Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta – policies dwar Speed Cameras

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta fasslitx il-policy tagħha dwar l-ispeed cameras, u dan billi jidher illi se jitwaħħlu xi speed cameras ġodda? Jista' jagħti tagħrif dwar meta u fejn se jitwaħħlu dawn l-ispeed cameras?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-polza li tistipula l-kriterji ta' eliġibilita’ ta' speed cameras tnediet f'April tal-2012. Transport Malta qed tevalwa sistemi oħra għall-infurzar tas-sewqan eċċessiv.
Leg 12 PQ #23644 Sitting 365 2016-03-07 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – investimenti

Question

Jista’ l-Prim Ministru, bħala Kap tal-Gvern u li fost l-oħrajn għandu d-dover li jikkordina l-ħidma tal-bosta ministeri li għandna f’pajjiżna, jieħu l-passi neċessarji biex fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar isir l-investiment infrastrutturali meħtieġ, kemm biex titjieb l-infrastruttura eżistenti kif ukoll biex jiġi assigurat li dawk li joqogħdu f’San Pawl il-Baħar (fil-lokalità kollha) igawdu mill-ġid li l-istess lokalità toħloq? Dan għaliex minkejja l-ammont sostanzjali ta’ flus li jiġi ġenerat għall-Gvern minn din il-lokalità, dan id-dħul ma jmurx biex titjieb din il-lokalità u allura, f’dan is-sens kif wkoll fid-dawl li minn April 'il quddiem suppost ser tibda tinġabar miżata ta’ 50 ċenteżmu għal kull lejl li t-turisti jqattgħu f’pajjiżna, jista’ l-Prim Ministru jara li jsir l-investiment neċessarju f’din il-lokalità?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa – xogħlijiet mit-taqsima marittima ta’ Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’xogħol hu mistenni li jsir mit-Taqsima Marittima ta’ Transport Malta fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll jekk Transport Malta hux diġà ssottomettiet applikazzjonijiet relevanti mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)? Jekk iva, liema applikazzjonijiet saru? Jekk għadhom ma sarux applikazzjonijiet, meta hu mistenni li jsiru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tippjana li tagħmel xogħol ta’ tiswija u manutenzjoni tal-breakwater ta' Buġibba, il-moll tal-Fekruna, il-moll tal-Marfa u l-moll tan-nofsinahr taċ-Ċirkewwa (South Quay). L-applikazzjonijiet lill-MEPA mistennija li jiġu sottomessi aktar tard din is-sena wara li jkunu saru s- surveys u d-disinji relevanti.

Transport Malta – surveys tal-breakwater ta’ Buġibba

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hux qed tagħmel xi surveys tal-breakwater ta’ Buġibba? Jekk iva, min qed jagħmel dan is-survey f’isem Transport Malta u x’inhi r-raġuni għal dan is-survey li qed isir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta diġa għamlet survey tal-breakwater ta’ Buġibba u dan biex ikollha stampa attwali tal-kundizzjoni tal-breakwater taħt il-baħar biex tkun tista’ tippjana u tispeċifika x-xogħlijiet neċessarji għat-tiswija tal-istruttura tal-istess breakwater. Dan is-survey sar mill-Perit Joseph Cassar flimkien mal-kumpanija Alldive Ltd.

FTS – applikazzjoni quddiem il-MEPA

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23460 dwar l-applikazzjoni PA 283/16, billi din l-applikazzjoni titkellem dwar twaqqiegħ ta’ xi bini eżistenti, u tħaffir sa fond ta’ 2.7 metri, jista’ l-Ministru jqiegħed kopja tal-pjanti sottomessi lill-MEPA, fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-pjanti li ġew sottomessi l-MEPA dwar l-applikazzjoni PA 283/16 qegħdin jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proporzjon ta' pulizija mqabbel man-numru tar-residenti f'kull lokalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-proporzjon ta’ pulizija meta mqabbel man-numru ta’ residenti li għandna f’kull lokalità ta’ Malta u Għawdex? (What is the number of policemen/women, per thousand population)?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Complement ta’ pulizija għal kull lokalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta jiġi biex jikkunsidra l-complement ta’ pulizija li huma meħtieġa għal kull lokalità, jekk tittieħedx konsiderazzjoni tal-attività kummerċjali li jkun hemm f’dik il-lokalità partikulari?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi hija proċedura normali illi kull meta jiġi mfassal il-complement tal-Pulizija, kemm għall-għases kif ukoll taqsimiet oħra fil-Korp, jiġu meqjusa diversi fatturi, fosthom attivitajiet kummerċjali fejn jirrigwarda għases.

Ħaxix u frott lokali – testijiet għal pestiċidi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23154, tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar minn fejn ittieħdu s-samples u kif kien garantit li l-prodotti ttestjati kienu mkabbra lokalment? X’inhuma l-passi li hu msemmi li ttieħdu skont ir-risposta parlamentari? Fejn ġew jew se jiġu ppubblikati r-riżultati msemmija fir-risposta?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li s-samples ta’ prodotti Maltin jittieħdu huma u deħlin il-pitkalija filwaqt li dawk li huma mpurtati jittieħdu jew mingħand l-importatur jew mis-supermarkets. Il-prodotti deħlin il-pitkalija għandhom ikunu biss prodotti mkabbra Malta. Il-passi li ttieħdu inkludew projbizzjoni tat-tpoġġija tal-prodotti involuti fuq is-suq, kawżi l-qorti skont kif previst fil-liġi kif ukoll notifikazzjoni lill-EFSA (European Food Safety Authority) fejn il-liġijiet Ewropej kienu nkissru, kif rikjest mil-liġijiet Ewropej. Ir-riżultati jintbagħtu lill-EFSA kif obbligati li nagħmlu biex ikunu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tagħhom u wara jkunu wkoll ippubblikati fuq is-sit tal-MCCAA.

FTS – applikazzjoni quddiem il-MEPA għal bini ta’ skola

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 19920 u 23352, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-siti fiż-żewġ domandi humiex l-istess jew jekk humiex differenti minn xulxin? Billi l-applikazzjoni 283/16 tinsab f’sit totalment differenti minn dak li għalih kont mogħti kopja tal-pjanta, jista’ jagħti tagħrif dwar liema mis-siti hu mistenni li jintużaw għal din il-bini ta’ skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 19920 u 23352 qed jirreferu għall-istess sit fejn huwa ppjanat li tinbena l-iskola l-ġdida f’San Pawl il-Baħar. L-applikazzjoni mal-MEPA hija PA 283/16.

Korp tal-Pulizija — xiri ta’ Vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ vetturi (skont il-kategoriji differenti) li nxtraw, kull sena separatament, għall-użu tal-Korp tal-Pulizija, bejn l-2013 u din is sena? Fejn qed jintużaw dawn il-vetturi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li 94 (erbgħa u disgħin) vettura inxtraw bejn is-sena 2013 u Frar tas-sena 2016. It-tipi ta dawn il-vetturi u s-sena meta nxtraw huma elenkati fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. It-tabella tinkludi wkoll fejn ġew assenjati il-vetturi li diġa bdew jintużaw, kif mitlub fil-mistoqsija.

Postijiet fejn jintrama l-monti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk jistgħux jiġu stabbiliti postijiet ġodda li fihom ikun jista’ jintrama monti? Jekk iva, x’għandu jsir biex tali monti ikun jista’ jibda jarma?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li konformi ma’ Artikolu 12 tal-Att dwar il-Liċenzi tal-Kummerċ, bi ftehim mal-Kunsill Lokali rispettiv, il-Ministru responsabbli għall-kummerċ jista’ b’ordni fil-Gazzetta tal-Gvern jistabbilixxi suq fil-beraħ. Biex persuna tkun tista’ tiġġestixxi attività kummerċjali minn suq fil-beraħ irid ikollu liċenza biex jagħmel dan mis-Sezzjoni Liċenzi tal-Kummerċ u jkun ġie allokat posta fissa mill-Kunsill Lokali tal-lokalità fejn ikun jinsab dak is-suq. Il-Kunsill Lokali rispettiv għandu jassigura li r-regolamenti kollha relatati mal-L.S. 441.04, regolamenti dwar Attivitajiet li jeħtieġu permess mill-Kunsill Lokali jkunu segwiti.
Leg 12 PQ #23640 Sitting 364 2016-03-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – sea reclamation

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-MEPA fasslitx il-policies tagħha marbuta ma’ sea reclamation (land reclamation tal-baħar)? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja ta’ din il-policy fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk il-MEPA għandhiex tali applikazzjonijiet pendenti magħha, u jekk iva, fejn?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-pjan strateġiku (SPED) jagħti direzzjoni ta’ policy dwar is-suġġett. Il-MEPA m’ghandha l-ebda applikazzjoni pendenti.
Leg 12 PQ #23641 Sitting 364 2016-03-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Applikazzjonijiet pendenti biex tintefa ħamrija fuq il-blat

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex tintefa ħamrija fuq il-blat? Jekk iva, fejn u kemm hemm tali applikazzjonijiet, raħal raħal? Kemm ġew approvati u rifjutati, raħal raħal, kull sena bejn 2013 u din is-sena?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninab informat mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li l-istess Awtorita għandha quddiemha 45 applikazzjoni relatati ma’ depożitu ta’ ħamrija u mis-sena 2013 sal-lum approvat u rrifjutat 44 applikazzjoni għall-istess tip ta’ żvilupp. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabelli mhejjija mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, bl-informazzjoni kif mitluba mill-Onoroveli interpellant.

Child Care Centres – kontijiet mibgħuta lill-ġenituri

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien l-ammont totali ta’ kontijiet li ntbagħtu lill-ġenituri li għandhom tfal jattendu Child Care Centres? Kemm kien il-kont individwali li rċevew il-ġenituri, f’kull każ, u dan f’ewros? Minn liema lokalitajiet huma dawk li rċevew tali kontijiet, u kemm ġejjin minn kull lokalità differenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ħlasijiet dovuti mill-ġenituri huma lejn iċ-Child Care Centres. Għaldaqstant il-kontijiet jinħarġu mill-istess Child Care Centres u mhux mid-dipartiment. Ghalhekk id-dipartiment mhux f’pożizzjoni li jagħti l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #23583 Sitting 363 2016-03-01 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali – rapport annwali — każijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex fi tliet każijiet, minn sitta li ġew eżaminati mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali fir-rapport annwali għas-sena 2014, għal dak li jikkonċerna l-Fondazzjoni għaċ-Ċelebrazzjonjiet Nazzjonali ħarġu direct orders li għalihom ma ġietx segwita l-proċedura normali ta' tenders, u dan minkejja l-fatt li l-ammonti nvoluti kienu kbar u jirrikjedu tenders, skont ir-regoalmenti dwar kuntratti pubbliċi?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-punt imqajjem minnu kien diskuss mill-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubblici tas-27 ta’ Jannar 2016 fejn inghataw l-ispjegazzjonijiet kollha mitluba waqt diskussjoni fuq il-parti tar-rapport annwali għas-sena 2014 tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali dwar l-Ufficcju tal-Prim Ministru.

Il-Qawra u San Pawl il-Baħar — pulizija

Question

Billi qed ikun evidenti li minkejja x-xogħol kollu, u d-dedikazzjoni kollha li jagħmlu l-pulizija li huma stazzjonati fl-għassa tal-Qawra u ta' San Pawl il-Baħar, xorta qed tinħass nuqqas ta' preżenza tal-pulizija fit-toroq tal-lokalità, jista' l-Ministru jassigura li jekk għadu mhux possibli li jiżdiedu l-pulizija f'dawn l-għases, almenu jiżdiedu sostanzjalment, il-patrols tal-pulizija bil-karozzi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 23398.
Leg 12 PQ #23585 Sitting 363 2016-03-01 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Sptar Ġenerali t’Għawdex – tender tal-catering

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-proċeduri li ntużaw fl-għoti tat-tender tal-catering fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-proċeduri użati kenux konformi mar-regolamenti stabiliti għall-għoti ta' tenders li jinsabu fid-dokument tat-tendering tal-catering? Jista' jagħti tagħrif dwar x'kontroll kien hemm f''dak li jikonċerna l-ħlas li sar skont din l-istess tender, u kemm kien il-ħlas li sar matul l-2014?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ghadha qed tingabar.

Karozzi uffiċjali mikrija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm karozzi uffiċjali li ġew mikrija, matul Jannar 2014 u Lulju 2014, u bejn Lulju 2014 u Diċembru 2014 rispettivament? Xi proċedura ntużat biex jinkrew dawn il-karozzi, u kemm kienet in-nefqa fil-perjodi msemmija fid-domanda?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninsab infurmat li fil-perjodu ndikat kien hemm erba' okkażjonijiet meta ġiet mikrija karozza li ntużat bħala karozza uffiċċjali minni, bħala Deputat Prim Ministru, fejn ġew segwiti r-regolamenti finanzjarji tal-Gvern u l-valur kien ta' 2,324.36 ewros. Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant li nkriet karozza f'dawn l-okkażjonijiet minħabba l-fatt li l-karozza uffiċċjali kellha ħsarat li bihom ma setgħetx tinstaq.

MCCAA – prodotti agrikoli Maltin

Question

Billi m'hemm l-ebda dubju li artikoli bħal dawk li dehru dan l-aħħar dwar il-ħsara li jistgħu jagħmlu l-prodotti agrikoli Maltin minħabba sustanzi li jistgħu jkun fihom jagħmlu ħsara lill-bdiewa Maltin, u billi minn domanda preċedenti qed jirriżulta li l-ammont ta' prodotti li nstabu li kellhom xi diffikultà, kienu fil-fatt minimi ħafna, tista' l-Ministru tara li l-MCCAA sservi ta' tarka lill-bdiewa Maltin, minflok isservi biex dawn in-nies ikomplu jaffaċċjaw diffikultajiet ikbar minn dawk li qed jirriżultaw s’issa?

Response (DALLI, HELENA)

L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur taħdem sabiex tgħallem, tgħin u tiggwida lill-bdiewa sabiex il-prodotti Maltin jibqa’ jkollhom il-ġenwinità li huma magħrufin għaliha. Il-Ministeru jisħaq mal-Awtorita sabiex ikun hemm titjib fl-edukazzjoni u fl-azzjonijiet li jittieħdu sabiex ikunu protetti kemm il-bdiewa fix-xogħol tagħhom kif ukoll il-konsumaturi bis-serħan tal-moħħ dwar il-prodotti li jkunu qegħdin jikkunsmaw. L-awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur trid tiżgura wkoll li min jikser il-liġi u jqiegħed is-saħħa tal-poplu f'riskju jkun penalizzat skont kif tipprovdi l-istess liġi. Dan ikun ta’ benefiċċju wkoll għal dawk il-bdiewa li qed joperaw skont ir-regoli eżistenti biex b’hekk jiġi żgurat li jkun hemm kompetizzjoni ġusta bejn l-istess bdiewa.

Djar tal-Anzjani – djar aċċettati mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma d-Djar tal-Anzjani li huma aċċettati mill-Gvern, bħala djar li fihom jistgħu joqgħodu anzjani? Jista' jgħid il Gvern ma’ liema minn dawn id-djar għandu ftehim ta' kollaborazzjoni? Kemm hu f’kull każ, in-numru ta’ anzjani li għalihom jgħodd il-ftehim li għandu l-Gvern?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, it-tagħrif dwar liema huma d-Djar tal-Anzjani li huma aċċettati mill-Gvern, bħala djar li fihom jistgħu joqogħdu l-anzjani, għandu jintalab lill-Ministeru għall-Enerġija u Saħħa minħabba li huwa d-Direttorat tal-Health Care Services Standards li jilliċenzja d-Djar kollha għal-Anzjani f’Malta u Għawdex. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu, dwar liema huma d-Djar tal-anzjani li l-Gvern għandu ftehim ta’ kollaborazzjoni magħhom, u kemm huwa n-numru ta’ anzjani li għalihom jgħodd il-ftehim li għandu l-Gvern, tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.