Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar – permessi validi għall-bini

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19417 dwar permessi u applikazzjonijiet pendenti għall-permessi ta' bini mill-Awtorità tad-Djar, jagħti t-tagħrif mitlub fid-domanda oriġinali, dwar kemm hu n-numru ta' households li mistennija jinbnew permezz ta' dawn l-istess applikazzjonijiet? Jista' jagħti tagħrif dwar liema huma l-files tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal dawn l-applikazzjonijiet, u fil-każ tal-blokki li għalihom diġà hemm permessi, jista' jagħti tagħrif dwar kemm minn dawn l-istess binjiet qed jistennew li jinbeda x-xogħol ta' kostruzzjoni fuqhom? F'kull każ meta ħarġu t-tenders għal dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, t-tagħrif mitlub dwar ir-referenzi ta’ permessi u applikazzjonijiet għall-bini li għandha l-Awtorita’ tad-Djar mal-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u Ippjanar, qed jingħataw fit-tabelli t’hawn taħt. Bħalissa qed isir studju sabiex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni dwar liema binjiet ser ikunu qegħdin jinbnew u meta l-Awtorita’ bi ħsiebha tibda t-tali xogħlijiet. Għaldaqstant, sa issa għadhom ma nħarġu l-ebda tenders għal dawn ix-xogħlijiet. Raħal Referenza tal-MEPA Attard PA 01062/14 Birgu PA 02396/14 Birkirkara PA 01281/14 Bormla PA 03129/12 Kirkop PA 03664/13, PA 00274/14, PA 00274/13, PA 01487/13, PA 01130/13 Luqa PA 07693/07 Marsaskala PA 00983/14, PA 00966/14 PA 02658/15 Mellieħa PA 03338/13 Msida PA 03515/13 Naxxar PA 02218/12 Paola PA 01002/14, PA 00312/11 Qrendi PA 00382/13, PA 01056/12 PA 02920/13, PA 01768/11, PA 02599/15, PA 01543/11 Rabat PA 02162/15 Siġġiewi PA 00969/14, PA 03299/13 PA 06450/06, PA 04988/10 Żabbar PA 05802/07, PA 02947/13 Żebbuġ PA 01004/14, PA 06947/06, PA 00951/14, PA 00959/14, PA 00039/13 Żejtun PA 00273/11 Żurrieq PA 03042/15, PA 03067/15, PA 00948/14, PA 00958/14, PA 01005/14, PA 05467/08 Total Raħal Referenza tal-MEPA Burmarrad Stadju ta’ sceening Fgura PA 00858/08 Kirkop PA 00161/14, PA 00291/15 Luqa PA 02980/14, PA 02786/07 Msida Stadju ta’ sceening Qormi Stadju ta’ sceening Qrendi PA 03374/15 Valletta Stadju ta’ sceening Żebbuġ Stadju ta’ sceening Żurrieq PA 02026/15, PA 02578/15, PA 02577/15 Total

Parkeġġi f’Malta u Għawdex — proposti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li tiġi finalizzata l-proposta dwar il-parkeġġi f’Malta u Għawdex? Fiex waslu d-diskussjonijiet interministerjali li kellhom issiru dwar dan? Meta ltaqa’ l-aħħar darba l-istess kumitat interministerjali u kemm-il darba ltaqa’ dan il-kumitat matul din is-sena?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 17838, fejn intqal li din il-policy ser tigi finalizzata wara li jitlestew id-diskussjonijiet neċessarji, titnieda s-sistema l-ġdida tar-rotot tat-trasport pubbliku u jerġgħu jsiru l-istudji neċessarji sabiex jiġi moniterat it-tibdil fis-sistema tat-traffiku li jirriżulta mit-tnedija tar-riforma. Id-diskussjonijiet Interministerjali qed isiru kif meħtieġ. Il-Kumitat Interministerjal ltaqa’ l-aħħar fl-ewwel ġimgħa t'Ottubru u din kienet is-sitt laqgħa Interministerjali li saret.

Transport Malta – spezzjonijiet fuq xogħol li sar mill-Kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta, Transport Malta tagħmel spezzjonijiet fuq xogħol li jkun sar mill-Kunsill Lokali? Meta qed jingħad li l-kuntratturi li jwettqu x-xogħol huma responsabbli mill-istess xogħol għall-perjodu ta’ żmien fiss, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-istess kunsilli lokali humiex obbligati li jimponu dawn il-kundizzjonijiet fuq il-kuntratturi li jkollhom iwettqu dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond L.S. 499.57 Taqsima 2 Artiklu 3. (1) – “L-Awtorità għandha tipprovdi, jew hi stess jew permezz ta’ impriża, u fejn ikun adatt b’konsultazzjoni mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, għall-kostruzzjoni, kostruzzjoni mill-ġdid, twessiegħ, tiġdid, manteniment, titjib, immaniġġjar, manutenzjoni u klassifikazzjoni ta’ toroq: Iżda fejn triq la tkun triq arterjali lanqas triq distributorja, il-manteniment, it-titjib u l-manutenzjoni tagħha għandu jipprovdi għalihom il-Kunsill Lokali adatt skont l-artikolu 33 tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali.” In oltre, skont l-istess liġi Taqsima 2 Artiklu 7.(1) tgħid li “Kull min ikun qiegħed jiddisinja jew jibni jew jagħmel xi manutenzjoni jew xogħlijiet oħra f ’xi triq għandu jħares l-Istandards dwar Xogħlijiet fit-Triq li ġejjin:…..” fejn tingħata lista tar-rekwiżiti meħtieġa minn kull min ikun qed iwettaq xogħlijiet fit-toroq. Għalqdstant kull Kunsill Lokali li jagħmel kwalunkwe xogħol ta’ toroq huwa responsabbli li josserva l-liġi kurrenti. Rigward ir-responsabbilta’ tal-kuntrattur għal tul ta’ żmien, jidħol in-mertu in-natura u il-karatteristiċi tal-appalt li jkun sar meta jkun ġie assenjat ix-xogħol li jista’ jvarja skont it-tip ta’ proġett. In oltre il-kuntrattur jibqa’ marbut b'sentejn garanzija hekk kif indikat fir-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 18802 u hekk kif stipulat fil-L.S.499.57 għal xogħlijiet fit-toroq.

Transport Malta – tiswijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hiex marbuta li twettaq ix-xogħol ta’ tiswija fit-toroq fejn din l-istess korporazzjoni tagħmel xogħol li jirriżulta fi tħaffir fl-istess toroq? Jista’ jagħti tagħrif dwar kif inhu l-arranġament li permezz tiegħu Transport Malta tkun taf li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma wettqet xogħol ta’ tħaffir f’xi triq partikolari? Billi hu spiss ħafna li x-xogħol imwettaq bħala tiswija mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jinqala ftit wara li jsir, x’passi oħra jittieħdu biex il-ħsarat jiġu msewwija permanentament?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal kull intervent li jinkludi xogħlijiet ta’ tħaffir, “il-kuntrattur (f’dan il-każ il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma) huwa meħtieġ li jirrestawra t-triq” wara li jsiru x-xogħlijiet u dan abbażi ta’ Regolament 33 tal-L.S.499.57. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha obbligu legali li għal kull intervent li jsir fit-triq, isir permess skont kif indikat taħt Regolament 25 tal-L.S.499.57. Fil-każ ta’ xogħlijiet maġġuri l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tgħaddi mill-proċess ta’ konsultazzjoni u spezzjonijiet kemm waqt it-twettieq tax-xogħlijiet kif ukoll spezzjonijiet ta’ moniteraġġ viswali matul is-sentejn garanzija kif stipulat fir-regolament 34 tal-L.S. 499.57. Fil-każ ta’ xoghlijiet ta’ servizzi ta' house connections u tiswijiet relatati, ħsarat li jiġu rrappurtati lil Transport Malta jkunu spezzjonati u jekk jirriżulta li x-xogħlijiet li saru m’humiex ta’ livell aċċettabli u/jew ikunu fallew, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tiġi nfurmata sabiex twettaq xogħol ta’ rimedju fi żmien stipulat.
Leg 12 PQ #19630 Sitting 300 2015-10-13 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

WSC – spezzjonijiet fuq manholes tas-sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Water Services Corporation tagħmilx spezzjonijiet fuq il-manholes li hemm fis-sistema tad-drenaġġ, biex jiġi assigurat li dawn l-istess manholes ma jkunux sors ta' tniġġiż fil-madwar meta l-livell tal-ilma li jkun għaddej mill-mains, għal xi raġuni jew oħra jogħla għal ġol-manholeminħabba leakages li jsiru meta l-ilma fis-sistema jogħla ‘l fuq iktar milli hu meħtieġ? Jista’ jgħid kemm saru spezzjonijiet dwar dan matul l-aħħar sena, u kemm kien hemm ħtieġa ta' tiswijiet li rriżultaw wara li saru l-istess spezzjonijiet?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn informazzjoni li għaddietli l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fl-aħħar sena saru 5237 (ħamest elef, mitejn, sebgħa u tletin) spezzjoni u 981 (disa’ mija, wieħed u tmenin) tiswija fuq il-manholes li hemm fis-sistema tad-drenaġġ biex jiġi assigurat li dawn l-istess manholes ma jkunux sors ta’ tniġġiż.

Transport Malta — vetturi li tneħħew mit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm vetturi li tneħħew mit-toroq fuq ordni, jew b'kollaborazzjoni ta' Transport Malta? Kemm minn dawn il-vetturi tneħħew minn San Pawl il-Baħar (il-lokalità kollha), matul l-aħħar sena, xahar b'xahar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta neħħiet total ta’ 18-il vettura mit-toroq tul din l-aħħar sena. Minn dawn, vettura waħda tneħħiet mil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar f’Settembru li għadda.

Problemi fis-siġar tal-frott

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru ħax xi passi partikulari biex jikkumbatti diversi tipi ta' problemi li qed jaffaċċjaw is-siġar tal-frott f'Malta, bħal bajtar ta' San Ġwann, u siġar oħra tal-frott, biex jiġi assigurat li dawn ma jkomplux jinqerdu? X'pariri partikulari ngħataw lill-bdiewa biex jiġu evitati sitwazzjonjiet li jistgħu jkunu kompromettenti għas-siġar tipiċi Maltin?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsijiet Parlamentari 16997, 17980 u 18808 fejn ingħatat l-informazzjoni relatata mas-siġar tat-tin miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari. Fir-rigward ta’ siġar oħra tal-frott, ma jirriżultax li kien hemm xi interċezzjoniijiet u sejbiet ta’ pesti ġodda jew inkella ta’ xi pesti emerġenti. Ninsab infurmat mill-istess Uffiċċju li mard komuni - ikkaġunat minn fungi u baktirja - u insetti li jattakkaw siġar tal-frott ġewwa Malta, huma magħrufa u stabbiliti sew u għalhekk m’humiex misħarrġa jew regolati bl-ebda mod. Madanakollu, pariri dwar kura u kontroll tagħhom jiġu pprovduti reġolarment skond il-ħtieġa lill-bdiewa, partijiet interessati u lill-pubbliku inġenerali meta dawn il-pesti u mard tas-siġar tal-frott jiġu rrapportati lid-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti. Ta min wieħed jgħid ukoll li dan l-istess Direttorat iwettaq programm ta’ stħarriġ sabiex jiċċekkja għall-pesti ġodda u fl-istess ħin jissorvelja l-istatus ta’ dawk diġà preżenti.

Micropropagation Centre — tkabbir ta' prodotti ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Micropropagation Centre li għandu l-Gvern għamilx xi esperimenti partikulari għal dak li jikkonċerna tkabbir ta' prodotti ġodda, matul is-sentejn li għaddew? X'kienu r-riżultati miksuba s'issa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraff lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari fil-preżent id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti mhux qed jipparteċipa f'xi programmi partikolari ġodda ta' esperimentazzjoni ta' ħxejjex jew frott ġdid għal hawn Malta. Iżda ta’ min wieħed jgħid li fil-Laboratorju tal-Mikropropagazzjoni tal-Pjanti fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qed jitkompla x-xogħol li beda fl-2008 fuq it-tneħħija ta’ mard minn varjetajiet antiki taċ-ċitru Maltin, bil-għan li dawn jiġu wżati fil-futur għall-konservazzjoni. Din ir-riċerka qed titkompla bħala parti minn proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u Malta, li matulu qed issir l-esperimentazzjoni u l-produzzjoni ta’ pjanti tal-larinġ u tal-lumi eżenti mill-mard għall-konservazzjoni. Bħalissa qed issir ukoll l-akklimatizazzjoni ta’ dawn is-siġar fis-serra. Dan il-proġett ser ikun konkluż fl-aħħar ta’ din is-sena. Matul dawn l-aħħar sentejn, b’esperimentazzjoni d-Direttorat għamel il-mikropropagazzjoni ta’ varjetajiet ġodda ta’ qaqoċċ. Dawn il-varjetajiet inġiebu Malta fl-2011 u l-2012 minn kumpanija Taljana u l-APS Bank. Fil-laboratorju tal-Mikropropagazzjoni tal-Pjanti jsiru wkoll numru ta’ proġetti minn studenti mill-Università ta’ Malta bħala parti mit-teżijiet tagħhom fuq siġar tac-ċitru u dwieli.

In-Naxxar — Triq ta' San Martin u Triq Ras il-Wied - fondi għat-toroq

Question

Billi jidher li hemm xi fondi tal-Unjoni Ewropea mill-programm 2007-2013 li għad jistgħu jintużaw, jista' d-Deputat Prim Ministru jara jekk dawn l-istess fondi jistgħux jintużaw biex numru ta' toroq li għandhom l-iskop li jgħaqqdu raħal ma' ieħor, bħal dik li minn Burmarrad twassal san-Naxxar, u dik li minn Burmarrad twassal sas-salib it-toroq tat-Triq ta' San Martin ma' Triq Ras il-Wied, jingħataw wiċċ ġdid, biex b'hekk ikun hemm titjib fin-network ta' toroq sekondarji li iżda għandhom rwol importanti fin-network sħiħ ta' toroq li għandna f'Malta?

Response (GRECH, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru għat-Transport u l-Infrastruttura.

persuni jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol f'kull waħda mil-lokalitajiet tas-7, il-11 u t-12-il distrett elettorali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Port Ruman – private tat-tfal tal-iskola

Question

Billi fl-inħawi ta' Triq il-Port Ruman, il-Qawra, San Pawl il-Baħar, u t-toroq ta' madwar hemm numru ta' tfal sostanzjali li jattendu l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, u billi dawn l-istess tfal qed ikollhom jimxu distanzi pjuttost twal biex ikunu jistgħu jaqbdu l-private li twassalhom l-iskola, jista' l-Ministru jinvestiga l-possibiltà li l-coach li tiġbor dawn l-istess tfal tibda tgħaddi minn Triq il-Port Ruman biex tiġbor dawn l-istess tfal, u dan biex jiġi ffrankat ħafna skariġġ żejjed għat-tfal u l-ommijiet tagħhom, kif ukoll biex dawn l-istess tfal ma jkollhomx għalfejn jaslu l-iskola mxarrbin f'każ li tkun ix-xita?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment li jikkoordina t-Trasport tal-Iskejjel Statali ser jara jekk din it-talba tistax tiġi milqugħa.

Cameras ta’ sigurtà

Question

Billi bosta drabi, f’ċertu lokalitajiet iktar minn oħrajn qed tissemma l-ħtieġa li jiġu stallati cameras ta’ sigurtà, jista’ l-Ministru jikkunsidra l-possibilità li fil-baġit li jmiss ikun hemm vot apposta għal dan il-għan?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed nieħu nota ta' dan is-suġġeriment

San Pawl il-Baħar — pulizija stazzjonati

Question

Billi l-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, fost oħrajn hi waħda fejn hemm frekwenza qawwija ħafna ta' persuni li mhumiex residenti, kif ukoll minħabba l-fatt li hemm numru kbir ta' stabilimenti kummerċjali li lkoll għandhom il-ħtiġijiet partikulari tagħhom, jista' jiġi assigurat li fl-għassa tal-Qawra, (u dik ta' San Pawl il-Baħar) jiġu stazzjonati iktar pulizija biex ir-residenti, l-istabilimenti kummerċjali kif ukoll it-turisti jkunu jistgħu jiġu moqdija aħjar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fid-distrett tal-Pulizija Nru 9, li jkopri l-Għassa tal-Qawra kif ukoll dik ta’ San Pawl il-Baħar, b’effett mit-30 ta’ Settembru 2015, in-numru żdied bi 8 pulizija oħra biex b’hekk f’dan id-distrett issa hemm iservu 104 membri tal-Korp. Ninsab informat ukoll li l-Għassa ta’ San Pawl il-Baħar qiegħda tiġi miftuħa 24 siegħa kuljum

MCAST — korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema korsijiet fl-MCAST, ma kellhomx biżżejjed applikanti biex ikunu jistgħu jinfetħu għall-istudji, f'din is-sena skolastika? F'kull każ, kemm kien meħtieġ li jkun hemm applikanti, u kemm applikaw persuni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-MCAST mhuwiex se jiftaħ il-korsijiet segwenti minħabba n-numru żgħir ħafna ta' applikanti. Isem tal-kors Numru ta' applikanti AG3-02-14-MCAST Diploma in Fish Husbandry 1 AS6-01-15T-Bachelor of Science (Honours) in Chemical Technology (top-up) 2 AD3-A4-14-MCAST Diploma in Printing 1 CE3-A6-14-MCAST Diploma in Building Services Installations (Plumbing or Plumbing and Electrical) 1 CE4-A7-15-MCAST Advanced Diploma in Building Services Engineering 3 CE5-01-14-MCAST Higher Diploma in Masonry Heritage Skills (Kapumastru) 3 EE4-A9-14-MCAST Advanced Diploma in Electronics (Power Electronics) 2 EE6-03-15-Bachelor of Science (Honours) in Power Generation and Renewables 1 EE6-07-14T-Bachelor of Engineering (Honours) in Electronics Engineering (top-up) 1 CE3-02-14G-MCAST Diploma in Construction Engineering 1

Rottot tal-Karozzi — bdil ta' ħinijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema bidliet fil-ħinjiet fir-rottot tal-karozzi tal-linja daħlu fis-seħħ, minn dawk li kienu reklamati? Kif kienu magħżula r-rottot li fihom kellu jsir tibdil fil-ħinijet? Jista' jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jidħlu fis-seħħ il-bidliet fil-ħin fir-rottot, b'mod partikulari f'dawk li jservu l-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tibdil fis-servizz tat-trasport pubbliku, inkluż fil-każ tal-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar, se jiġi ntrodott b’mod gradwali f’ numru ta’ fażijiet aktar tard din is-sena. Fil-preżent għadu ma ġie effetwat l-ebda tibdil kaġun ta’ azzjonijiet industrijali msejħa mill-Union f’dawn l-aħħar ġimgħat. La darba l-kwisjoni mal-Union tiġi riżolta, it-tibdil fir-rotot ikun jista’ jidħol fis-seħħ.

Karozzi tal-linja — żebgħa

Question

Billi issa għaddew numru sostanzjali ta' xhur minn meta bdiet topera l-kumpanijia l-ġdida tal-karozzi tal-linja, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha għadhom ma nżebgħux il-karozzi kollha tal-linja li hemm fuq ir-rottot?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozzi tal-linja kollha qegħdin jiġu miżbugħa gradwalment u huwa mistenni li jkunu lesti sal-aħħar ta’ din is-sena. Ir-raġuni illi dawn il-karozzi tal-linja qegħdin jiġu miżbugħa gradwalment huwa sabiex it-tneħħija temporanja tagħhom mis-servizz ma’ tikkawżax nuqqas ta’ vetturi illi joperaw. Infakkar lill-Onor. Interpellant illi sal-bidu ta’ Settembru, Malta Public Transport introduċiet 142 karrozzi tal-linja ġodda illi qegħdin jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku.

Transport Malta — vetturi traċċati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta wettqitx il-bidliet li suppost kellhom jidħlu fis-seħħ xhur ilu, dwar id-direttiva tal-Unjoni Ewropea, li permezz tagħha jkunu jistgħu jiġu traċċati vetturi ta' sidien barranin li jwettqu kontravenzjonijiet f'Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta, permezz tad-Direttiva 2015/413 ta’ l-Unjoni Ewropea, qegħda tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza, li permezz tagħha jkunu jistgħu jiġu traċċati vetturi ta' sidien barranin li jwettqu kontravenzjonijiet f'Malta. Din ġiet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu ta’ din is-sena.

Telf ta’ siġar tal-bajtar ta’ San Ġwann u t-tin

Question

Billi jidher li s-siġar tal-frott tal-Bajtar ta’ San Ġwann u tat-Tin sofra telf kbir minħabba l-mard li ħakem dawn is-siġar, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru hux qed jieħu xi passi partikulari biex it-telf ta’ dawn is-siġar jonqos u biex jiġi assigurat li dawn is-siġar ma jiġux estinti?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 17980.

San Pawl il-Baħar – Salini — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol li fadal isir fl-inħawi tas-Salini qrib San Pawl il-Baħar? X’inhu x-xogħol li fadal isir, liem xogħol hu diġà kkuntrattat, u kemm hi stmata li se tkun in-nefqa li għad trid issir? Kemm saru ħlasijiet sa issa fuq dan il-proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellent li x-xogħol li fadal isir hu l-bini ta’ pont ġdid tal-ħadid fl-entratura tas-sit, liema xogħol mistenni jitlesta f’Novembru u huwa mistenni li ġej jiswa €196,626.17 VAT inkluż. Għall-aħħar parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru ikkonċernat.

Xogħlijiet fuq it-triq bejn ix-Xemxija u l-Mellieħa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm dwar il-mistoqsija parlamentari 16584 u u ċjoè b’referenza għar-risposta tal-mistoqsijiet parlamentari 16160 u 16025 li jikkonċernaw ix-xogħol li għandu bżonn isir fit-triq li minn San Pawl il-Baħar twassal sal-Mellieħa, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk tlestewx, jew almenu jekk inbdewx il-konsultazzjonijiet li suppost għandhom isiru qabel ikun jista’ jsir ix-xogħol neċessarju fuq il-wiċċ tal-istess triq? Jekk inbdew, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif, sa issa, ma’ liema entitajiet saru l-konsultazzjonijier u x’irriżulta minnhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed jinżammu serje ta’ laqgħat mal-entitajiet ikkonċernati (Enemalta, Waterservices, Vodafone, Go, Melita, Dipartiment tad-Drenaġġ). Il-laqgħat bdew fl-Lulju u qed jinżammu regolarment. Minn dawn il-laqgħat ħareġ li hemm bżonn isiru diversi xogħlijiet estensivi minn naħa tal-entitajiet li se jkunu qed jieħdu l-opportunita’ ibiddlu ħafna mis-servizzi tagħhom. Bħal issa qed jitfassal pjan ta’ xogħlijiet biex kemm jista’ jkun l-istess xogħlijiet isiru bl-inqas inkonvenjent għall-persuni li jagħmlu użu minn din it-triq.