Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa — uffiċjali - vjaġġi
Question
B'referenza għal ħames vjaġġi li saru barra mill-Ewropa, minn uffiċjali tal-Ministeru, matul l-2014, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min kienu l-uffiċjali li pparteċipaw f'dawn il-vjaġġi, u x'kienu l-ispejjeż totali li saru għal dawn l-istess vjaġġi? X'kien l-iskop ta' dawn il-vjaġġi? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-Awditur Ġenerali indikax xi rregolaritajiet f'dawn l-istess vjaġġi? Jekk iva, x'kienu dawn l-irregolaritajiet?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-safar isir minn diversi uffiċjali skont l-esiġenzi. L-informazzjoni dettaljata tinsab fir-Rapport tal-Awditur Ġenerali liema rapport tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Ministeru daħħal check-list dwar dan u jimxi mal-proċeduri tal-ivjaġġar.
Sptar Mount Carmel — impjegati - ħlas ta' overtime u allowances
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awditur Ġenerali indikax xi rregolaritajiet, fir-rapport annwali tiegħu għas-sena 2014, għal dak li jirrigwardja l-ħlas ta' overtime u allowances lill-impjegati tal-Isptar Mount Carmel? Jekk kien hemm dawn in-noti, jista' jagħti tagħrif dwar x'kienu, u x'passi ttieħdu mill-Ministeru, dwarhom?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali il-Management tal-Isptar Mount Carmel ħa l-azzjonijiet meħtieġa.
Billi matul l-aħħar xhur, f'diversi okkażżjonijiet ingħad li l-ispiża ta' Triq il-Kosta fil-fatt tnaqqset minn aktar minn €80 miljun għal madwar €54 miljun, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienu l-items li fuqhom tnaqqas il-prezz biex seta' jasal għal dan it-tnaqqis? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xogħlijiet li suppost kellhom isiru oriġinarjament li iżda tnaqqsu mix-xogħol li kellu jsir, biex ikun jista' jitnaqqas l-ammont ta' ħlas li kellu jsir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fir-rigward tal-proġett ta’ Triq il-Kosta, u wara diskussjonijiet mal-kuntratturi li ġew magħżula wara sejħa pubblika, id-Dipartiment tal-Kuntratti approva tibdil fil-kwantitajiet tal-items tal-Bills of Quantities tal-istess kuntratti sabiex ikun hemm tnaqqis fil-valur totali tal-proġett. Tul dan il-proċess ġie żgurat li dan it-tibdil bl-ebda mod ma jimpatta fuq il-kwalità, is-sigurtàu d-disinn oriġinali tal-proġett.
Fortifikazzjonijiet u postijiet storiċi — kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kuntratti ngħataw għal dak li jirrigwarda xogħol ta' restawr ta' fortifikazzjonijiet u postijiet storiċi oħra, inkluż fortijiet, matul l-2013, l-2014 u l-2015? Fejn ix-xogħol li suppost twettaq diġà sar, jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm variations mill-offerti oriġinali u f'kull każ, kemm kien il-ħlas iżjed li tħallas? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx xi rregolaritajiet li dwarhom inġibdet l-attenzjoni mill-Awditur Ġenerali, fir-rapport tiegħu għall-2014? X'kienu, jekk kien hemm, l-irregolaritajiet li dwarhom inġibdet l-attenzjoni?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, għamlet xogħol ta’ restawr fuq it-Torri tal-Madliena ġewwa Pembroke li ġie inawgurat f’Marzu 2013, kif ukoll xogħol ta’ restawr fuq it-Torri Wignacourt u il-WWII Beachpost ġewwa San Pawl il-Baħar li ġew inawgurati f’April 2015. Dawn il-proġetti kienu ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropeja.
Il-valur tal-kuntratt oriġinali tar-Restawr tat-Torri tal-Madliena kien ta’ €101,736 (inkluz VAT), u l-valur tal-kuntratt finali kien ta’ €113,459 li kien jinkludi €34,615.57
variations
approvati.
Il-valur tal-kuntratt oriġinali tar-Restawr tat-Torri Wignacourt u l-
WWII Beachpost
kien ta’ €104,694.60 (inkluz VAT), u l-kuntratt finali kien ta’ €100,604 li kien jinkludi €15,806
variations
approvati.
Minn awditjar li sar fuq il-proġetti ma jirrizultax li kien hemm irregolaritajiet.
Djar tal-Anzjani residenzjali – ID Cards tar-residenti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk id-Djar tal-Anzjani residenzjali li talbu biex ikollhom l-ID card tar-residenti tagħhom mibdula, fil-fatt jekk kellhomx it-talbiet tagħhom milqugħa, billi personnel mill-uffiċċju tal-ID cards fil-fatt marru fl-istess djar biex ikunu jistgħu jieħdu r-ritratti, u t-tagħrif l-ieħor meħtieġ? Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk għadx fadal Djar tal-Anzjani li fil-fatt għad iridu jittieħdu r-ritratti tar-residenti anzjani? Jekk iva, liema huma?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena li għaddiet l-uffiċjali tal-IDMO kienu żaru d-Djar tal-Anzjani residenzjali kollha li kienu talbuna biex immorru għandhom. Jien infurmat li matul ix-xahar li għadda kien hemm djar bħal dawn li kellhom it-tieni/t-tielet zjara mill-istess uffiċjali.
Peress li f’dawn id-djar kontinwament ikun hemm dħul ta’ residenti ġodda li jkollhom ħtieġa li jibdlu l-karta tal-identita’ tagħhom, dan is-servizz se jibqa jingħata b’mod regulari lil kull min jitolbu.
Skont l-aħħar informazzjoni miġbura d-djar tal-anzjani residenzjali li qed jistennew żjarat oħra mill-uffiċjali tal-IDMO huma dawn li ġejjin:
Casa Antonia, Casa Leone, Casa San Paolo, Charian Residence, Dar Pirotta, Dar Sant’Anna, Hill Top Garden Residential Home, Holy Family Home, St Dorothy’s Convent, Jasmine Home, Sptar Karin Grech, Mellieħa home, Roseville Home, St Catherine’s Home, Jeanne Antide (MCH), Villa Messina u Zejtun Home.
Huwa maħsub li dawn iż-żjarat isiru matul il-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żvilupp għal dak li jikkonċerna s-Selmun Palace Hotel? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk din l-istess lukanda hux se tintuża bħala lukanda jew le? ?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sar konvenju sabiex Selmun jgħaddi għand entita’ tal-Gvern. Wara dan, il-Gvern ser iniedi proċess kompetittiv sabiex Selmun jgħaddi permezz ta’ konċessjoni, lill-privat, għal skopijiet turistiċi.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-MEPA ħarġitx permess ta' żvilupp fix-Xemxija, liema żvilupp kellu jieħu post dak li qabel kien il-Mistra Village? Jekk iva, meta nħareġ dan il-permess, wara li ġie approvat? Jekk le, x'inhi r-raġuni li għaliha l-istess permess ma nħariġx?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Minn tagħrif mogħti lili mill-Awtorita ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar, l-applikazzjoni għal żvilupp fix-Xemxija fil-post fejn qabel kien hemm il-Mistra Village saret fl-24 ta’ Dicembru 2008.
Il-MEPA ħarġet non executable full development permission fid-9 ta’ Jannar 2014.
Il-MEPA toħroġ biss executable full development permission meta l-applikant jonora l-kundizzjonijiet numru 1 u 2 tal-istess permess li jirrigwardaw garanzja bankarja bl-ammont ta’ €200,000 u planning gain bl-ammont ta’ €750,000.
San Pawl il-Baħar – Triq il-Pijunieri — charging point
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22714, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-istudji msemmija fl-aħħar parti tar-risposta, fil-fatt kenux diġà saru meta twaħħlet iċ-charging pillar l-ewwel darba? Billi għadda ħafna żmien minn meta tkissret din iċ-charging pillar, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’sar s’issa dwar dan?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ studji li saru mill-amministrazzjoni preċedenti fejn kienu ser jitwaħħlu dawn iċ-charging pillars, jidher li kienu saru eżerċizzji ta’ koordinament fejn kienu involuti l-Kunsilli Lokali. Kemm setgħa dan il-Ministeru, baqa’ leali lejn dan il-pjan ħlief fejn kien hemm xi oġġezzjoni mill-istess kunsilli jew minn xi residenti jew entitajiet kummerċjali. Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet mhumiex biss tekniċi imma anke soċjali. Wara l-inċident li għalih qed issir referenza, ġie mill-ewwel mgħarraf inġinier biex jivvaluta l-ħsara fuq il-propjeta’ tal-Gvern mal-kuntrattur li bħalissa jamministra s-sistema, kif ukoll l-kumpanija tal-assikurazzjoni li tkopri s-sistema kollha. Wieħed irid jagħraf is-serjeta’ ta’ dan il-każ u li jiġi assikurat, li ma jirrepetix ruħu. Għal dan il-għan, ser jinħatar bord b’esperti mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Transport Malta, rappreżentant mill-Ministeru tal-Finanzi kif ukoll mill-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura.
Burmarrad/ San Pawl il-Baħar – ċaqliq ta’ bus stop
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22715, jista’ l-Ministru jgħid liema awtorità talbet li jsir dan iċ-ċaqliq? Billi l-post li fih tqegħdet din il-Bus Stop hu wieħed ferm iktar perikoluż mill-post li kien qabel, jista’ l-Ministru jgħid liema dipartiment ta’ Transport Malta ħa din id-deċiżjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan iċ-ċaqliq sar fuq ordni tas-sezzjoni inkarigata mit-trasport pubbliku fi ħdan Transport Malta.
Infurmat ukoll li fil-ġranet li ġejjin, uffiċċjali mill-istess sezzjoni ser ikunu qegħdin jagħmlu site visit fuq il-post sabiex jevalwaw dak li qed jingħad mill-Onor. Interpellant.
San Pawl il-Baħar – Bozoz skonnettjati mill-Enemalta
Question
Billi skont ir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22760, l-Enemalta plc. ma skonnettjat l-ebda bozoz minn San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jgħid kemm skonnettjat bozoz pubbliċi, u minn liema toroq, mill-istess lokalità matul l-aħħar sena?X’kienet ir-raġuni għal dan?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat mill-Enemalta plc li fil-perjodu msemmi ġiet skonnettjata bozza waħda fi Triq it-Turisti peress li kienet imwaħħla b’mod irregolari.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu ż-żewġ sejħiet li ħarġu mill-Ministeru, matul l-2015, għall-informazzjoni dwar kiri ta' spazju maħsub biex iservi ta' uffiċċji mill-Ministeru? Jista' jagħti tagħrif dwar l-ismijiet tal-individwi, jew entitajiet li wieġbu għal din is-sejħa, u jagħti wkoll indikazzjoni dwar il-prezzijiet li ġew mitluba fiż-żewġ każijiet? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt is-sejħiet ġewx evalwati, u jekk iva, min intgħażel, u fuq liema kriterju?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċessi ġew ikkanċellati peress li l-ebda waħda mill-proposti sottomessi ma ssodisfaw ir-rekwiżiti tal-Ministeru u ċerti talbiet kienu anke jeċċedu l-ammont li l-Gvern lest li jħallas. Għalhekk qed jippruvaw jinstabu alternattivi oħra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm vetturi b’number plates barranin, li ġew reġistrati ma’ Transport Malta wara li d-dħul fis-Seħħ ta' regolamenti ġodda dwar dan is-suġġett ftit ġimgħat ilu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sal-25 ta’ Jannar 2016 ġew maħruġa 46 permess tat-30 ġurnata lill-vetturi b’ numbers plates barranin.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm vetturi li nġabru minn Transport Malta li tħallew abbandunati matul l-2015 u kemm inġabbru minn kull lokalità?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2015 inġabru tmien vetturi minn tmien lokalitajiet differenti li kienu San Pawl il-Baħar, l-Imsida, il-Marsa, iż-Żurrieq, Birkirkara, Ħal Qormi, Ħal Lija u St. Andrews (Pembroke).
Kunsilli Lokali — limitu għal xogħol b'direct order
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu l-limitu, f'termini ta' flus, li kunsill lokali jista' jordna xogħol b'direct order? X'jiġri jekk kemm-il darba xi kunsill lokali jagħti xogħol b'direct order li jaqbeż dan l-istess limitu li hu permess skont ir-regoli li bihom jitmexxew il-kunsilli lokali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont artiklu 24(4)(a) tar-Regolament dwar il-Finanzi tal-Kunsilli Lokali jistipula l-limitu f’termini ta’ flus li Kunsill Lokali jista’ jordna xogħol b’direct order ma jkunx jeċċedi €1,164.69 li għandhom ikunu awtorizzati mill-Kunsill Loakli skont l-ordni 32(1) tal-Ordnijiet Permanenti li hemm fis-Sitt Skeda li tinsab mal-Att, kemm-il darba ma jinxtrawx oġġetti tal-istess xorta f’perjodu ta’ erba’ xhur konsekuttivi. Għaldaqstant kull Kunsill Lokali li allegatament inqabad jaqbeż l-ammont intbagħat għand il-Bord ta’ Governanza għal aktar investigazzjoni.
Ninforma wkoll li l-Kunsill Lokali għandu Segretarju Eżekttuv li huwa l-Kap Amministrattiv, Eżekuttiv u Finanzjajru tal-istess Kunsill Lokali. Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jara li l-liġi tiġi mħarsa f’kull aspett, inkluż dak finanzjarju. Ta’ min wieħed ifakkar li l-Kunsilli Lokali jiġu awditjati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (N.A.O.).
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' kawżi ta' libell li bħalissa jinsabu pendenti quddiem il-Qrati Maltin, kemm dawk ċivili kif ukol dawk kriminali? Kemm kien in-numru ta' libelli li nqatgħu matul l-2015 skont il-kategorija differenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Bħalissa in-numru ta’ kawżi Ċivili ta’ libell pendenti quddiem il-Qrati Maltin u Għawdxin huwa ta’ 170 kawza:
Qorti
Numru ta’ Libelli pendenti
Qorti tal-Appell Superjuri
3
Qorti tal-Appell Inferjuri
19
Qorti Ċivili, Prim’ Awla
5
Qorti tal-Maġistrati
143
Total
170
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) li huma sponsorjati għal xi wieħed mill-korsijiet li hemm fl-istess ITS? Minn liema lokalità huma dawk li huma hekk sponsorjati?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ġie jiswa x-xogħol marbut mal-breakwater tal-Veċċja? Kemm minn dan ix-xogħol se jitħallas minn fondi tal-Unjoni Ewropea, u kemm minn fondi lokali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, l-proġett tal-breakwater tal-Veċċja hu stmat li ġie jiswa €1,287,232.62 (VAT inkluż). Minn dan, l-ammont ta’ €749,280 (VAT eskluż) ġie mħallas minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qatla totali taċ-ċanga, matul l-2015, u kemm kienet l-istess qatla fl-2012, fl-2013 u fl-2014?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-qatla totali taċ-ċanga fis-snin 2012-2015 kienet hekk:
2012 – 4081 ras
2013 – 4059 ras
2014 – 4088 ras
2015 – 3766 ras