Eco Gozo Regional Development Directorate – xiri ta’ materjal
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma dak li hemm fir-rapport annwali tal-Awditur Ġenerali dwar l- Eco Gozo Regional Development Directorate (ERGD), li fil-fatt inxtara materjal li ma sarux fuqu l-verifiki neċessarji? Jista’ jikkonferma li letters of comfort li jidher li nħarġu minn periti u inġiniera, fil-fatt ma nstabux? X’passi ħa l-Ministeru dwar dawn iċ-ċirkostanzi?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul it-twettiq tal-proġett imsemmi saru l-verifiki neċessarji fic-cirkostanzi u fl-ebda ħin ma nstab li kien hemm xi dokument ta’ċertifikazzjoni nieqes.
Il-mina ta’ Triq Reġjonali – speed camera — ċitazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu ċitazzjonijiet mill-ispeed camera tal-mina ta’ Triq Reġjonali, (dik li twasslek lejn Paceville), fis-6 ta’ Diċembru 2015? Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm ċitazzjonijiet li ħarġu fuq vetturi mhux Maltin, f’din l-istess ġurnata, u kemm minn dawn l-istess tickets ma setgħux jiġu kkomunikati lis-sidien tal-vetturi, peress li ma’ kenux fid-data base tas-sistema ta’ nfurzar?
Response (BONNICI, OWEN)
Fil-ġurnata tas-6 ta’ Diċembru 2015 inħarġu 22 ċitazzjoni tal-ispeed fuq vetturi Maltin.17-il ċitazzjoni oħra nħarrġu fuq vetturi barranin li ma setgħux jiġu kkomunikati peress li t-Transport Malta m’għandiex id-dettalji tar- reġistrazzjoni ta’ dawn il-vetturi bi pjanċi barranin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fid-djar residenzjali tal-anzjani, kemm dawk privati, kif ukoll dawk li għandhom ftehim mal-Gvern għal provvedimenti ta’ servizz ta’ kura lill-anzjani, matul is-sena li għaddiet? Kemm kien hemm spezzjonijiet, dar dar matul l-istess perjodu? Kemm kien hemm każijiet li fihom irriżultali kien hemm nuqqasijiet fil-kwalità tas-servizz li kien qed jingħata? X’passi ttieħdu dwar dawn in-nuqqasijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, għandu mekkaniżmu ta’ spezzjonar; liema spezzjonijiet isiru b’mod frekwenti u mingħajr pre-avviż. Fil-preżent, it-tim ta’ awditjar, għandu l-awtorità li jispezzjona Djar tal-Anzjani tal-Gvern u dawk id-Djar tal-Anzjani Privati li magħhom il-Gvern għandu Public Private Partnership. Matul l-2015 b’kollox saru 75 spezzjoni f’20 Dar tal-Anzjani differenti li fihom ġew innutati total ta’ 76 nuqqas li ġew indirizzati skont il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li ġenituri li jibagħtu lil uliedhom f’xi child care centre, li iżda għal xi raġuni jew oħra ma jieħdux lil uliedhom għal xi jiem fl-istess child care centre, qed jintalbu jħallsu tal-jiem li fihom ma jkunux ħadu lil uliedhom fiċ-ċentru? Kemm kien hemm ġenituri, f’kull child care centre separatament, li fil-fatt kienu mitluba jħallsu tal-jiem li fihom ma ħadux lil uliedhom fl-istess ċentru? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk il-ġenituri kenux infurmati minn qabel li jekk ma jieħdux lil uliedhom fiċ-ċentri msemmija kienu se jiġu mġiegħla jħallsu kif fil-fatt qed jintalbu jħallsu preżentament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għandu ftehim li jħallas iċ-Childcare Centres l-ammont kollu dovut jekk tifel/tifla jattendu mill-inqas 90% tas-sigħat li jkunu miktubin għalihom. Wieħed irid jirrimarka li l-ħruġ ta’ kontijiet għad-differenza huwa taċ-Ċentri u mhux tad-Dipartiment. Jekk it-tifel/tifla jattendu inqas minn 90% (għal kwalunkwe raġuni), id-differenza titnaqqas mis-sigħat ta’ absence allowance li ma jkunux ittieħdu. Sigħat ta’ absence allowance huma kkalkulati fuq bażi ta’ sena sħiħa u huma ekwivalenti għal 15% tas-sigħat ibbukkjati għas-sena.
Hawn taħt tinstab lista tan-numru ta’ tfal li qabżu l-absence allowance.
Ċentru
Numru t
a’ Tfal li qabżu l-
Absence Allowance
Little Einsteins Childcare Centre
1
Pyramid Childcare Centre
1
Barney's Playschool Childcare Centre
2
It-Tajra Childcare Centre
2
Little Tots Childcare Centre
2
Magic Wonders Childcare Centre
2
Neverland Childcare Centre
2
TLC Childcare Centre – Msida
2
Little Minds Childcare Centre
3
Magic castle Childcare Centre
3
Manucca Żejtun Childcare Centre
3
Nemo Childcare Centre
3
St. Joseph Day Childcare Centre
3
Stepping Stones Childcare Centre - B'Kara
3
Thi Lakin Childacre Centre
3
Tiny Tots Childcare Centre
3
Westin Kids Childcare Centre
3
ABC Childcare Centre
4
Il-Passju Childcare Centre
4
San Andrea Childcare Centre
4
Smiles Childcare Centre
4
Victoria Nursery Childcare Centre
4
L' Ecole Childcare Centre – Qormi
5
L'Ecole Childcare Centre- Żebbuġ
5
TLC Childcare Centre – Fgura
5
Jack and Jill Childcare Centre - B'Kara
6
Little Owls Childcare Centre
6
Smart from the Start Childcare Centre - B'Kara
6
Arzella Childcare Centre
7
Happy days Childcare Centre
7
Happy Kidz Childcare Centre
7
Ilwien Childcare Centre
7
Kid's Haven Childcare Centre
7
Nikki's Nursery Childcare Centre
7
Sharon's Childcare Centre
7
Smart from the Start Childcare Centre – Qawra
7
St. Cecilia's Childcare Centre- Attard
7
Il-Bebbuxu Childcare Centre
8
Jack and Jill Childcare Centre - Burmarrad
8
St. Cecilia's Childcare Centre – Tarxien
8
Stepping Stones Childcare Centre - M'Scala
8
Bee Smart Childcare Centre
9
Bright Sparks Childcare Centre
9
Child Jesus Childcare Centre
9
Il-Pespus Childcare Centre
9
Little Munchkins Childcare Centre
9
Nannakola Childcare Centre
9
Pepprina Childcare Centre
9
The Nursery Childcare Centre
9
Flutterby Childcare Centre
10
Il-Bejta Childcare Centre
10
Kidstart Childcare Centre
10
Stepping Stones Childcare Centre - Qawra
10
It-Tbissima Childcare Centre
11
Chiswick Childcare Centre
12
Mickey's Childcare Centre – Ħamrun
12
Mickey's Childcare Centre – Żejtun
12
Sam Sam Childcare Centre
12
Smart from the Start Childcare Centre - Gżira
12
Orange Tree Childcare Centre
13
San Luigi Childcare Centre
13
Stepping Stones Childcare Centre - Fgura
13
Newark Childcare Centre
15
The Play House Childcare Centre
15
Kaell's Childcare Centre
17
Il-Merill Childcare Centre
18
All Cee's Childcare Centre
21
Magic Steps Childcare Centre
21
Giggles Childcare Centre
22
Lelluxa Childcare Centre
22
Teddies Childcare Centre
23
Pizzi Pizzi Kanna Childcare Centre
25
Is-Sardinella Childcare Centre
26
San Anton Childcare Centre
28
Id-Denfil Childcare Centre
29
Jolly Jumpers Childcare Centre
29
Footsteps Childcare Centre
31
First Steps Childcare Centre
40
Yo Yo Childcare Centre
55
L-informazzjoni fuq l-absence allowance tinsab fit-termini u kundizzjonijiet tas-sistema għal min juża l-iskema tal-Free Childcare li kopja tagħhom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni hija wkoll aċċessibbli u pubblikata fuq is-sit elettroniku www.education@gov.mt .
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22971, fejn intqal li d-Dipartiment tal-Kuntratti approva tibdil fil-kwantitajiet tal-items tal-Bills of Quantities tal-istess kuntratti sabiex ikun hemm tnaqqis fil-valur totali tal-proġett, u billi l-valur li suppost tnaqqas hu wieħed sostanzjali ħafna, jista' jagħti tagħrif dwar liema kienu l-items li tnaqqsu, u b'liema ammonti?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Dipartiment tad-Dwana – abbużi dwar kundizzjonijiet tax-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk matul l-2014 irriżultawx xi abbużi għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tax-xogħol fid-Dipartiment tad-Dwana? Jekk iva, x'kienu dawn l-irregolaritajiet li rriżultaw? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt l-Awditur Ġenerali ġibidx l-attenzjoni dwar dan, fir-rapport tiegħu tal-2014?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2014 ma rriżulta l-ebda abbuż għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tax-xogħol fid-Dipartiment tad-Dwana.
Aġenzija Appoġġ u tal-Aġenzija Sedqa – tender għall-organizzazzjoni tal-avvenimenti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm tender għal dak li jirrigwardja l-organizzazzjoni tal-avveniment/i li ġie organizzat biex jiġu mfakkra l-220 anniversarju tal-Aġenzija Appoġġ u tal-Aġenzija Sedqa? Jekk le, kif ġie ordnat ix-xogħol li sar, u jista’ jagħti tagħrif dwar jekk ġewx osservati l-proċeduri formali li normalment jintużaw fiċ-ċivil? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-Awditur Ġenerali ġibidx l-attenzjoni ta' xi rregolaritajiet f'dan ir-rigward, fir-rapport tiegħu tal-2014?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-220 anniversarju tal-Aġenzija Appoġġ jiġi ċċelebrat fis-sena 2214.
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal paġna 172 Rapport tal-Awditur Ġenerali Public Accounts 2014 dwar din il-materja, liema Rapport jgħid hekk: “Approval for a Direct Order was obtained in a timely manner, however it was only granted ‘in principle’ and FSWS had to revert to the Ministry for Finance (MFIN) for a definite approval prior to any commitments being made, once the service providers and actual costs for the provision of catering services were known.”
Sadanittant ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz imsemmi ġie prokurat skont il-proċeduri stabbiliti u mhux permezz ta’ xi sejba kumbinazzjoni minn xi paġni sofor. Fil-fatt, id-Direct Orders Office tal-Ministeru tal-Finanzi ġie preżentat b’diversi kwotazzjonijiet li nġabru biex tkun preżentata stima totali għal kemm setgħet titla’ l-ispiża għal din l-attività. Eventwalment is-service providers li ntagħżlu għal din l-attività taw s-serizz tagħhom bi prezz irħas minn dak li kien ikkwotat meta ngħatat l-approvazzjoni in principle.
Taqsima ta’ l-Enerġija Sostenibbli (SEWCU) – aġent kap eżekuttiv
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk it-Taqsima tal-Enerġija sostenibbli, (SEWCU) għandhiex persuna li qed tagħmilha ta' Aġent Kap Eżekuttiv, u dan meta l-Kap Eżekuttiv preżenti għad għandu proċeduri fil-qrati? Jekk hemm persuna li qed tagħmilha ta' Aġent Kap, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dan il-post imteliex wara li kien hemm sejħa pubblika għal mili ta' din il-kariga? Jista' jagħti tagħrif dwar is-salarju u benefiċċji oħra li għandu l-Aġent Kap?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Intepellant illi sa minn meta l-Kap Eżekuttiv tal-Aġejzija SEWCU kien ġie sospiż f’Jannar 2015, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Enerġija, mela l-kariga hu stess bħala Aġent Kap tal-Aġenzija.
Sa mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena, il-post issa qed jiġi moqdi minn uffiċjal pubbliku.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awditur Ġenerali ġibidx l-attenzjoni tal-ministeru, għal dak li jirrigwarda l-perjodu kopert mir-rapport tal-istess awditur għall-2014, għal kuntratti li għalkemm skadew, baqgħu jintużaw? Jekk kien hemm, liema kienu dawn il-kuntratti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fir-rapport tal-Awditur Ġenerali għall-2014 hemm riferenza għal kuntratt wieħed skadut li baqa’ jintuża minn entità fi ħdan il-Ministeru tiegħi. Infurmat li d-Dipartiment tal-Operat ġibed l-attenzjoni tal-entità kkonċernata dwar dan il-kuntratt biex tintervjeni u tirregolarizza l-pożizzjoni tagħha.
B'referenza għar-risposta tad-domanda dwar spejjeż relatati mal-breakwater Tal-Veċċia, u mir-risposta li ngħatat dwar is-sehem li kellu/għandu jitħallas minn fondi tal-Unjoni Ewropea, u minn Fondi Nazzjonali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt, l-ammonti li ser jitħallsu minn fondi nazzjonali, humiex daqs jew iktar minn kemm fil-fatt kellhom jitħallsu? Jekk huma differenti, x'inhi r-raġuni għal dawn id-differenzi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti jirriżulta li l-ammonti li se jitħallsu minn fondi nazzjonali, se jkunu aktar minn dawk previsti. Dan għaliex, wara li beda x-xogħol ta’ skavar, ġie nnutat li l-ħsara kienet aktar estensiva milli previst. Għalhekk wara li nġibet l-approvazzjoni tad-Dipartment tal-Kuntratti, żdiedu ix-xogħlijiet neċessarji sabiex dawn ix-xogħlijiet isiru kif suppost.
Peress li dawn ix-xogħlijiet addizzjonali ma setgħux ikunu kompluti sa l-aħħar tas-sena 2015, dawn ix-xogħlijiet addizzjonali se jitħallsu minn fondi nazzjonali. Figura eżatta ta’ kemm hu dan l-ammont tista’ tingħata meta l-kontijiet jiġu ċertifikati kollha u ppreżentati.
Infakkar li l-element ta’ VAT kemm fuq il-figura oriġinali kkontrattata, kif ukoll fuq xogħlijiet addizzjonali kellhom jitħallsu minn fondi nazzjonali.
S’issa l-ammont ta’ €749,280 dovuti minn fondi tal-UE diġa’ ġew sottomessi, kif ukoll diġa’ ġew imħallsa l-ammont ta’ €114,296.96 minn fondi nazzjonali bħala VAT.
Figuri ulterjuri jingħataw aktar ‘il-quddiem.
Billi parti mill-ħlas li kellu jsir dwar ix-xogħol marbut mas-Salini/Limiti ta' San Pawl il-Baħar kellu jitħallas minn Fondi tal-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt il-Fondi Ewropej li kellhom jintefqu fuq dan il-proġett, intefqux jew le? Jekk le, kemm mill-fondi li kellhom jintefqu baqgħu ma' ntefqux? X'inhi r-raġuni għal dan? Meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol li għadu għaddej?
Response (MIZZI, JOE)
Fil-waqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li kellu jitħallas minn Fondi Ewropej hu fil-maġġoranza tiegħu lest, nitolbu jirreferi il-parti tal-Mistoqsija li tirrigwarda n-nefqa tal-Fondi tal-Unjoni Ewropeja lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-uffiċjali tal-pulizija li kienu fi gradi minn spettur 'l fuq (spettur inkluż), li telqu mix-xogħol tagħhom matul l-2015? Kemm minn dawn telqu għax skadielhom il-perjodu ta' 25 sena, u kemm telqu qabel dak iż-żmien? F'liema gradi f'kull każ, kienu dawk li telqu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fis-sena 2015 spiċċaw ħdax (11) il-uffiċjal (minn Spettur 'il fuq). Minnhom, tmienja (8) spiċċaw wara li għalqu il-ħamsa u għoxrin (25) sena servizz waqt li tlieta (3) spiċċaw qabel. Dawn kienu kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
DC
AC
Supt
Insp
Total
Med Unfit
1
1
Resigned
2
2
To Pension
2
2
1
3
8
Total
2
2
1
6
11
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex Ġnien Santa Marija tal-Anġli f’Baħar iċ-Ċagħaq, isir fih il-manutenzjoni neċessarja biex dan il-post ma jkomplix jitkisser, kif ġara matul dawn l-aħħar sentejn?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li x-xogħol ta’ manutenzjoni fl- imsemmi ġnien sar permezz ta’ kuntratt ma’ kuntrattur privat. Dan il-kuntratt kien ikopri l-perjodu mis-7 ta’ Lulju 2014 sas-6 ta’ Ottubru 2015. Wara sejħa għall-offerti, issa intgħażel il-kuntrattur li ser jieħu ħsieb dan ix-xogħol u wasalna fi stadju li l-istess kuntrattur jintalab jiffirma l-kuntratt il-ġdid. Dan jikkuntrasta bil-kbir dak li qed jgħid l-Onor. Interpellant li dan il-ġnien tħalla jitkisser dawn l-aħħar sentejn.
Ħruġ ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni għall-barranin residenti f’Malta
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidla għar-rigward ta’ ħruġ ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni, għall-barranin residenti f’Malta? Billi dawn ir-residenti barranin li ġejjin minn pajjiżi Ewropej, huma wkoll intitolati biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidla fil-mod kif il-Kummissjoni Elettorali tkun informata bil-ħruġ ta’ dokumenti ta’ identità li jintitolaw lil dawn ir-residenti biex jivvutaw f’Malta għall-Kunsilli Lokali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-ħruġ ta’ dokumenti t’identifikazzjoni lil ċittadini tal-Unjoni Ewropea li huma residenti f’Malta u lanqas fil-mod kif il-Kummissjoni Elettorali tkun informata għar-rigward tal-vot tal-Kunsill Lokali. Mill-2013 ‘il quddiem dawn iċ-ċittadini bdiet tinħarġilhom eResidence card mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u l-Expatriates, illum taħt il-kappa tal-Aġenzija Identity Malta.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awditur Ġenerali għamilx it-testing li ħass li kien meħtieġ fuq oġġetti li kienu jinsabu f’Villa Francia, meta kien qed jiġi ppreparat ir-rapport għall-2014 tal-istess awditur? Jekk le, x’kienet ir-raġuni għal dan?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għall-istess rapport imsemmi fl-interpellanza tiegħu.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li għaliha d-direct order li ngħatat għal-laqgħat tal-Gvern, intitolati “Gvern li Jisma'”, fil-fatt ġiet approvata f’Ġunju 2014, meta l-programm sar matul Marzu 2014? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk l-Awditur Ġenerali sabx xi nuqqasijiet dwar dan is-suġġett li rrimarka dwarhom? Jekk iva, x’kienu n-nuqqasijiet li ġew innotati?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-rapport imħejji mill-Awditur Ġenerali u li hemm riferenza għalih fl-interpellanza tiegħu.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’kienet ir-raġuni li għaliha ma nżammx Works Register, fil-proġett taċ-Child Development Centre f’Għawdex, u dan kif kien rikjest fil-kuntratt tal-istess Ċentru? Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk inġibditx l-attenzjoni dwar dan il-fatt mill-Awditur Ġenerali, fir-rapport tal-2014? Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’kienu r-rimarki tal-Awditur Ġenerali dwar dan is-suġġett?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-proġett imsemmi nżamm Works Register. Nirriferih ukoll għall-paġna 134 tar-rapport imsemmi.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi proċeduri ntużaw biex jintgħażel min għandu jagħti s-servizzi legali għal dak li jikkonċerna l-Enemalta Energy Project? Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dan ix-xogħol ingħatax permezz ta’ direct order, jew inkella ingħatax wara sejħa għall-offerti? Jekk ix-xogħol ingħata b’direct order, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-proċeduri elenkati fiċ-ċirkulari MFIN 3/2013 ġewx osservati jew le? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm kien l-ammont ta’ ħlas li tħallas għal dan ix-xogħol? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk l-Awditur Ġenerali ġibidx l-attenzjoni għal xi rregolaritajiet dwar dan ix-xogħol, fir-rapport annwali tal-2014?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Rapport tal-Awditur Ġenerali li diġà tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21260, billi hu magħruf li numru sew ta' ċimiterji għandhom spazji hekk magħrufa bħala tal-komun, li fihom issir difna regolari, u billi fiċ-ċimiterju ta' San Pawl il-Baħar hemm l-oqbra msemmija fid-domanda li huma maħsuba biex ikunu tal-komun, jista' l-Ministru jawtorizza li tibda ssir id-difna f'dawn l-istess oqbra, iktar u iktar meta huma diġà mibnija għal dan l-iskop u ilhom hekk mibnija għal bosta snin, u meta l-istess ċimiterju għandu problema ta' spazju available biex jintużaw għad-difna?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-oqbra msemmija huma mizmuma mil-Gvern u amministrati minnu permezz tad-Direttorat Ambjentali. Għalkemm jeżistu oqbra tal-komun f’kull ċimiterju tal-Gvern, bhala preferenza d-direttorat juza dejjem dawk li jinsabu fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata f’Raħal Ġdid u dan għall-amministrazzjoni aħjar ta’ dawn l-oqbra. Madanakollu d-Direttorat qieghed jikkonsidra s-uggeriment tal-Onor. Interpellant f’każ li jkun hemm nuqqas ta’ spazju fil-komun tal-Addolorata.
Konferenza Security of Gas Supply: The Role of Gas Development in the Mediterranean Region
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienu l-ħlasijiet li saru lis-suppliers tal-konferenza Security of Gas Supply: the role of Gas Development in the Mediterranean Region, li nżammet, f'Lulju 2014? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-ħlasijiet li saru kienux iktar minn dawk li kienu oriġinarjament ikkwotati, u x'kienu l-ammonti żejda li tħallsu, u għal xiex?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlasijiet li saru kienu marbutin mal-organiżżazzjoni tal-konferenza li għaliha attendew kemm rappreżentanti ta’Gvernijiet Ewropej u mill-Afrika ta’ Fuq, kif ukoll rappreżentanti minn kumpaniji internazzjonali. Din il-konferenza kienet mifruxa fuq jumejn u l-attendenza kienet tammonta għal madwar 200 persuna.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-rapport tal-Awditur Ġenerali li kien impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.