Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #19956 Sitting 305 2015-10-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fortizza Campbell — żviluppi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi żviluppi partikolari li huma mistennija li jseħħu għal dak li jirrigwardja l-fortizza Campbell, fl-inħawi ta’ Selmun il-Mellieħa?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għad m’hemm l-ebda żviluppi partikolari għal dak li jirrigwardja Fortizza Campbell fl-inħawi ta’ Selmun, il-Mellieħa.

Transport Malta — twaħħil ta' bus stop

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu jżomm lill-Transport Malta milli twaħħal bus stop f' kull direzzjoni tat-traffiku, ħdejn Għajn Stas fit-triq li mix-Xemxija twassal għal Għajn Tuffieħa, u dan biex in-nies li joqogħdu hemm ma jkollhomx għalfejn jimxu tul kbir biex jirkbu karozza tal-linja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara spezzjoni li saret fuq il-post imsemmi ġie deċiż li jitwaħħal bus stop f' kull direzzjoni tat-traffiku fiż-żona hekk kif indikata. Fil-preżent għaddej programm ta’ twahhil ta’ bus stops ġodda b’konnessjoni mal-introduzjoni tan-network il-ġdid tat-trasport pubbliku u ninsab infurmat illi dan il-bus stop sejjer ikun qed jitwaħħal fil-futur qrib bħala parti minn dan il-programm.

Triq li mix-Xemxija twassal għall-Mellieħa – laqgħat ta’ konsultazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġibiet dwar il-laqgħat ta’ konsultazzjoni li qed isiru dwar it-triq li mix-Xemxija twassal għall-Mellieħa, billi f’numru ta’ partijiet tagħha hemm diffikultajiet mhux żgħar, kif ukoll hemm il-periklu li l-pont tal-Mistra jisfronda, kif diġà hu viżibilment evidenti ukoll jekk tgħaddi minn fuqu, jista’ l-Ministru jassigura li l-interventi neċessarji għal tiswijiet temporanji jsiru fl-iqsar żmien possibli biex jiġi evitat li l-eluf kbar ta’ nies li jgħaddi minn din it-triq jibqagħlhom aċċess kontinwu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn investigazzjonijiet li għamlet l-Awtorità ma jidhirx li hemm xi periklu imminenti li għandu jwassal għall-isfrondar tal-pont tal-Mistra. Sadanittant u sakemm jibdew ix-xogħlijiet prinċipali, Transport Malta xorta se tkun qiegħda tagħmel xi interventi biex tnaqqas l-inkonvenjent.

Buġibba/Qawra – studju ta’ Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ studji wettqet Transport Malta biex tassigura li l-ħtiġijiet ta’ parking għar-residenti u dawk li jżuru Buġibba/Qawra jkunu sodisfatti? Billi mid-diskors tal-baġit u jidher li jekk kien hemm konsiderazzjoni għat-twettiq ta’ parkeġġ f’dawn in-naħat, l-istess studju ġie mwarrab, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm tali studju?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li saru studji dwar parkeġġ fit-toroq kummerċjali u dawk f'postijiet ta' divertiment, fosthom ġewwa Buġibba u fil-Qawra. Dawn l-istudji huma l-bażi tal-proposti tal-Polza tal-Parkeġġ fit-Toroq li ġiet riveduta u li ser titnieda għall- proċess ta' konsultazzjoni estensiva fil-ġimgħat li ġejjin.

San Pawl il-Baħar – parking areas

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet mis-settur privat, biex ikun hemm xi forma ta’ PPP għal dak li jikkonċerna bini ta’ parking areas fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Jekk kien hemm, x’kienu l-kunsiderazzjonijiet li saru biex tali proposti jiġu aċċettati jew rifjutati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda talba mis-settur privat għal xi forma ta' PPP f'San Pawl il-Baħar.

Toroq li huma one lane – tibdil

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq li huma one lane f’kull direzzjoni filfatt jinbidlu għal two lane f’kull direzzjoni? Meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol meħtieġ biex dawn it-toroq isir ix-xogħol neċessarji fuqhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li ma hemm l-ebda triq li kienet one lane f'kull direzzjoni li issa saret two lane f"kull direzzjoni.

Klabbs tal-waterpolo — kollaborazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ kollaborazzjoni hi maħsuba li titwettaq mal-klabbs tal-waterpolo f’Malta, matul is-sena d-dieħla? Ma’ liema klabbs hu mistenni li jkun hemm din il-kollaborazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 19418. Filwaqt li ser titkompla l-ħidma fuq il-pitch tal-waterpolo ta’ Birżebbuġa, billi jitlesta l-bini tal-clubhouse, l-informazzjoni fuq l-għajnuna għall-2016 ma tistax tingħata għax l-applikazzjonijiet għad iridu jiġu deċiżi sa tmiem din is-sena.

12-il Distrett Elettorali – tenders maħruġa għal toroq — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq fit-12-il distrett elettorali fil-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar li għalihom diġà ħarġu t-tenders, iżda x-xogħol għadu mhux magħmul? F’kull każ, meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq dawn it-toroq??

Response (MIZZI, JOE)

Ninform lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija hekk kif segwenti: Bidu Tender for the construction of Triq il-Fugass & Tamar San Pawl Fl-ewwel kwart 2016 Tender for the Construction of Triq San Injazju ta' Loyola, Naxxar Fl-ewwel kwart 2016 Tender for the Construction of Triq L - Inkwina, Naxxar Fl-aħħar kwart 2015 Construction of p/o Triq Tamar & NS Triq Port Ruman, San Pawl il-Bahar Fl-ewwel kwart 2016

In-Naxxar — Triq li tgħaqqad Triq is-Salina ma' Triq Burmarrad - xogħlijiet

Question

Billi sqaq il-Kustinjuż, limiti tan-Naxxar, triq li tgħaqqad Triq is-Salina, ma' Triq Burmarrad tinsab fi stat tal-biki, jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jassigura li din l-istess triq tingħata wiċċ bit-tarmak, iktar u iktar minħabba li din l-istess triq tista' sservi ta' passaġġ għall-karozzi li jkunu sejrin f'direzzjonijiet opposti, b'mod partikulari lejn il-Magħtab?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għajn Tuffieħa — Triq li tieħu mix-Xemxija - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fil-parti tat-Triq li tieħu mix-Xemxija lejn Għajn Tuffieħa, ftit qabel l-inħawi fejn qabel kien hemm il-kumpless tal-Ballut Blocks, liema nħawi jegħrqu kull meta tagħmel ftit xita, b'tali mod li ma jkunx possibli li minnhom jgħaddi t-traffiku, tiġi rranġata? Billi jidher li fl-inħawi se jsiru xi xogħlijet marbutin mal-konferenza tal-Commonwealth f'Malta, jista' jassigura li x-xogħol neċessarju jsir qabel dak iż-żmien?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħliiet biex titranġa l-problema tal-għargħar bdew u għandhom jitlestew sa nofs Novembru. Ix-Xogħol jinkludi bini ta’ storm water culverts u xogħlijiet ta’ asfaltar.
Leg 12 PQ #19670 Sitting 302 2015-10-19 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Toroq li jwasslu mill-Imġarr u x-Xemxija għal Għajn Tuffieħa — dwal adegwat

Question

Jista' l-Minstru jieħu l-passi neċesarji biex it-toroq li jwasslu mill-Imġarr u mix-Xemxija rispettivament, lejn Għajn Tuffieħa, jkollhom id-dawl stallat fihom minħabba l-fatt li dawn iservu biex minnhom jgħaddu mijet/eluf ta' karozzi kuljum, u d-dlam li hemm ma jgħinx biex l-istess toroq iservu l-iskop tagħhom b'mod adegwat?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 17839 (sbatax-il elf, tminn mija, disgħa u tletin).

San Pawl il-Baħar — żviluppi dwar bini ta' skola ġdida

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żvilupp għal dak li jikkonċerna l-bini ta' skola ġdida f'San Pawl il-Baħar? Jekk kien hemm, jista' jagħti tagħrif dwar x'kineu dawn l-iżviluppi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada issottomettiet l-applikazzjoni l-MEPA u qed tistenna li jinħarġu l-permessi meħtieġa biex b’hekk ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet.
Leg 12 PQ #19921 Sitting 302 2015-10-19 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Sistema tad-drenaġġ — fosos

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'miżuri speċifiċi qed jittieħdu biex fil-postijiet fejn fadal il-fosos dwar jitqabbdu mas-sistema tad-drenaġġ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-maġġoranza tal-fosos huma jew teknikament diffiċli inkella mhux ekonomikament vijabbli li jingħaqdu mas-sistema ta’ drenaġġ. Madanakollu l-Korporazzjoni qegħda tagħmel l-istudji neċessarji sabiex dawn jiġu integrati mas-sistema. Sadanittant il-fosos qegħdin u se jibqgħu jitbattlu b’mod regolari mingħajr ebda spejjeż fuq il-konsumatur.
Leg 12 PQ #19631 Sitting 301 2015-10-14 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Ammont ta’ ilma provdut mill-WSC

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu l-ammont ta' ilma li qed jiġi provdut kuljum, mid-diversi sorsi tal-WSC, liema ilma mbagħad jitpoġġa għall-użu divers li jkollu bżonn għall-ħtiġijiet ta' kuljum il-konsumatur? Kemm hu l-ammont ta' ilma li qed jiġi msoffi mis-sistema ta' tisfija tad-drenaġġ, kuljum? Kif jista jiġi spjegat id-differenza li hemm bejn iż-żewġ ammonti?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-produzzjoni mill-Impjanti tar-Reverse Osmosis hija madwar 52,605 (tnejn u ħamsin elf, sitt mija u ħamsa) metri kubu kuljum; dik mill-ilma tal-Pjan hija 22,272 (tnejn u għoxrin elf, mitejn,tnejn u sebgħin). Fir-rigward tal-ilma sekondarju, renaġġ ittrattat kuljum huwa ta 25.13 (ħamsa u għoxrin punt wieħed, tlieta) miljun metri kubu fis-sena, fil-waqt ilma użat għall-irrigazzjoni huwa 1.09 (wieħed punt żero, disgħa) miljun metri kubu fis-sena. Id-differenza bejn dak ittrattat u dak użat huwa li filwaqt li d-drenaġġ huwa ppurifikat fuq bażi kontinwu matul is-sena qabel ma jintrema fil-baħar, huwa biss fiż-żmien l-istaġuni xotti, illi jintuża għall-irrigazzjoni.
Leg 12 PQ #19632 Sitting 301 2015-10-14 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Mellieħa – Santa Marija Estate – xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li l-WSC tagħmel ix-xogħol neċessarju fuq is-sistema tad-drenaġġ li hemm f'Santa Marija Estate, il-Mellieħa, biex din is-sistema tkun qed tassigura li ma jkunx hemm kontaminazzjoni?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni li għandi jidher li min naħa tal-WSC m'hemm l-ebda xogħol pendenti xi jsir f'Santa Marija Estate, il-Mellieħa. Il-problemi ta' kontaminazzjoni ġejjin mill-"private house connections". Il-każ għadda għand id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali.
Leg 12 PQ #19633 Sitting 301 2015-10-14 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Swimming pools reġistrati mal-WSC

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' swimming pools li għandha reġistrati magħha l-Water Services Corporation? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi mod li l-ilma li jintuża minn dawn il-pools jerġa' jiġi utilizzat, għal skopijiet oħra, fosthom dawk agrikoli?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-reġistrazzjoni tas-swimming pools ma taqax taħt ir-responsabbilta' tal-Water Services Corporation iżda tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma. In-numru ta’ swimming pools reġistrati huwa ta’ 4080 (erbat’ elef u tmenin). B’mod ġenerali l-Gvern huwa favur ir-reuse ta’ kull riżors tal-ilma.
Leg 12 PQ #19634 Sitting 301 2015-10-14 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Fosos irreġistrati mal-WSC

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' fosos li hemm reġistrati mal-Water Services Corporation? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hemm tali fosos li huma reġistrati mal-WSC lokalità lokalità?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm total ta' 536 (ħames mija, sitta u tletin) fossa reġistrati mal-WSC, imqassmin f'48 (tmienja u erbgħin) lokalita' differenti.

Għalliema li m’għandhomx twemmin kattoliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi tkun il-pożizzjoni fl-iskejjel tal-Gvern meta għalliema li ma jkollhomx it-twemmin kattoliku, jiġu biex jagħtu l-lezzjoni tar-reliġjon lit-tfal li jkunu fil-klassijiet tagħhom? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm każijiet, matul dawn l-aħħar sentejn fejn inħolqot din is-sitwazzjoni? Jekk kien hemm każijiet simili, kemm kien hemm u kif ġiet solvuta s-sitwazzjoni li nħolqot?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-suġġett tal-Edukazzjoni Reliġjuża fejn jiġi mgħallem it-twemmin Kattoliku hu wieħed mis-suġġetti tal-Qafas tal-Kurrikulu fis-Settur tal-Primarja. L-għalliema li jkunu ser jidħlu għal dan it-tagħlim ikunu jafu il-parametri li fihom iridu joperaw sa minn meta jagħżlu l-Kors tagħhom fl-Università ta’ Malta. Ta’ min josserva li t-tagħlim tar-Reliġjon Kattolika jinvolvi fost l-oħrajn, tagħlim ta’ għarfien. Għaldaqstant l-għalliema jkunu meħtieġa joħolqu esperjenzi li fihom l-istudenti jakkwistaw dan l-għarfien bħal kull suġġett ieħor. F’każijiet fejn l-għalliem ma’ jkunx ta’ reliġjon Kattolika, wieħed jista’ jirrakkomanda li fl-iskola jew fis-sena li tkun tgħallem din l-għalliema jew dan l-għalliem, ikun hemm dak li jgħidulu subject teaching , iġifieri għalliem/a jgħallmu suġġett/i partikolari fi skola u mhux klassi partikolari – hekk l-għalliema li ma jkunux ta’ twemmin Nisrani jkunu jistgħu jevitaw li jgħallmu r-Reliġjon Kattolika. Fis-Sekondarja, l-għalliema li jgħallmu s-suġġett tar-Reliġjon jagħmlu dan b’għażla; jistudjawh l-Università u joħorġu bħala għalliema tar-Reliġjon. Kull għalliem tar-Reliġjon fis-sekondarja għandu bżonn li jkollu ċ-Ċertifikat tal-idonjetà min-naħa tal-Kurja. Matul dawn l-aħħar sentejn l-ebda Skola u Kulleġġ ma informa lid-Direttorat tal-Kurrikulu b’każijiet simili bħal dawk li saqsa dwarhom l-Onor. Interpellant. L-applikazzjoni għal għalliem tar-Religjon ma tinkludix rekwiżit li l-applikant irid ikun kattoliku pratikanti. Ma jirriżultax li kien hemm każijiet fejn l-Iskejjel kellhom jaffaċċjaw is-sitwazzjoni li għaliha qed jagħmel referenza l-Onor. Interpellant.

Xogħlijiet fuq it-triq bejn ix-Xemxija u l-Mellieħa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19313, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru laqgħat mal-entitajiet differenti msemmija fit-tweġiba? Meta saru dawn l-istess laqgħat u meta mistennija li jintemmu? Meta hu mistenni li jintemm it-tfassil tax-xogħol neċessarju u meta hu mistenni li jinħarġu t-tenders għax-xogħol neċessarju u jinbeda x-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa nżammu 4 laqgħat hekk kif ġej: - 8 ta’ Lulju - 20 t’Awwissu - 27 t’Awwissu - 3 ta’ Settembru Fadal jinżammu bosta laqgħat oħra ta’ ko-ordinazzjoni minħabba l-fatt li x-xogħlijiet huma estensivi u t-triq hija waħda problematika. Barra minn hekk, wieħed irid iżomm f’moħħu is-sensittivita’ ta’ dawn ix-xogħlijiet minħabba l-effett tal-istess xogħlijiet fuq it-traffiku kollu li jkun sejjer l’ fuq minn dawn l-inħawi. Għal dawn ir-raġunijiet, Transport Malta għadha mhiex f’pożizzjoni li tagħti dati dwar l-ħruġ ta’ tenders u bidu ta’ xogħlijiet.

San Pawl il-Baħar – Skola primarja — tfal

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tfal li jattendu l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, li iżda ma jinġarrux lejn l-iskola u lura, permezz tat-trasport ipprovdut mill-Gvern innifsu? Kemm minn dawn it-tfal huma mill-kindergarten?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' tfal fl-Iskola ta' San Pawl il-Baħar hu 1010. Minn dawn 407 jużaw it-trasport ipprovdut mill-Gvern filwaqt li s-603 studenti l-oħra jew jużaw trasport privat, jew jinġiebu u jinġabru mill-ġenituri. It-tfal tal-kindergarten, li jammontaw għal 244, ma jkollhomx trasport ipprovdut mill-Gvern.