanċi barranin li jwettqu kontravenzjonijiet waqt li jkunu qed jiċċirkolaw f’Malta hija peress li Transport Malta għad m‘għandhiex aċċess għad-dettalji tas-sidien ta’ dawn il-vetturi u dan għaliex kien hemm xi tibdil fid-direttiva. Jiena nfurmat li s-sistema hija lesta min-naħa ta’ Transport Malta u bħalissa l-Awtorita’ qed tagħmel it-testijiet neċessarji ma’ pajjiżi membri oħra tal-Unjoni Ewropea. Din is-sistema ser tibda taħdem fix-xhur li ġejjin. Barra minn hekk, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant illi d-Direttiva tagħmel referenza għal dawn it-tmien kontravenzjonijiet elenkati hawn taħt biss u l-parkeġġ mhuwiex inkluż: (a sewqan b’veloċità eċċessiva (b ma jsirx użu miċ-ċintorin tas-sigurtà (ċ tonqos milli tieqaf meta jixgħel id-dawl aħmar tat-traffiku (d sewqan taħt l-influwenza tax-xorb (e sewqan taħt l-influwenza tad-drogi (f) tonqos milli tilbes elmu ta’ sigurtà (g użu ta’ karreġġjata projbita (h użu illegali ta’ telefown ċellulari jew ta’ kull tagħmir ta' komunikazzjoni ieħor waqt is-sewqan

Spazji għall-open top buses

Question

Billi numru ta' spazji li xi darba kienu użati biex fuqhom jgħabbu u jħottu l-passiggieri l-open top buses illum m'għadhomx meħtieġa minħabba l-fatt li nbidlet is-sistema ta' kif jitgħabbew u jitniżżlu l-passiġġieri, jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta jinforma lill-kunsilli lokali ripsettivi dwar il-fatt li dawn l-ispazji m'għadhomx meħtieġa, biex jitneħħa, u jintużaw għal skop ta' parkeġġ normali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda bidla fis-sistema użata biex jitgħabbew u jitniżżlu l-passiġġieri tal-open top buses li wasslet sabiex xi spazji riservati għal dawn il-vetturi ma baqgħux jintużaw. Iżda, jekk l-Onor. Interpellant għandu xi informazzjoni dwar stops speċifiċi li m’għadhomx jintużaw, nitolbu jgħaddiha għall-verifika ta’ Transport Malta u jekk ikun il-każ, jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex dawn l-istops jitneħħew.

Transport Malta – liċenzji skaduti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet fejn uffiċjali ta’ Transport Malta waħlu avviżi ma’ karozzi li jkollhom il-liċenzja tagħhom skaduta? Kemm minn dawn kienu f’San Pawl il-Baħar u f’dan il-każ meta twaħħlu dawn in-noti ta’ tneħħija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li Transport Malta ma żżommx statistika ta’ dawn l-avviżi maħruġa.

Transport Malta – clamping zones

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-policy ta’ Transport Malta f’dak li jikkonċerna clamping zones? Kemm hawn clamping zones awtorizzati madwar Malta u Għawdex? Fejn huma ż-żoni li fihom jistgħu jiġu clamped il-vetturi? Fil-każijiet fejn hu permessibli l-clamping, kemm hu l-ħlas stipulat li għandu jitħallas??

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat minħabba li materji li jirrigwardaw clamping mhux amministrati minn Transport Malta.

San Pawl il-Baħar — Bypass - preżenza ta' pulizija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba matul din is-sena, kien hemm preżenza ta' pulizija fil-Bypass ta' San Pawl il-Baħar, b'mod partikolari l-Ħdud filgħodu biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm abbużi fis-sewqan ta' vetturi li jgħaddu minn din il-bypass? Kemm kien hemm każi li min inqabad isuq ittieħdu passi kontra tiegħu? X'tip ta' kontravenzjonijiet kien hemm rappurtati, u kemm ta' kull tip, f'kull każ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bħal fi snin preċedenti, matul din is-sena, kien hemm preżenza ta' Pulizija fil-Bypass ta' San Pawl il-Baħar, fil-weekends inklużi l-Ħdud filgħodu u anke fil-granet ta’ Festi, biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm abbużi fis-sewqan ta' vetturi li jgħaddu mil-istess triq. L-offizi li ġew identifikati u li dwarhom ittieħdu passi matul dan il-perjodu, kienu kif jidher fit-tabellla li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Triq Dawret in-Nawfraġju — rranġar ta' triq

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17178 li kienet tagħmel referenza għall-mistoqsija parlamentari 16912, jista' l-Ministru jara li almenu l-parti tat-triq perikoluża, minħabba l-fatt li l-istess parti indika fil-mistoqsija hi mimlija kollha tumbati koroh, li qed jikkawżaw tidwir min-naħa għall-oħra tat-traffiku li jkun tiela u nieżel fl-istess inħawi, u allura hemm perikolu kontinwu li jaħbtu jew jinqalbu l-vetturi li jkunu għaddejjin? Jista' jassigura li din il-parti tat-triq tingħata wiċċ ġdid iktar u iktar meta jidher ċar li x-xogħol kollu meħtieġ se jdum ħafna biex jinbeda u jitlesta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qegħda tistudja intervent bil-konkos fil-partijiet tat-triq imsemmija. Dan għandu jirrriżulta f’sitwazzjoni aħjar minn dik preżenti sakemm jinstab qbil fuq soluzzjoni permanenti li tinvolvi diversi entitajiet barra mis-sitwazzjoni ta’ traffiku li joħloq xogħol f’din it-triq.
Leg 12 PQ #17272 Sitting 281 2015-06-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar — residenti - aċċess għas-sistema tad-drenaġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14239, jista' l-Ministru jinvestiga l-possibilità li numru żgħir (jidher li huma erbgħa) ta' appartamenti li hemm fil-bidu tal-bypass ta' San Pawl il-Baħar, meta tkun ġej mid-direzzjoni tax-Xemxija, sejjer lejn Burmarrad, għad m'għandhomx sistema tad-drenaġġ? Jista' jieħu l-passi biex dawn ir-residenti jkunu moqdija b'sistema tad-drenaġġ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bl-investigazzjonijiet neċessarji f’dan ir-rigward.
Leg 12 PQ #17273 Sitting 281 2015-06-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

MEPA — Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma - mains ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ngħatatx permessi mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippajanar, biex isiru l-main ġodda li suppost kellhom igħaddu mill-inħawi ta' San Martin? Jekk iva, meta hu mistenni li dawn il-mains jitqiegħdu fuq il-post? Billi f'dawn l-inħawi jidher li hemm numru ta' ħsarat li qed iwassal għal telf ta' ilma, jista' jieħu l-passi neċessarji biex il-ħsarat li hemm jiġu msewwija?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permessi meħtieġa ħarġu u x-xogħol hu pjanat li jsir is-sena d-dieħla. Għaldaqstant il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tieħu l-provvedimenti kollha meħtieġa fuq kull ħsara li tiġi rrapurtata.
Leg 12 PQ #17274 Sitting 281 2015-06-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — xogħlijiet partikolari mix-Xemxija twassal għall-Mellieħa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandiex bżonn tagħmel xi xogħol partikolari fit-triq prinċipali li mix-Xemxija twassal għall-Mellieħa, kemm fuq dawk li huma servizzi tad-drenaġġ kif ukoll fuq dawk li huma s-servizzi tal-ilma? Billi jidher li Transport Malta mhix f'pożizzjoni li twettaq ix-xogħol neċessarju fuq din it-triq qabel ma jkun hemm clearance min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex isir il-kordinazzjoni neċessarja biex ix-xogħol meħtieġ jkun jista' jsir?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġiet iffissata laqgħa apposta bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u Transport Malta biex jiġu diskussi ix-xogħlijiet li jridu jsiru f’din it-triq.
Leg 12 PQ #17275 Sitting 281 2015-06-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — bdil tal-mains

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandiex xi pjan partikolari għal dak li jikkonċerna bdil tal-mains tal-ilma fl-inħawi ta' Għajn Stas, limiti ta' San Pawl il-Baħar? Jekk iva, meta hu mistenni li jsir ix-xogħol meħtieġ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ppjanat xogħol kemm fuq is-servizzi tad-drenaġġ kif ukoll fuq l-ilma. Dan ix-xogħol se jiġi implimentat wara li joħorġu t-tenders neċessarji.

Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar — rotot ċirkulari

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema rotot ċirkulari li kienu qed jiġu provduti minn Arriva, qabel ma beda jaħdem l-operatur il-ġdid u dan fejn jikkonċerna il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar filfatt twaqqfu milli joperaw? Meta twaqqaf is-servizz u fuq talba ta' min? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li dawn l-istess servizzi jerġgħu jiġu introdotti? Fil-każ minn meta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta l-kumpanija Arriva Malta Ltd waqfet topera f’Malta ma twaqqfu l-ebda rotot tat-trasport pubbliku.

Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar — servizz mibdul tal-karozzi tal-linja

Question

Billi issa ninsabu qirb li jibda jitħaddem is-servizz mibdul tal-karozzi tal-linja, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema bidliet huma mistennija li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju u dan fuq ir-rotot li jservu l-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar? Kemm mill-bidliet li rrakomandaw il-Kunsilli Lokali huma mistennija li jidħlu fis-seħħ? Liema huma dawn il-bidliet li se jidħlu fis-seħħ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif diġa ġie imħabbar, it-tibdiliet fir-rotot se jkunu qegħdin jiġu introdotti gradwalment. L-ewwel grupp ta’ rotot li ġew introdotti kienu dawk li daħlu fis-seħħ ġewwa Għawdex fil-21 ta’ Ġunju 2015. It-tibdiliet fir-rotot li jikkonċernaw il-lokalitajiet imsemmija, jiġifieri l-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar ser jiġu introdotti aktar tard din is-sena. Kif diġa’ ġie spjegat fit-tweġiba illi ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 16753, kemm ir-rotot il-ġodda, kif ukoll it-tibdil li se jkun hemm fuq ir-rotot eżistenti ser jiġu mħabbra u spjegati fid-dettal kif ikunu qegħdin jigu introdotti. In-network il-ġdid ġie imfassal wara konsultazzjoni wiesgħa, kemm mal-pubbliku kif ukoll mal-Kunsilli Lokali u fejn kien possibli, is-suġġerimenti ġew milqugħa u nklużi fit-tibdil illi ser iseħħ.

San Pawl il-Baħar – Skola Primarja — ground

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jikkunsidrax li l-ground tal-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar, jiġi wżat bħala parking area, b’mod partikolari fix-xhur tas-sajf? Jista’ jgħid dwar jekk hemmx skejjel oħra li għandhom il-grounds tagħhom miftuħa għal tali parking?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u l-Kulleġġ Maria Reġina ma jirrakkomandawx li l-bitħa tal-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar tiġi wżata bħala parking area. F’din l-aħħar sena saret manutenzjoni estensiva ta’ din l-area, sabiex tiġi żviluppata f’area aktar akkoljenti għall-iżvilupp edukattiv tal-istudenti. Qed jiġi ppjanat aktar investiment ta’ riżorsi f’din il-bitħa sabiex jiġu żviluppati areas li jippromwovu l-qari u anke tixrid ta’ logħob tradizzjonali għat-tfal. Fir-rigward ta’ skejjel oħra li huma miftuħin għal parking, attwalment, hija biss l-iskola Sekondarja tar-Rabat Għawdex li tkun miftuħa għal parkeġġ wara l-ħin tal-iskola.