Billi matul Triq il-Kosta hemm (f’partijiet mit-triq) passaġġi għar-roti, jista’ l-Ministru jassigura, permezz ta’ Transport Malta, li jkun hemm indikazzjoni ċara li l-lanes iridu jintużaw skont id-direzzjoni tat-traffiku u mhux fiż-żewġ direzzjonijiet, kif qed jagħmlu xi wħud, u dan minħabba l-periklu li jista’ jinħoloq konsegwenza tat-traffiku tar-roti fiż-żewġ direzzjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-passaġġ għaċ-ċiklisti ser ikollu zebgħa mal-art li turi s-simbolu ta’ rota u dan ser ikun dejjem fl-istess orjentazzjoni. Ser ikun hemm ukoll tabelli nstallati li juru l-passaġġ/direzzjoni. Dawn iż-żewġ fatturi jindikaw id-direzzjoni li jridu jieħdu ċ-ċiklisti. Il-passaġġ għaċ-ċiklisti huwa ppjanat biex jintuża f’direzzjoni waħda. Dan huwa wkoll skont l-artiklu 58 tal-Highway Code li jgħid li ċiklist għandu dejjem isuq ir-rota fuq in-naħa tax-xellug tal-karreġġjata sakemm ma jkunx hemm indikazzjonijiet li l-passaġġ jista’ jintuża fiż-żewġ direzzjonijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid skont ir-regoli ta’ Transport Malta kif suppost, u fejn għandhom jitpoġġewil-car seats li jintużaw biex fihom jitqiegħdu t-tfal li jkunu qed jakkumpanjaw lis-sewwieqa tal-karozzi? Jista’ jagħti tagħrif dwar kif suppost li jintrabtu dawn l-istess car seats? Jista’ jagħti tagħrif dwar meta nbidlu, jekk inbidlu, ir-regolamenti li jirregolaw dawn iċ-ċirkostanzi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi r-regoli dwar is-sistemi ta’ rbit tat-tfal fil-vetturi bil-mutur huma stabbiliti fir-Regolamenti dwar it-Tilbis ta’ Ċintorini tas-Sigurtà fil-Vetturi bil-Mutur (L.S. 65.12). Tali sistemi jistgħu jitwaħħlu kemm mas-sedili ta’ wara, kif ukoll mas-sedili ta’ quddiem tal-vetturi bil-mutur u jistgħu ikunu jew iħarsu l-quddiem, jew iħarsu lura. Madanakollu tarbija ta’ anqas minn tliet snin m’għandhiex tinġarr f’sistema ta’ rbit tat-tfal li tħares lura li tkun imwaħħla mas-sedil ta’ quddiem imħares minn borża tal-arja sakemm dik il-borża tal-arja ma tkunx ġiet deattivata.
Ninsab infurmat ukoll illi s-sistemi ta’ rbit tat-tfal għandhom jiġu installati skont l-informazzjoni tal-immuntar (eż. il-manwal tal-istruzzjoni, il-fuljett jew il-pubblikazzjoni elettronika) ipprovduta mill-manifattur tas-sistemi ta’ rbit tat-tfal u li jkunu jiddikjaraw b’liema mod u f’liema tipi ta’ vetturi s-sistemi jistgħu jintużaw mingħajr periklu.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat illi r-Regolamenti dwar it-Tilbis ta’ Ċintorini tas-Sigurtà fil-Vetturi bil-Mutur ġew emendati l-aħħar fl-24 t’Ottubru tas-sena 2014 permezz tal-Avviż Legali 392 tal-2014. L-għan ta’ dawn ir-regolamenti kien li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/37/UE tas-27 ta’ Frar 2014 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/671/KEE dwar l-użu obbligatorju taċ-ċintorini tas-sikurezza u s-sistemi tat-trażżin għat-tfal fil-vetturi.
B’referenza għax-xogħol li qed isir fuq il-breakwater tal-Veċċja f’San Pawl il-Baħar, billi qed jingħad li qed jinħolqu xi diffikultajiet għal dawk li normalment jużaw l-istess breakwater, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol li hu marbut ma’ dan l-istess breakwater? Kemm hu mistenni li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?
Response (BRINCAT, LEO)
Naħseb li l-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li x-xogħlijiet ferm meħtieġa li qed isiru fuq il-breakwater, bilfors joħolqu ċerti diffikultajiet u inkonvenjenza għal dawk li normalment jużaw il-breakwater. Iżda meta x-xogħlijiet jitlestew, il-benefiċċji għall-istess nies ikunu ta’ sodisfazzjon.
Għar-rigward tal-mistoqsija tiegħek, minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninfurmak li x-xogħol li qed isir fuq il-
breakwater
tal-Veċċja f’San Pawl il-Baħar hu mistenni li jitlesta sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, sakemm ma jkunx hemm dewmien minnħabba maltemp li jista’ jaħkem il-post. Ninsab infurmat li l-ispiża fuq dan il-proġett hija maqsuma kif ġej: Xogħol strutturali relatat mal-moll, it-tisħiħ tiegħu u l-faċilitajiet relatati, liema xogħol jammonta għal €1,090,875.10. Minbarra dan, qed isir xogħol għall-Water Services Corporation fuq is-sistema tad-drenaġġ li jammonta għal €117,302.36. Għalhekk l-ispiża totali hija ta’ €1,208,177.46 (VAT eskluż).
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu r-roundabouts li fuqhom sar xogħol straordinarju matul dawn l-aħħar xahrejn, mill-ELC? Fiex kien jikkonsisti dan l-istess xogħol?
Response (BRINCAT, LEO)
Nixtieq intik l-informazzjoni mitluba biss kif diġa fissirt fit-tweġibiet ta’Mistoqsijiet Parlamentari oħrajn, l-operat tal-ELC ma jaqax taħt il-Ministeru tiegħi.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhi l-proċedura biex individwu japplika biex ikun jista’ jiġi ċċertifikat li jista’ joħroġ ċertifikati tal-energy efficiency għall-bini li jkunu se jinbiegħu jew jinkrew? Meta hu mistenni li jsir il-kors li jmiss?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li individwu jeħtieġ li jsegwi kors bħala Assessur rispettivament organizzat mill-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini li bħalissa qed jorganizza kors għan-non-dwellings. Is-sena d-dieħla jiġi organizzat kors għad-dwellings.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 20257, 20258, 20256 u 20255, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni, f’kull wieħed mill-korpi indikati li fil-fatt weġġgħu fuq il-post tax-xogħol tagħhom matul l-2015?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2015 kien hemm total ta’ ħamsa u ħamsin persuna li weġġgħu fuq il-post tax-xogħol. Dawn huma mqassmin kif ġej:
Protezzjoni Ċivili – 4 membri
Pulizija – 24 membru
Faċilita` Korretiva ta’ Kordin – 8 membri
Forzi Armati ta’ Malta – 19 il-membru
Water Services Corporation – Veccia – ħsarat fis-sistema tad-drenaġġ
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex wara li sar xogħol minħabba l-ħsarat fis-sistema tad-drenaġġ f’isem il-WSC, fil-Veccia, jista’ jassigura li l-wisgħa kollu tat-triq, jiġi mogħti wiċċ ġdid?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma illi l-wiċċ tat-triq fejn saru x-xogħlijiet meħtieġa fi Triq San Pawl sar skont il-kundizzjonijiet tal-permess maħruġ minn Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi pjani ġodda għandu l-Ministeru biex jiġi assigurat li s-sistema tad-drenaġġ fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, tiżdied biex tilqa’ għat-tkabbir kontinwu tal-popolazzjoni f’dawn in-naħiet?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma illi s-sistema tad-drenaġġ f'San Pawl il-Baħar hija adekwata.
Jista’ l-Ministru, permezz ta’ Transport Malta jassigura li fl-inħawi tal-Erba’ Imwieżeb (qrib Piscopo Cash and Carry) isir wiċċ ġdid lit-triq wara x-xogħlijiet li saru bħala parti mit-Triq il-Kosta, iktar u iktar wara li l-ilma tax-xita qalgħet parti sew mill-wiċċ temporanju li kien hemm, u qed tikkawża ħafna ħsarat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk qed jirreferi għas-central island li Transport Malta kienet fetħet biex tagħti aċċess mit-traffic light junction, din il-medda ġiet reinstated.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet li jikkonċernaw il-pitkalija ħarġu tenders għalihom matul l-2015? Liema minn dawn it-tenders diġà ġew allokati u f’liema każ diġà sar ix-xogħol?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi lista ta’ tenders li nħarġu matul l-2015. Sadanittant ta’ min ifakkar li għall-ewwel darba fl-istorja tal-Pitkalija għall-Budget 2016 ġiet ivvutata s-somma ta’ €1.6 miljun sabiex tintuża fuq ir-riforma tal-Pitkalija. Infurmat ukoll li bħalissa qed jitħejjew tenders oħra sabiex isiru xogħlijiet fil-Pitkalija.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20236, jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx xi klabbs tal-waterpolo li talbu l-għajnuna biex itejbu jew jirranġaw il-faċilitajiet li għandhom bħalissa? Jekk iva, liema huma dawn il-klabbs?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Intepellant li dan il-Ministeru kellu laqgħat mal-Klabb tas-Sirens ASC dwar kif tista’ tingħatalhom għajnuna biex itejbu l-faċilitajiet li għandhom bħalissa.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20242, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk skont it-tweġiba li qed jagħti hux qed ifisser li r-responsabilità li s-soqfa jinżammu fi stat tajjeb hijiex tas-sidien?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mgħoddija lili mid-Dipartiment tal-Artijiet, la darba l-art fuq liema huma mibnija dawn il-boathouses hija mogħtija b’ċens perpetwu allura r-responsabilità li s-soqfa jinżammu fi stat tajjeb hija tas-sidien.
Il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar – Skeda tax-Xitwa – servizz ta’ karozzi tal-linja
Question
Billi jidher li minn meta bdiet l-iskeda tax-Xitwa għas-servizz tal-karozzi tal-linja, fl-inħawi tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar, qed jinħolqu problemi kbar ta’ stennija fuq l-istages ta’ dawn il-lokalitajiet, jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex dawn l-inkonvenjenti jitneħħew?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fit-tieni fażi tal-introduzzjoni tan-network il-ġdid li hu mistenni li jiddahhħħal sal-aħħar ta’ din is-sena, ser ikun hemm żieda fil-frekwenza fuq ċertu rotot kif ukoll introduzzjoni ta’ rotot ġodda.
Infurmat ukoll li b’dan it-tibdil ser ikun hemm żieda fil-vjaġġi fl-inħawi tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar.
12-il Distrett Elettorali – tenders maħruġa għal toroq — xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19658, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlestew it-toroq li hemm indikati fit-tweġiba, kemm f’San Pawl il-Baħar, kif ukoll fin-Naxxar? Jista’ jagħti wkoll informazzjoni dwar meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol fuq Triq il-Papa Ġwanni Pawlu II, Burmarrad?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-prijoritajiet kurrenti, x-xogħlijiet kollha msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari 19658 mistennija jitlestew sa nofs is-sena d-dieħla. Dan pero jibqa’ wkoll suġġett li ma jinstabux problemi tekniċi fit-toroq u li l-kuntratturi jonoraw l-obbligi tagħhom.
Transport Malta – San Pawl il-Baħar – Triq il-Wileġ u Triq Erba’ Mwieżeb — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru, permezz ta’ Transport Malta jieħu l-passi neċessarji biex Triq il-Wileġ u Triq Erba’ Mwieżeb f’San Pawl il-Baħar, liema toroq intużaw bħala rotot alternattivi biex minnhom jgħaddi t-traffiku kollu waqt li kien għaddej ix-xogħol fuq Triq il-Kosta, jiġu rranġati minħabba l-ħsarat kbar li dawn l-istess toroq ġarrbu, waqt dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel ma bdew ix-xogħlijiet marbuta mal-proġett ta’ Triq il-Kosta, Transport Malta kienet għamlet spezzjoni fuq dawn iż-żewġ toroq. Hekk kif intemm il-proġett, Transport Malta reġgħet għamlet spezzjoni fejn irriżulta li ma kien hemm l-ebda differenza kbira bejn l-istat ta’ qabel u dak ta’ wara ħlief għal parti żgħira fejn Triq l-Erba’ Mwieżeb tgħaqqad ma’ Triq il-Lampuki li fil-fatt se tiġi reinstated.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fi Triq il-Wileġ, San Pawl il-Baħar, jitqiegħdu sinjali tat-traffiku li jindikaw l-ispeed limit billi f’din it-triq hemm football ground fejn ikun hemm ħafna tfal u hemm abbuż ta’ sewqan eċċessiv fl-istess inħawi?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li ma kien hemm l-ebda talba mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar f'dawn l-aħħar erbgħa snin għal tabelli tal-limitu tas-sewqan f'din it-triq. Id-Dipartiment għall- Immanniġġjar tat-Traffiku ser jikkonsulta mal-Kunsill Lokali f'dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm ħaddiema taċ-Ċivil li bdew xi kors universitarju wara l-arranġamenti li saru bejn l-Università u l-Gvern? F'liema oqsma ta' studju qed jitħarrġu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ ħaddiema taċ-Ċivil li bdew kors universitarju wara l-arranġamenti li saru bejn l-Università u l-Gvern huma dawn:
Bachelor of Arts (Hons) in Public Administration – 32 ħaddiem
Executive Master of Business Administration in Public Management – 15-il ħaddiem
Executive Master of Business Administration in Public Management (Preparatory Programme) – 2 ħaddiema
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li jiggradwaw studenti din is-sena, lokalità b'lokailtà mill-Università ta' Malta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta’ studenti fl-Università ta’ Malta li huma mistennija jiggradwaw din is-sena, lokalità b’lokalità. L-għadd preċiż ta’ gradwati jkun magħruf fl-aħħar taċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni, fil-15 ta’ Diċembru 2015.
Hemm ukoll 14-il gradwat li segwew kors fuq bażi ta’ “Distance Learning”.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti li bdew xi kors universitarju din is-sena, lokalità b'lokalità?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi n-numru ta’ studenti fl-Università ta’ Malta li bdew xi kors universitarju din is-sena akkademika, lokalità b’lokalità.