Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija 16657 u jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li huma impjegati maċ-Ċivil, jew mas-settur pubbliku estiż, li huma meqjusa bħala persuni b’diżabilità, biex jiġi sodisfatt dak li tirrikjedi l-liġi għall-perċentwali ta’ persuni b’diżabilità li għandhom jiġu impjegati mill-employers?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab infurmat li, skont l-aħħar statistika tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, f’Diċembru, 2014 kien hemm 498 impjegati fl-Amministrazzjoni Pubblika li huma irreġistrati bħala disabled.’
Nixtieq infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li fil-baġit għal din is-sena , il-Gvern ħabbar diversi inizjattivi mahsuba biex ikun hemm żieda fin-numru ta’ persuni b’diżabilita fid-dinja tax-xogħol.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16660 u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16424, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma s-siti li hemm referenza għalihom? Minbarra fil-perjodu msemmi, jista’ jgħid jekk f’perjodi oħra matul is-sena jsirux testijiet dwar il-kwalità tal-ilma tal-baħar? B’mod partikolari jista’ jgħid jekk fl-ewwel nofs ta’ Mejju 2015 sarux xi testijiet dwar l-ilma tal-baħar fl-inħawi tas-Sirens Waterpolo pitch u l-Menqa, f’San Pawl il-Baħar?
Response (MIZZI, KONRAD)
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari 16424 (sittax-il elf, erba’ mija, erbgħa u għoxrin), ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-lista tas-sebgħa u tmenin sit imqassmin f’erba’ żoni qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat illi jinġabru wkoll kampjuni mis-siti kollha ġimgħatejn qabel jibda l-istaġun uffiċjali tal-għawm, kif inhu rikjest mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Maniġġjar għall-Kwalita’ tal-Ilma Baħar għall-Għawm. Din is-sena ttieħdu bejn l-4 u s-6 ta’ Mejju. Iż-żoni indikati mill-Onorevoli Interpellant jaqgħu u jiġu mmonitorati mis-sit C24 magħruf bħala Sirens.
Billi l-bankina li twassal minn San Pawl il-Baħar sa Burmarrad għandha bosta partijiet minnha li huma mkissra, jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jieħu l-passi neċessarji biex jiġu rranġati dawk il-partijiet tal-istess bankina li huma mkissra, u dan biex jitnaqqas il-periklu li hemm?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ix-xogħlijiet huma nklużi fil-programm ta’ xogħlijiet li għandhom isiru skont il-prioritajiet u fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akwist tas-servizzi tal-kuntratturi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta waslitx biex tinkonkludi l-pjanijiet tagħha għal dak li jirrigwarda l-parking policy li suppost li kienet qiegħda tfassal? Jekk iva, meta hu mistenni li din il-policy tiġi mħabbra? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk din il-policy hux se tinkludi wkoll żoni speċifiċi li fihom ir-residenti tad-diversi lokalitajiet ikunu jistgħu jibbenefikaw minn konċessjonjiet partikulari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel abbozz tal-parking policy il-ġdida hekk kif imfassal minn Transport Malta ġie konkluż. Fil-preżent l-istess proposti qed jiġu diskussi fid-dettal u b’mod lokalizzat minn Interministerial Committee li twaqqaf għal dan il-għan. Wara li dan il-proċess jiġu konkluż, id-dokument se jiġi emendat skont ir-reviżjonijiet li jistgħu joħorġu mill-imsemmi Interministerial Committee, u sussegwentament tigi finalizzata l-proposta tal-Gvern dwar il-Parking Policy.
Billi fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16207 ingħad li Transport Malta se tinsisti biex l-isekda ta' trasport pubbliku għas-sajf kienet se tidħol fis-seħħ, iżda ma ġiex speċifikat meta, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta se tidħol fis-seħħ din l-iskema, u jekk hux se jkun hemm bidliet mill-iskema tas-sena li għaddiet, b'mod partikulari minħabba l-fatt li f'vened bħal dik ta' Buġibba/Qawra, is-sena li għaddiet kienu esperjenzati bosta diffikultajiet għal persuni li jagħmlu użu mis-servizz tal-karozzi tal-linja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iskeda tas-sajf ser tidhol fis-seħħ fit-12 ta’ Lulju 2015. Hekk kif kien ġie spjegat fit-tweġiba illi ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 16377 hemm numru ta’rotot illi ser ikollhom il-frekwenza tagħhom miżjuda fl-iskeda tas-sajf. Fost dawn ir-rotot hemm dawk bin-numru 12, 45, 221 u 223, liema rotot joperaw mit-terminus ta’ Bugibba.
Billi waqt id-diskussjoni riċenti dwar il-MEPA u l-SPED donnu li kien hemm indikazzjoni li dak li jikkonċerna l-proġetti ta' land reclamation kienu se jiġu abbandunati, minħabba d-diffikultajietkbar li hemm biex tali reclamation isseħħ f'Malta, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm deċiżjonijiet formali biex din il-politika ma tibqax tiġi segwita, almenu għall-futur immedjat?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16337, jista' l-Ministru jagħti tagħrif mitlub, xahar b'xahar, għall-aħħar sitt xhur tal-2014 u l-ewwel sitt xhur tal-2015?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, in-numru ta’ permessi li ħarġu min Marzu ta’ din is-sena biex persuni li mhumiex hawkers ikunu jistgħu jixtru prodott agrikolu mill-Pitkalija, laħaq 716 konsumaturi privati. Rigward prodott agrikolu li jintrema m’għandix xi nżid mat-Tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 16337, filwaqt li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba dwar ix-xiri tul il-perjodu mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena qabel ma reġa’ nfetaħ il-waterpark ta' Buġibba, saritx manutenzjoni tiegħu? Fost l-oħrajnjista' jgħid jekk l-art tal-istess waterpark filfatt ġietx miżbugħa biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm periklu ta' żlieq għat-tfal li jattendu f'dan il-park?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
San Pawl il-Baħar – Triq il-Port Ruman – skate park
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew xi aġenzija/dipartiment li jaqa' taħt l-istess Ministeru, fasslitx xi skate park fl-inħawi ta' Triq il-Port Ruman, San Pawl il-Baħar? Jekk iva, x'kien ix-xogħol li sar, min iddisinja l-istess faċilità, min waħħal dawn l-injamiet li qed jissejħu skate park, min iċċertifikom li huma sew, u min qed jassigura li ma jinħoloqx periklu għal dawk li jużaw l-istess area? Meta ġew ordnati, u meta twaħħlu fuq il-post?
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi dwar l-għajnuna mitluba f’mistoqsijiet parlamentari preċedenti biex is-Sirens ASC ikunu jistgħu jsewwu l-ħsarat li sarulhom bil-maltemp fix-Xitwa li għaddiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħsarat li saru fil-pitch tas-Sirens ASC din is-sena minħabba l-maltemp ma kinux l-ewwel darba. Għaldaqstant, ser isir dak kollu possibbli biex jiġi mistħarreġ kif tista' tinstab soluzzjoni permanenti sabiex dan ma jibqax iseħħ.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex id-dawl tat-triq (street lighting) li hemm ħdejn il-pitch tas-Sirens Water Polo Club f’ San Pawl il-Baħar jinxtegħel peress li ilu maqtugħ għal żmien twil?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-bozoz imsemmija ma jaqgħux taħt ir-responsabilita’ ta’ l-Enemalta plc. L-entitajiet ikkonċernati ġew infurmati b’dan l-ilment biex isiru t-tiswijiet meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-lift tal-Binja Ħamrija fin-Naxxar illi ilu bil-ħsara għal żmien twil jiġi rranġat, billi r-residenti tal-blokk qed ibatu minħabba din il-ħsara?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi malli kont infurmat bil-każ, ħadna l-passi kollha neċessaraji.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17288 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u cioè jgħid x'inhi l-policy f'dak li jirrigwarda clamping zones? Kemm hawn clamping zones awtorizzati madwar Malta u Għawdex? Fejn huma ż-żoni li fihom jistgħu jiġu clamped il-vetturi? Fil-każijiet fejn hu permessibli l-clamping, kemm hu l-ħlas stipulat li għandu jitħallas??
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din l-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17288, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għamlitx xi rakkomandazzjonijiet dwar is-suġġett tal-clamping, lill-Ministeru responsabbli mill-clamping? Jekk iva, meta saru u x'kienu r-rakkomandazzjonijiet li saru?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta m’għaddiet l-ebda rakkomandazzjonijiet dwar is-suġġett tal-clamping, lill-Ministeru responsabbli mill-clamping.
San Pawl il-Baħar u San Ġiljan – Neighbourhood watch
Question
B'referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 11650 u 16221, jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi ġodda għal dak li jirrigwarda n-neighbourhood watch? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx possibiltà li neighbourhood watches jiġu stabiliti fl-iqsar żmien possibli, iktar u iktar meta wieħed iqis li qed jinħolqu sitwazzjonjiet ta' diffikultà, b'mod partikulari f'postijiet bħalma huma San Pawl il-Baħar, u San Ġiljan?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda zviluppi ġodda għal dak li jirrigwarda n-neighbourhood watch. Għalhekk nitolbu jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 11650.
Billi ilu ħafna żmien jingħad li numru ta' toroq tal-bdiewa qed jibbenefikaw minn għajnuna biex dawn l-istess toroq ikunu jistgħu jsiru aċċessibli għall-benefiċċju tal-bdiewa, u b'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16698, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq li bbenefikaw minn xi waħda mill-iskemi li huma msemmija? Fejn huma dawn it-toroq li bbenefikaw jew li ġew approvati biex jibbenefikaw mis-sistema ta' għajnuna?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-informazzjoni mitluba ngħatat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16582.
Billi f'risposta preċedenti ingħadd li l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu tagħmel spezzjonijiet biex tassigura li l-istabilimenti tal-ikel (ristoranti, snack bars u postijiet oħra simili) biex tassigura li dawn il-postijiet għandhom post fejn ipoġġi l-iskart tagħhom (swill), kif ukoll li l-istess stabilimenti qed jagħtu l-iskart lill-kolletturi li huma liċenzjati/awtorizzati biex jiġbru dan l-istess swill, jista' l-0Ministru jagħti tagħrif dwar kemm spezzjonjiet simili saru s'issa din is-sena? Fejn saru dawn l-ispezzjonijiet u x'irriżulta minnhom? Kemm stabilimenti saru żjarat fihom?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-14 ta’ Ġunju 2015 saru 384 spezzjonijiet f’Malta u 14-il spezzjoni f’Għawdex fi stabbilimenti tal-ikel minn uffiċjali ta’ Direttorat ta’ l-Infurzar ta’ l-Awtorita tat-Turiżmu ta’ Malta. L-Awtorita` ma ħadet l-ebda` azzjoni legali fil-konfront ta’ xi stabbiliment.
L-informazzjoni dwar spezzjonijiet li saru f’dawn il-lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
IL-Qawra — Triq il-Fliegu u Triq il-Merluzz - Wires tal-elettriku
Question
Jista' l-Ministru, permezz tal-Enemalta, jieħu l-passi neċessarji biex ammont ta' wires tal-elettriku li jinsabu fi Triq il-Fliegu kantuniera ma' Triq il-Merluzz l-Qawra, u l-inħawi tal-istess kantuniera, jitneħħew, għaliex qed ikunu ta' periklu għal dawk li joqogħdu f'dawn l-inħawi, u qegħdin ukoll ikerrhu l-istess inħawi, meta faċilment jistgħu jsiru b'mod ieħor li ma jibqgħux ikunu ta' periklu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt infurmat mill-Enemalta li l-wires tal-elettriku fil-post imsemmi mhumiex perikolużi u huma essenzjali għal provista tal-elettriku tal-akwati. Għal dawn ir-raġunijiet il-wires mhux se jitneħħew. Madanakollu jekk din hija raġuni ta' dehra estetika, dawn jistgħu jiġu mgħoddija minn ġo dorga. Il-klienti jistgħu japplikaw biex dan isir.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ opri tal-baħar li huma liċenzjati li jġorru l-passiġġieri? Jista’ jgħid ukoll jekk l-operaturi ta’ tali opri tal-baħar għall-passiġġieri humiex obbligati li jiddisponu mill-iskart li jibqgħalhom wara li jkunu servew l-ikel fuq l-istess opri tal-baħar? Kif qed jiġi assigurat li fil-fatt ir-regoli li jorbtu lil dawn l-operaturi qed jiġu osservati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li n-numru ta' opri tal-baħar li huma liċenzjati biex iġorru l-passiġġieri f'Malta u Għawdex huwa ta’ 933.
L-operaturi ta’ tali opri tal-baħar huma obbligati li jwaħħlu tabelli li jindikaw “
No garbage to be disposed overboard”
kif ukoll li jiddisponu mill-iskart f’kontenituri li jrid jitniżżel l-art. Għandha wkoll tittieħed notifika ta’ kull skart li jitniżżel l-art.
Minn żmien għal żmien, l-ispetturi tal-port ta’ Transport Malta jissorveljaw kif ikun meħtieġ.
San Pawl il-Baħar, Mellieħa u Naxxar – trasport pubbliku — ilmenti
Question
Billi skont risposti parlamentari li l-Ministeru ta fil-Parlament jirriżulta li jekk ser ikun hemm xi bidliet fl-iskeda tat-trasport pubbliku f’ San Pawl il-Baħar, Mellieħa u Naxxar, dawn ser jidħlu fis-seħħ ħafna ġimgħat wara li jkun spiċċa s-sajf, u billi fil-verità hu magħruf li matul is-sajf li għadda kien hawn bosta lmenti dwar it-trasport, b’mod partikolari fejn jikkonċerna l-Mellieħa u San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jgħid kif ser jiġi assigurat li dawn l-ilmenti jiġu ndirizzati u mnaqqsa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bl-introduzzjoni tal-iskeda tas-sajf, numru ta’ rotot li jservu il-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar ser tiżdiedilhom il-frekwenza tagħhom fil-ħinijiet peak tal-ġurnata hekk kif ġej:
Numru tar-rotta
Rotta
Frekwenza f’minuti
Skeda preżenti (kull x minuti)
Skeda tas-sajf (kull x minuti)
12
Buġibba/Valletta (via Mellieħa u San Pawl il-Baħar)
12
10
42
Ċirkewwa/Valletta (via Mellieħa u San Pawl il-Baħar)
60
30
45
Buġibba/Valletta (via San Pawl il-Baħar)
20/60
20/30
221
Ċirkewwa/Buġibba (via Mellieħa u San Pawl il-Baħar)
30
20
222
Ċirkewwa/Sliema (via Mellieħa u San Pawl il-Baħar)
30
20
223
Buġibba/Golden Bay (via San Pawl il-Baħar)
60
20
Infakkar li r-rotot u frekwenzi ġodda ġew imfassla wara konsultazzjoni miftuha mal-pubbliku u mal-Kunsilli Lokali kollha.