Billi jidher li l-policy dwar il-parking f’Malta tinsab quddiem kumitat interministerjali, jista’ l-Ministru jsemmi liema huma l-Ministeri li jiffurmaw dan il-kumitat? Min huma r-rappreżentanti differenti li jirrappreżentaw lill-Ministeri, u x’inhuma l-kwalifiċi ta’ dawn il-persuni? Meta hu mistenni li din il-policy tiġi ppubblikata?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumitat interministerjali li twaqqaf sabiex jevalwa l-proposti nklużi fil-Parking Policy huwa ffurmat minn uffiċċjali għolja mill-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura, Ministeru tal-Familja u Solidarjeta’ Soċjali, Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali kif ukoll mill-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar.
Din il-policy ser tigi ppubblikata wara li jitlestew id-diskussjonijiet neċessarji, titnieda s-sistema l-ġdida tar-rotot tat-trasport pubbliku w jerġgħu jsiru l-istudji neċessarji sabiex jiġi moniterat it-tibdil fis-sistema tat-traffiku li jirriżulta mit-tnedija tar-riforma.
Billi fl-inħawi minn ħdejn il-ground tal-football ta' Sirens FC u mad-dawra kollha ta' Dawret il-Qawra, fejn illum hemm eluf ta' residenti li joqogħdu u billi r-residenti li joqogħdu f'dawn l-inħawi mhumiex moqdija b'servizz tat-trasport pubbliku tajjeb li jwassalhom min-naħa għal l-oħra, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex iżid din ir-rotta mas-servizzi tat-trasport pubbliku provduti bħalissa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat illi ir-rotot kollha li jitilqu mit-terminus ta’ Buġibba jgħaddu mad-dawra kollha ta' Dawret il-Qawra u minn ħdejn il-ground tal-football ta' Sirens FC fi triqithom lejn lokalitajiet diversi.
Infurmat ukoll illi bin-network il-ġdid ser ikun hemm servizz tat-trasport pubbliku li jgħaddi fid-direzzjoni opposta, jiġifieri illi jgħaddi minn ħdejn il-ground tal-football ta' Sirens FC u mad-dawra kollha ta' Dawret il-Qawra lejn it-terminus ta’ Buġibba.
Opri tal-baħar li jġorru passiġġieri – spezzjonijiet
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17401, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assigurat li filfatt qed jiġi kkontrollat? Jista' jagħti tagħrif dwar xi tfisser is-sentenza: “Għandha wkoll tittieħed notifika ta' kull skart li jitniżżel l-art”? Kemm saru spezzjonijiet mill-ispetturi tal-port matul din is-sena, fejn, u x'irriżulta minn dawn l-istess spezzjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li matul is-sajf li għadda il-port inspectors imbarkaw il-maġġoranza tal-opri tal-baħar li joperaw kummerċjalment bil-ġarr tal-passiġġieri biex jagħmlu l-verifiki neċessarji rigward l-iskart.
L-iskart kollu jinġabar f’boroż suwed tal-iskart u jitniżżel l-art biex jinġarr mill-kuntratturi tal-iscammels. Meta tittieħed notifika tfisser li l-iskipper tal-bastiment jikteb nota żgħira fil-logbook dwar kemm, meta u fejn niżżel l-iskart l-art.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17526 u ċjoè: Billi waqt id-diskussjoni riċenti dwar il-MEPA u l-SPED donnu li kien hemm indikazzjoni li dak li jikkonċerna l-proġetti ta' land reclamation kienu se jiġu abbandunati, minħabba d-diffikultajiet kbar li hemm biex tali reclamation isseħħ f'Malta, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm deċiżjonijiet formali biex din il-politika ma tibqax tiġi segwita, almenu għall-futur immedjat?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-pozizzjoni tal-gvern favur proġetti ta’ land reclamation ma inbidlitx. L-interpetazzjoni tiegħu hija waħda żbaljata.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17540 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk din is-sena qabel ma reġa’ nfetaħ il-waterpark ta' Buġibba, saritx manutenzjoni tiegħu? Fost l-oħrajn jista' jgħid jekk l-art tal-istess waterpark filfatt ġietx miżbugħa biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm periklu ta' żlieq għat-tfal li jattendu f'dan il-park?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li bħal kull sena, anke din is-sena saru x-xogħlijiet ta' manutenzjoni meħtieġa qabel ma nfetaħ il-Waterpark ta' Bugibba għall-pubbliku.
Biex jiġi assigurat kemm jista' jkun li ma jkunx hemm inċidenti ta' żliq mit-tfal, din is-sena ġew imkaħħla u rtukkjati il-"construction joints". Madanakollu xorta jibqa' l-fatt li peress li jkun hemm tixrid ta' ilma kontinwu, it-tfal ikunu regolarment imwissija biex ma jiġrux ħalli jevitaw li jiżolqu. Hemm il-ħsieb li fil-gejjieni qrib issir kampanja edukattiva rigward l-użu u l-konservazzjoni tal-ilma li jintuża fil-Park
Lista ta’ lokalitajiet – twaqqiegħ ta’ bini u qtugħ ta’ blat
Question
Għal dawn l-aħħar snin, fil-bidu tas-sajf, , jitħabbru sensiela ta’ lokalitajiet li fihom suppost ma jsirx twaqqigħ ta’ bini u lanqas qtugħ ta’ blat, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm irċeviet ilmenti dwar ksur ta’ dan l-avviż, u kif kienu maqsuma dawn l-istess ilmenti lokalità b’lokalità, matul din is-sena?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-infurzar tar-regolamenti rigward xogħol ta’ skavar u twaqqiegħ ta’ bini jaqgħu fir-responsabilta` tal-Building Regulation Office u għalhekk l-Awtorita` ma tilqax tali lmenti.
Billi huma bosta ċ-ċirkostanzi li fihom siti ta’ kostruzzjoni jitħallew mhux imdawra sew b’xi forma ta’ protezzjoni, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm irċeviet ilmenti l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar dan, lokalità b’lokalità matul din is-sena? X’passi ttieħdu, u dwar liema każijiet ttieħdu dawn il-passi?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-infurzar tar-regolamenti rigward xogħol ta’ skavar u twaqqiegħ ta’ bini jaqgħu fir-responsabilta` tal-Building Regulation Office u għalhekk l-Awtorita` ma tilqax tali lmenti.
Transport Malta – spezzjonijiet fuq xogħlijiet fit-toroq
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta tagħmilx xi tip ta’ spezzjoni fuq xogħlijiet fit-toroq li jsiru mill-Kunsilli Lokali? Jekk iva, x’spezzjonijiet tagħmel? Kemm għamlet minn dawn l-ispezzjonijiet matul din is-sena? X’irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet u x’passi ttieħdu? Fejn kienu l-ispezzjonijiet li fihom irriżulta li hemm problemi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li Transport Malta, permezz tad-Direttorat tal-Toroq u l-Infrastruttura, u d-Divizjoni tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, jagħmlu spezzjonijiet fuq ix-xogħlijiet li jsiru ġewwa Malta u Għawdex rispettivament, inkluż dawk li jiġu kkummisjonati mill-kunsilli lokali. L-għan ta’ dawn l-ispezzjonijiet huwa li jiġu mħarsa l-kundizzjonijiet maħruga fil-permess, fosthom l-immaniġjar tat-traffiku, kundizzjonijiet tal-kisi ta’ triq u oħrajn sottomessi minn diversi entitajiet.
Il-maġġoranza tax-xogħlijiet ikkummssjonati mill-kunsilli lokali jikkonsistu fit-tqegħid ta’ wiċċ ġdid fit-toroq residenazjali mmaniġġjati mill-istess kunsilli. Għal dawn ix-xogħlijiet l-kunsilli lokali joħorġu sejħa għall-offerti u eventwalment il-kuntrattur nominat huwa obbligat li jsegwi l-kundizzjonijiet stipulati fil-kuntratt u jibqa’ responsabbli tul il-garanzjia mposta fl-istess kuntratt. Il-kunsill, permezz tal-perit imqabbad minnu huwa responsabbli li l-kuntrattur iwettaq ix-xogħlijiet skont is-sengħa.
Mandankollu, l-kuntrattur li jesegwixxi dawn ix-xogħlijiet huwa marbut b’sentejn garanzija skont l-Avviz Legali 29 tal-2010, u obbligat li jissottometti rapport ta’ konformita’ li jiġi approvat mill-perit ta’ Trasport Malta. Għaldaqstant, Transport Malta tagħmel spezzjonijiet diversi f’dan ir-rigward. Jirriżulta li matul din is-sena ma kien hemm l-ebda rapport ta’ xogħlijiet li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet tal-permessi maħruġa.
San Pawl il-Baħar — Triq Sir Luigi Preziosi - main tad-drenaġġ
Question
Billi jidher li parti mill-main tad-drenaġġ fi Triq Sir Luigi Preziosi, San Pawl il-Baħar, hemm problema ta' sadd tad-drenaġġ fil-main u qed jikkawża problemi fir-residenzi tal-blokk, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan il-blockage jitnaddaf ħalli ma jkunx hemm danni żejda?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-problema ġiet solvuta t-Tnejn 6 ta’ Lulju 2015
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17456 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostennibli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Billi l-ġurnal “l-Orizzont” tas-16 ta’ Ġunju 2015 f’paġna 9 irraporta li fl-2014 l-emissjonijiet f’Malta żdiedu bi 2.5% meta mqabbel mal-2013, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’jista’ jkun li wassal għal din iż-żieda?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Proposti ta' tisbiħ fil-lokalità ta' Fgura, l-Imsida, San Pawl il-Baħar u r-Rabat Għawdex
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12802, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar min kien responsabbli mill-għażla tas-siġar/pjanti li ntgħażlu biex jitħawlu f’kull waħda mil-lokalitajiet li hemm imsemmija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond kif mgħarraf mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, is-siġar u l-pjanti, il-proposti għat-tħawwil u s-siti, ġew sottomessi l-ewwel mill-Kunsilli Lokali rispettivi. Wara li dawn il-proposti ġew evalwati minn kumitat tekniku li kien jinkludi d-Direttur tal-Parks, żewġ konsulenti tekniċi fl-agrikoltura u senior agricultural officer, sar skambju ta’ ideat fejn ingħataw pariri sabiex isiru l-aktar għażliet adattati għas-siti.
Il-Mellieħa – Kortin – lmenti dwar kwalità tal-ilma tal-vit
Question
Billi qed jasluli lmenti li l-ilma pprovdut mill-WSC, fl-inħawi tal-Kortin, il-Mellieħa, niżel ħafna fil-kwalità tiegħu, tant li qed jiġi rrekordjat hardness li twassal sa 350ppm, u TTS li tlaħħaq l-1050, jista' l-Ministru jinvestiga l-validità ta' dawn l-ilmenti u jassigura wkoll li jittieħdu l-passi neċessarji biex il-kwalità tal-ilma f'dawn l-inħawi titjieb sostanzjalment? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar b'liema frekwenza jsiru t-testijiet fuq il-kwalità tal-ilma ta' dawn l-inħawi?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dejjem tagħmel l-almu tagħha biex il-kwalita’ tal-ilma tkun tajba. F’dan il-każ partikolari, ninsab infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-hardness baqa’ fl-istess livelli. It-testijiet isiru kull xahar.
Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' pjan li bih ser tiġi żviluppata l-area tas-Selmun Palace Hotel, u dan wara li skont il-media, dan il-pjan ġie approvat mill-Gvern?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy għas-sit tas-Selmun Palace Hotel.
Ninforma lill-Onor Interpellant li d-dokument mitlub minnu jista faċilment jinkiseb mis-sit elettroniku tal-MEPA: http://www.mepa.org.mt/home
Billi skont ir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17384, jirriżulta li mill-ispezzjonijiet kollha li saru, ma kien hemm bżonn tal-ebda azzjoni sussegwenti, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru spezzjonjiet f'kull lokalità? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm minn dawk li ġew spezzjonati jirriżulta li għandhom xi ftehim biex l-iskart tagħhom jinġabar minn kolletur awtorizzat? Billi xi stabbilimenti qed jippersistu li joħorġu l-iskart tagħhom f'ħinijiet ta’ madwar nofs il-lejl meta mbagħad l-istess skart jinġabar filgħodu, jista' jassigura li dan l-abbuż ma jibqax jippersisti speċjalment meta l-iskart jitħalla jiġri fil-boroż?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nirreferi għal Mistoqsija Parlamentari 17384, fejn irrid niċċara illi l-ebda azzjoni legali ma ttieħdet fir-rigward ta’ nuqqasijiet relatati ma’ skart. Madanakollu, ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi numru ta’ azzjonijiet legali ġew meħuda fil-konfront ta’ nuqqasijiet oħra misjuba waqt l-istess spezzjonijiet fi stabbilimenti tal-ikel. Il-Lista ta’ Spezzjonijiet fi Stabbilimenti tal-ikel magħmula bejn 1 ta’ Jannar u 14 ta’ Ġunju 2015, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninforma lill-Interpellant illi l-Aworita` m’hijiex f’pożizzjoni li tagħti ċifra ta’ kemm-il ftehim hemm bejn stabbilimenti u kolletturi awtoriżżati għal ġbir ta’
swill
, u dan għaliex l-ispezzjonijiet li tagħmel l-Awtorita` qabel ma tingħata liċenzja lill-stabbiliment sabiex jopera operazzjoni turistika tassigura li hemm ftehim f’dan is-sens (mingħajr ma tieħu rendikont attwali ta’ kemm-il ftehim hemm). Dan hu l-każ ukoll fir-rigward ta’ spezjonijiet oħra ta rutina li Awtoritá taghmel f’ tali stabbilimenti.
Fir-rigward tal-aħħar mistoqsija u cioe` li skart qed jinħareġ f’boroż f’ħinijiet tardivi, l-Awtorita` tat-Turiżmu m’hijiex l-Awtorita` kompetenti sabiex tissorvelja jew timmonitorja dan l-allegat abbuż.
San Pawl il-Baħar – Triq Jean de la Cassiere — tarmak
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’qed iżomm biex jingħata l-wiċċ ta’ tarmak ta’ Triq Jean de la Cassiere San Pawl il-Baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni tkun tista’ tiġi asfaltata meta il-bażi/formazzjoni tagħha tilħaq l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji. Bħalissa teżisti kwistjoni bir-riżultati tat-testijiet (plate bearing) li probabilment huma kkawżati mill-art taflija li hemm f’din iż-żona.
San Pawl il-Baħar – Triq il-Papa Ġwanni Pawlu Tnejn — tarmak
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li tingħata t-tarmak Triq il-Papa Ġwanni Pawlu Tnejn f’Burmarrad, San Pawl il-Baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għal dawn ix-xogħlijiet ħareġ. Abbażi li t-tender jiġi aġġudikat mingħajr problemi u abbażi tal-programm ta’ xogħlijiet li għandna għaddejjin u dawk li għad iridu jibdew, jidher illi dawn ix-xogħlijiet mistennija jitlestew sa nofs is-sena id-dieħla.
San Pawl il-Baħar – Xogħlijiet fuq it-triq li tgħaqqad Triq il-Port Ruman ma’ Triq it-Tamar
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq il-parti tat-triq li tgħaqqad Triq il-Port Ruman ma’ Triq it-Tamar f’San Pawl il-Baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għal dawn ix-xogħlijiet ħareġ. Abbażi li x-xogħol jiġi kuntrattat mingħajr problemi u abbażi tal-programm ta’ xogħlijiet li Transport Malta għandha għaddejjin u dawk li ghad iridu jibdew, jidher illi dawn ix-xogħlijiet mistennija jitlestew għan-nofs is-sena li ġejja.
MTA – dawl fil-promenade ta’ ħdejn l-iskola ta’ San Pawl il-Baħar
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu hijiex se tixgħel l-eqreb parti tal-promenade ta’ ħdejn l-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar billi din issa ilha xhur sħaħ mitfija?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żona msemmija, flimkien maż-żona kollha fil-promenade, hija r-responsabbilita’ tal-kunsill lokali. L-Awtorita’ infurmata li f’dan il-post partikolari, l-kunsill lokali għamel installazjoni ta’ xi dawl li ma kienx qed jaħdem sew. Infurmati wkoll li l-kunsill jaf b’din is-sitwazzjoni u qed iħejji sabiex iqabbad dan id-dawl kif suppost. Ta’ min jgħid ukoll li l-Awtorita’ qed tagħti għotja finanzjarja ta’ madwar ħamsin elf ewro (€50,000) sabiex din iż-żona tiġi msebbħa mill-kunsill.
Jista’ l-Ministru jikkunsidra l-possibilità li fil-water park ta’ Buġibba jkun hemm xi forma ta’ xelter temporanju biex il-ġenituri li jakkumpanjaw lill-uliedhom f’dan il-park ikollhom fejn jistekennu mill-elementi?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
San Pawl il-Baħar – Triq il-Port Ruman – container fil-parkeġġ
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’użu għandu container ta’ 40 pied li hemm abbandunat fl-inħawi tal-parkeġġ ta’ Triq il-Port Ruman f’San Pawl il-Baħar? Ta’ min hu dan il-container? Minn min tpoġġa hemm? X’użu għandu dan l-istess container?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-imsemmi container ta’ 40 pied li jinsab fl-inħawi tal-parkeġġ ta’ Triq il-Port Ruman, San Pawl il-Baħar, sa nhar it-23 ta’ April 2015 kien jintuza’ sabiex fih jitpoġġa l-kartun li jinġabar mill-istabbilimenti kummerċjali tal-lokalità sabiex imur għar-riċiklaġġ għal Green MT.
Il-container huwa propjetà tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.