Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif x’xogħol infrastrutturali sar fil-pitkalija, matul l-2015? Kemm ġie jiswa dan l-istess xogħol?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li ma sar l-ebda xogħol ta’ tibdil infrastrutturali ġewwa l-Pitkalija f’ Ta’ Qali għas-sena 2015.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-regolamenti li jikkontrollaw il-clamping zones f'Malta? Jista' jagħti tagħrif dwar liema huma l-clamping zones stabbiliti u fejn jinsabu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 20645.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm vetturi b’number plates barranin, li twaqqfu mill-pulizija, matul l-ewwel ġimgħat ta' din is-sena, wara d-dħul fis-seħħ ta' regolamenti ġodda dwar dan is-suġġett?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fl-ewwel ġimgħat ta' din is-sena, wara d-dħul fis-seħħ ta' regolamenti ġodda dwar vetturi b’numri barranin, twaqqfu ħames vetturi li ġew spezzjonati.
Buġibba – Direzzjoni ta’ San Pawl il-Baħar – traffic lights
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fid-daħla ta’ Buġibba, fejn kien hemm it-traffic lights, mid-direzzjoni ta’ San Pawl il-Baħar, u fejn għad hemm imwaħħlin l-arbli li fuqhom kienu mwaħħla t-traffic lights, jerġgħu jitwaħħlu dawn l-istess traffic lights u dan qabel ma jkun hemm xi diżgrazzja serja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta għal kull azzjoni li tista’ tittieħed.
San Pawl il-Baħar – Triq il-Pijunieri — charging point
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex terġa’ titwaħħal iċ-charging point li kien hemm fi Triq il-Pijunieri, San Pawl il-Baħar, wara li din l-istess point tkissret f’inċident tat-traffiku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li kien hemm incident fejn din iċ-charging pillar ġiet milquta u peress li din hija propjeta’ pubblika, irid isir l-istħarrig meħtieġ skont il-liġijiet finanzjarji tal-pajjiż, inkjesti tekniċi sabiex tiġi evalwata il-ħsara u studju intern sabiex qabel terġa teħel, jiġi evalwat jekk is-sit huwiex vijabbli li jassigura li ma jsirx inċident ieħor u li jista’ jkun ta’ periklu sew għas-sewwieqa li jgħaddu minn hemm kif għall-pubbliku in ġenerali. L-ippjanar u l-immanigjar ta’ infrastruttura bħal din titlob studju, serjeta’ u għaqal.
Burmarrad/ San Pawl il-Baħar – ċaqliq ta’ bus stop
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi ċaqliq għal dak li jirrigwarda bus stop minn quddiem iċ-ċimiterju ta’ Burmarrad/San Pawl il-Baħar? Min talab li jsir dan iċ-ċaqliq, u min awtorizza li l-istess ċaqliq iseħħ? Min għamel ix-xogħol biex imexxi din il-bus stop?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-bus stop li jġib l-isem ta’ “Qadi” kien immexxi bi ftit metri wara talba li kellha Transport Malta. Wara li l-Awtorità analizzat din it-talba, il-bus stop imsemmi ġie mressaq.
Infurmat ukoll li dan ix-xogħol sar minn Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jingħata s-servizz ta’ home help lil dawk l-anzjani li għandhom talba pendenti għal dan is-servizz? Kemm hemm anzjani li għandhom talba pendenti u minn liema lokalitajiet? Fil-każ partikulari ta' San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani li kellhom dan is-sapport, li iżda mhux qed jingħatalhom, minħabba li naqsu xi home helpers? Meta hu mistenni li jerġgħu jingħataw dan l-istess sapport?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
San Pawl il-Baħar – Bozoz skonnettjati mill-Enemalta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm bozoz li ġew skonnettjati mill-Enemalta, b’inizjattiva tal-istess Enemalta, f’San Pawl il-Baħar, matul dawn l-aħħar sentejn? Fejn jinsabu dawn il-bozoz li ġew skonnettjati u li ma tneħħewx minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni li kien se jsir?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat mill-Enemalta plc li l-kumpanija ma skonnettjat l-ebda bozoz f’San Pawl il-Baħar.
Billi numru sostanzjali ta’ siġar li hemm fl-inħawi ta’ Kennedy Grove, u b’mod partikolari dawk is-siġar li hemm fit-triq li hi magħrufa bħala Triq il-Wileġ/Triq il-Qawra, jidher ċar li qed imutu, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jiġi evitat iktar imwiet ta’ siġar f’dawn l-istess inħawi?
Response (BRINCAT, LEO)
Filwaqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant fir-risposti li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 16658 u Nru. 20459 fuq l-istess suġġett, ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li, wara spezzjoni minn uffiċjali tal-Plant Health lura f’Lulju tal-2015, kienu ngħataw struzzjonijiet sabiex is-siġar mejta jew infettati jinqatgħu u jinħarqu. Ġie rakkomandat ukoll li għandu jsir bexx sistematiku kontra l-marda (tip ta’ moffa - Phytophthora).
Tajjeb hawn li wieħed jgħid li minn madwar 180 siġra ta’ din l-ispeċi (Cupressus Leylandii), s’issa kellhom jiġu maqtugħa madwar 30 siġra minħabba li mardu u mietu. Hemm madwar 16-il siġra oħra li huma infettati u qed jiġu mbexxa kif rakkomandat mid-Direttorat tal-
Plant Health
. Filwaqt li nirrikonoxxu li l-klima ta’ Malta, dik Mediterranja, mhix l-aħjar waħda għal dawn it-tip ta’ siġar, qegħdin nieħdu dawk il-miżuri rakkomandati u neċessarji biex, kemm jista’ jkun innaqqsu l-impatt ta’ din il-marda. Aktar minn hekk, qed naraw li f’postijet fejn siġar mejta jkollhom jinqerdu, jiġu mħawla flokhom siġar aktar b’saħħithom u addattati għall-klima tagħna.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-persuni li qed ikunu mpjegati biex jaħdmu bħala xufiera tal-karozzi tal-linja humiex qed jintalbu li jkunu jafu jikkomunikaw bil-Malti u bl-Ingliż, jew fil-każ ta’ xufiera li mhumiex Maltin almenu bl-Ingliż,? Jekk le, jista’ jara li almenu x-xufiera li jkunu mpjegati jkunu jafu jikkomunikaw b’lingwa li tintuża mill-maġġoranza assoluta tal-Maltin?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa rekwiżit li persuna tkun kapaċi tikkomunika bil-Malti jew inkella bil-lingwa Ingliża sabiex tiġi ngaġġata bħala xufier/a tal-karozzi tal-linja mill-Malta Public Transport. Preferibilment, il-persuni ngaġġati jkunu kapaċi jikkomunikaw biż-żewġ lingwi.
Barraminhekk, jekk ikun hemm il-bżonn, il-kumpanija tipprovdi wkoll għajnuna lingwistika lix-xufiera bħala parti mill-proċess ta’ taħriġ.
Billi fiċ-ċimiterju ta’ San Pawl il-Baħar hemm numru ta’ oqbra li suppost huma tal-komun, li iżda, għadha ma ngħatax awtorizzazzjoni biex fihom ikun jista’ jsir id-dfin, minkejja li l-istess oqbra ilhom mibnija snin sħaħ, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhi r-raġuni li għaliha dawn l-istess oqbra għadhom mhux qed jintużaw u meta hu mistenni li jibdew jintużaw?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Persuni li m’għandhomx qabar tagħhom jew tal-familja, jew li m’għandhomx dritt ta’ difna f’xi qabar privat, jikkwalifikaw għal dritt ta’ difna f’qabar tal-Gvern, magħrufa wkoll bħala tal-komun. Dawn l-oqbra huma miżmuma mil-Gvern u amministrati minnu permezz tad-Direttorat Ambjentali. Għalkemm jeżistu oqbra tal-komun f’kull ċimiterju tal-Gvern, id-Direttorat juża dejjem dawk li jinsabu fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolora f’Raħal Ġdid u dan għal amministrazzjoni aħjar ta’ dawn l-oqbra. Fil-każ illi l-oqbra tal-komun fiċ-ċimiterju tal-Addolorata għal xi raġuni ma jibqgħux disponibbli jew jimtlew, allura l-Gvern juża oqbra f’ċimiterji oħra skond il-preferenza u l-prerogattiva tiegħu.
Billi l-Ministru għadu kif inawgura xi faċilitajiet f'Kennedy Grove, jista' jassigura li dawn il-faċilitajiet ma jkollhomx perikli għal dawk li jużawhom, għaliex bosta ġenituri qed jilmentaw minħabba numru ta' nuqqasijiet li fihom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-apparat in kwistjoni għandu ċ-ċertifikazzjoni ta’ safety kif meħtieġ, u peress li l-uffiċċju tiegħi ma rċieva l-ebda lment ta’ dan it-tip, jista’ l-Onor. Interpellant jgħidilna eżatt x’inhuma n-nuqqasijiet li dwarhom qed jallega li huwa rċieva l-ilmenti? Min-naħa tiegħi jien lest li nivverifika kull ilment u jekk ikun il-każ isiru l-interventi meħtieġa.
Kennedy Grove u Salina Park – siġar imżejna għall-Milied
Question
Billi fl-area pubblika ta' Kennedy Grove u s-Salina Park hemm numru tajjeb ta' siġar li jistgħu jiġu mżejna, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex is-sena d-dieħla uħud minn dawn is-siġar jiġu mżejna għall-Milied?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-Ministeru ħa nota tas-suġġeriment tiegħek sabiex jiġi kkunsidrat iktar tard din is-sena.
Billi issa saru xi bidliet fuq ir-rotot tal-karozzi tal-linja, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-bidliet suġġeriti u li ġew aċċettati mill-kunsill lokali għall-inħawi ta' San Pawl il-Baħar?? Meta saru l-aħħar konsultazzjonijiet mal-istess kunsill?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tibdiliet li saru fin-network tar-rotot tat-trasport pubbliku saru wara li saret konsultazzjoni mall-kunsilli lokali kollha fis-sena 2013. Is-suġġerimenti kienu ntlaqgħu wkoll mill-pubbliku f’konsultazzjoni li kienet saret fl-istess sena.
Infurmat ukoll li sa fejn kien possibli, it-talbiet li saru ġew milqugħa u addotati.
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22261 għall-modifikazzjonijiet li saru fir-rotot kif ukoll l-introduzzjoni ta’ rotot ġodda.
Billi jidher li s-servizz ta' karozza tal-linja għall-Magħtab, limiti tan-Naxxar, twaqqaf, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'konsultazzjonijiet kien hemm, u ma' min, qabel ġie deċiż li dan is-servizz jiġi mwaqqaf?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-karozza tal-linja għall-Magħtab, limiti tan-Naxxar, ġie mwaqqaf minħabba li l-użu għal dan is-servizz minn din l-akwata kien baxx ħafna li jirriżulta f’waħdiet okkażjonali. Dan irriżulta minn figuri ta’ passiġġieri li ġew provduti mill-operatur tat-trasport pubbliku fi żmien meta kienu qed jiġu mfassla ir-rotot l-ġodda.
Ta’ min iżid li konsultazzjonijiet fuq ir-rotot il-ġodda saru wkoll mal-kunsilli lokali tal-lokalitajiet kollha. Mhux eskluż lanqas li ċertu rotot jiġu riveduti fil-futur jekk jinħass il-bżonn li jsir dan.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ tobba li jagħtu servizz fid-diversi polikliniċi li għandu l-Gvern? Kif inhuma mifruxa klinika klinika dawn l-istess tobba?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ tobba li jagħtu servizz fid-diversi polikliniċi li għandu l-Gvern huwa ta’126 tabib.
Nirreferi ghat-tabella t’hawn taht, fejn hemm lista tat-tobba mifruxa skond il-kliniċi li jaħdmu fihom.
Gruppi ta’ Klinici*
Floriana, Qormi, Gzira
45
Paola, Bormla
38
Mosta, Rabat, B’Kara
43
*It-tobba jahdmu fl-istess grupp ta’kliniċi skond roster.
7, 11 u 12-il distrett elettorali– proġetti ta’ tisbiħ
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-proġetti ta’ tisbiħ li ġew ippjanati minn dan il-gvern, għal-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali? Liema minnhom twettqu u liema huma mistennija li jitwettqu matul is-sena d-dieħla?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interperllant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġej;
Xogħlijiet li twettqu:
· Bini u tindif ta’ passaġġi tal-qawwi u tal-franka fil-ġonna tal-Palazz ta’ Verdala.
· Bini ta’ turġien tal-franka u tqegħid ta’ ċangatura tal-franka fil-Palazz ta’ Verdala.
· Diversi xogħlijiet fil-post tal
Girl Guides
Ħad-Dingli.
· Bini ta’
Playing Field
l-Imtarfa.
· Xogħlijiet fl-iskola
Giovanni Curmi Higher Secondary
fin-Naxxar.
Xogħlijiet li mistennija jitwettqu matul din is-sena:
· Jitkomplew u jitlestew ix-xogħlijiet fix-Xemxija (Fekruna).
· Estensjoni taċ-Ċentru tal-
Iscouts
tal-Qawra.”
7, 11 u 12-il distrett elettorali – proġetti ta’ restawr
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti ta’ restawr qed jitwettqu mill-Ministeru tiegħu għal dak li jikkonċerna is-7, 11 u 12-il distrett elettorali? F’kull każ, meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol li għaddej preżentament? Liema xogħol ieħor hu mistenni li jinbeda, u f’kull każ meta hu mistenni li jinbeda?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Imdina ser isir bdil ta’ ċangatura ma’ ġenb il-katidral. Dan għandu jinbeda f’ Ottubru tat-2016.
Ser isir restawr tal-faċċati u zuntier tal-kappella ta’ Santa Katerina l/o Rabat. Ix-xogħol għandu jinbeda kif joħroġ il-permess tal-MEPA. Bħalissa, qed isir xogħol biex jitneħħew cables tal-elettriku u street lighting li kienu mwaħħlin mal-faċċati tal-kappella.
Ser isir ukoll restawr ta’ parti zgħira tal-faċċata tal-Knisja ta’ San Pawl tar-Rabat . Ix-xogħol għandu jinbeda kif joħroġ il-permess tal-MEPA.
Billi diversi drabi ngħad li art li tinsab f’San Pawl il-Baħar u li fuqha kien maħsub li se jsir l-isports complex kienet ser tintuża għal diversi skopijiet differenti, minflok sports complex, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk tfassalx xi pjan partikulari bħala użu għal dan il-post?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel referenza għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari W313.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-parti żgħira tat-triq li fadal biex tgħaqqad il-Coast Road, (faċċata ta’ Kennedy Grove), u li għada ma ngħatatx tarmakk minkejja li tinsab imfarrka għal kollox wara x-xogħol li sar b’rabta max-xogħol tal-Coast Road, fil-fatt tiġi mogħtija wiċċ ġdid ta’ tarmakk?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jkun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu minħabba li mhux ċar għal liema triq qed jagħmel referenza għaliha.