Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta – toroq li se jsir xogħlijiet fuqhom

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq li strettament jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-kunsilli lokali, qed jiġi ppjanat li jsir xogħol fuqhom minn Transport Malta? F’liema lokalità jinsabu? X’inhi r-raġuni għal dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista hija segwenti: Lokalita’ Triq Gżira Culvert ġewwa Triq St Albert Bormla Sur Santa Liena Furjana Ta' Sarria & Park + Ride Access + Terminus Birgu Triq il-Kardinal Sciberras & Triq Desain Żebbuġ Triq Pelaġju Mifsud & Triq Anthony Aquilina Valletta Strait Str (btw St.Domenic and St.Nicholas) Żejtun Triq Alfred Cachia Zammit Marsaxlokk Junction at Triq iz-Zejtun/Melqart/Axtart (on behalf of MEH) Bormla Irlandizi parking area Marsaxlokk Resurfacing of Triq iż-Żejtun (on behalf of MEH) Marsaxlokk Opening and Construction of Triq Lepanto (on behalf of MEH) Marsaxlokk Opening and Construction of Triq Barthelemy (on behalf of MEH) Ħamrun Major Works in Triq San Gużepp Tarxien Junction at Triq il-Palma Zejtun Bir id-Deheb Żabbar / Żejtun Triq Bormla (taċ-Ċawsli) Żurrieq Vjal ix-Xarolla Żabbar Triq il-Kunvent u Triq Cawsli Isla Triq is-Sur Birkirkara Triq Buontadini
Leg 12 PQ #24184 Sitting 372 2016-04-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar – Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — tiswijiet

Question

Billi matul dawn l-aħħar snin kull fejn sar xi intervent mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, l-istess interventi waslu biex it-toroq baqgħu bil-ħofor fihom, kemm fejn hemm trinek, fejn hemm tappieri kif ukoll fejn hemm xogħol ieħor, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn jissewwew kif suppost?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li matul dawn l-aħħar snin kull fejn sar xi intervent fit-toroq mill-Korporazzjoni, kemm xogħlijiet ta’ trinek, tappieri jew xogħol ieħor, dejjem ittieħdu l-passi neċessarji sabiex il-kundizzjoni tat-triq tiġi rrepristinjata.
Leg 12 PQ #24245 Sitting 372 2016-04-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Selmun Palace Hotel — għassa

Question

Billi skont risposta għall-mistoqsija parlamentari preċedenti ntqal li l-għassa mas-Selmun Palace Hotel ġiet tiswa kważi nofs miljun Ewro matul l-aħħar ħames snin, jista' jagħti tagħrif dwar min qed iħallas għal din l-għassa?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, is-servizzi ta’ sigurtà kienu mħallsa mis-Selmun Palace Hotel Co.Ltd, liema ħlasijiet kienu qegħdin jiġu assorbiti mill-Parent Company li hija l-Air Malta plc.
Leg 12 PQ #24246 Sitting 372 2016-04-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Buġibba — arbli dekorattivi fil-front

Question

Billi l-festun li twaħħal ma' dawk li huma arbli dekorattivi fil-front ta' Bugibba diġà wassal biex wieħed minn dawn l-arbli dekorattivi jinkiser, u billi jidher li hemm ċans li oħrajn jiġrilhom l-istess, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan il-festun, fejn twaħħal ma' dawn l-arbli jitwaħħal mod ieħor? Minbarra hekk jista' jieħu wkoll il-passi biex il-festun jitwaħħal iktar fil-għoli għaliex ċertament li wieħed jista' jinnota li fejn twaħħal fil-għoli qed jagħti ferm iktar dawl milli fejn twaħħal fil-baxx?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-festun li twaħħal ma' dawk li huma arbli dekorattivi fil-front ta' Buġibba ser jitneħħa u jerġa’ jitwaħħal mill-Fondazzjoni għall-Izvilupp ta’ Zoni Turistiċi b’mod li ma ssirx ħsara lil strutturi oħrajn madwar. Fir-rigward tat-twaħħil tal-festun, il-Fondazzjoni għall-Izvilupp ta’ Żoni Turistiċi ħadet in-konsiderazzjoni diversi opzjonijiet. Ninsab infurmat li mill-kummenti li rċivejna, l-għoli ta’ fejn twaħħal il-festun intlaqa’ tajjeb mill-pubbliku ġenerali.

Qrati Maltin — persuni li qed jistennew biex jgħaddu ġuri

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm persuni li qed jistennew li jgħaddu ġuri fil-Qrati Maltin? Kemm minn dawn huma Maltin u kemm huma barranin? Kemm ilhom jistennew dawn il-persuni biex jgħaddu ġuri minħabba l-akkużi li hemm kontrihom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-total ta’ persuni li qed jistennew li jgħaddu ġuri huwa ta’ 89. Minn dawn id-89 persuna 60 huma Maltin u 29 huma barranin.

Il-Pitkalija — investiment

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li jsir investiment fil-Pitkalija matul l-2016? X’xogħol hu mistenni li jsir? Kemm minn dan ix-xogħol diġà ħarġu tenders għalih? Min ħa t-tender għall-istess xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li għall-ewwel darba fi snin twal ġie allokat budget sostanzjali ta’ €1.6m sabiex imorru għall-Pitkalija inkluż sabiex jibdew xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq is-sheds u l-madwar fejn joperaw l-istakeholders tal-Pitkalija u kif ukoll jitkompla l-proġett pilota. Ninsab infurmat ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jinħarġu tenders għal ‘Services of Mechanical & Electrical Engineer for the upgrading of 2 sheds at Pitkalija’, ‘Replacement of roof Sheds and Replacement of Flooring at No. 2 Pitkali, Attard’ u xiri ta' grading & packing station. Ix-xogħol huwa mistenni li jibda għax- xhur tas-sajf.
Leg 12 PQ #24088 Sitting 371 2016-04-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Tisfija tad-drenaġġ – bdiewa – użu ta’ ilma

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23813 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li l-bdiewa jibdew jużaw l-ilma li għandu jitwassal mit-tisfija tad-drenaġġ? Liema partijiet ta' Malta se jkunu jistgħu jużaw dan l-istess ilma? Kemm mill-mains li huma maħsuba li jitqiegħdu biex iwasslu l-ilma għand il-bdiewa, diġà jinsabu f'posthom? Meta hu mistenni li jkunu lesti dawn l-istess mains li se jintużaw għall-bdiewa? X'kollaborazzjoni qed iwettaq il-Ministeru, mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, biex jiġi assigurat li l-ilma li jitwassal ikun tal-għola kwalità?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-ilma jkun jista’ jiġi mwassal għall-bdiewa wara perjodu ta’ commissioning u ttestjar biex jiġi assigurat il-livell ta’ kwalita’ u bilanċ fil-minerali tiegħu. L-ilma li jkun tajjeb għat-tisqija se jitwassal għall-inħawi ta: · bejn Għajnsielem, Xewkija, Victoria u Kerċem ġewwa Għawdex; · bejn iċ-Ċumnija limiti tal-Mellieħa, Pwales u Binġemma limiti tal-Imġarr; · u l-inħawi kollha li llum huma milħuqa mill-ilma li jiġi prodott mill-Impjant ta’ Sant’Antnin ġewwa Wied il-Għajn. Il-pipe ġewwa Għawdex huwa kważi lest, dak tat-Tramuntana ta’ Malta fadal biss ftit metri , filwaqt li dak tan-Nofsinhar ta’ Malta fadal madwar kilometru. Sabiex jiġi assigurat li l-livell ta’ purifikazzjoni jkun tal-ogħla livell, ġie żviluppat impjant pilota sabiex isiru t-testijiet neċessarji fuq il-kwalita’ tal-ilma prodott.

Pulizija – taħriġ fuq armi tan-nar

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23979, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-guidelines li jridu josservaw meta jiġu biex jużaw l-arma?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li skont il-linji gwida, li l-Pulizija huma awtorizzati li jġorru arma tan-nar meta jkun hemm raġunijiet biżżejjed li jagħtu lil wieħed x’jifhem li dawn jistgħu jiffaċċjaw lil xi persuna jew persuni li jkunu armati. Filwaqt li l-armi tan-nar għandhom jintużaw biss sabiex jiproteġu lilhom infushom minn perikolu imminenti fuq ħajjithom jew lil xi persuni oħra li jkunu f’perikolu imminenti li jiġu maqtula jew feruti gravi.
Leg 12 PQ #24133 Sitting 371 2016-04-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Vapur ta’ Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn il-Ħadd 20 ta’ Marzu, il-vapur tal-10:30 ta’ filgħodu l-ewwel għabba n-nies fil-livell ta’ fuq bil-konsegwenza li min diġà kien ilu ħin twil jistenna biex jirkeb, spiċċa niżel l-aħħar minn fuq il-vapur?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raġuni kienet li peress li l-vapur kien qed jopera b’rampa waħda minħabba li l-oħra kienet bil-ħsara, l-kaptan ddecieda li biex jitħaffef ix-xogħol, l-aħjar mezz kien li l-ewwel jitgħabbew il-karozzi fuq ir-rampi ta’ fuq u wara ta’ taht sabiex hekk ikunu jistgħu jiġu mgħobbija madwar 20 karozza oħra, u b’hekk ikun qed jitħaffef il-ħin tal-proċess li kien qed ikun jieħu iktar fit-tul mis-soltu.

Bini ta’ appartamenti għall-kiri — siti

Question

Billi qed jiġi rrapurtat li l-Gvern għażel numru ta’ siti li fuqhom se jibni appartamenti għall-kiri, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma s-siti li ntgħażlu, kemm se jinbnew appartamenti f’kull każ, u f’liema każijiet diġà saru l-applikazzjonijiet mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)? X’tenders ħarġu s’issa għal dan il-bini?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, s-siti li fuqhom se jkunu qed jinbnew appartamenti għall-kiri, li preżentament qegħdin fil-proċess li jiġu magħżula, se jkunu shortlisted għal 16; liema siti huma kollha koperti bil-permess tal-bini maħruġ mill-MEPA. F’dan l-istadju, in-numru ta’ appartamenti għadu ma jistax ikun pubblikament żvelat peress li għadhom għaddejjin l-emendi fuq il-pjanti eżistenti u in-numru ta’ appartamenti jinbidel skont dawn l-emendi u l-għażla li finalement issir fuq is-siti. Ngħarraf lill-Onor. Interpallent li, sa issa, għadhom ma ħarġux tenders għal dan il-bini.

Pjanti għall-appartamenti tal-Gvern — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema pjanti ta’ appartamenti tal-Gvern li għalihom kienu diġà saru l-applikazzjonijiet, jew saħansitra ħarġu l-permessi, fil-fatt ġie deċiż li jinbidlu? X’kienu l-bidliet li saru f’kull każ? Meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq dawn l-appartamenti, u f’kull każ meta ħarġu t-tenders?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, is-siti kollha li qegħdin jiġu kkunsidrati, kollha għandhom il-permess maħruġ mill-MEPA. Il-proċess ta’ tibdil fil-pjanti għadu għaddej u s’issa għadu ma nħareġ l-ebda tender. Madanakollu, il-mira hija li x-xogħlijiet jibdew din is-sena.

Kunsilli Lokali – fondi addizzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru hux mistenni li joħroġ xi skema partikulari li permezz tagħha lokalitajiet li għandhom ħtiġijiet partikulari u li mhumiex dejjem riflessi fil-formola ta’ finanzjament tal-kunsilli lokali, fil-fatt jingħataw xi forma ta’ fondi addizzjonali biex iwettqu r-responsabiltajiet tagħhom, pereżempju minħabba ħtiġijiet ta’ villeġġjatura, ta’ preżenza qawwija ta’ turisti, jew inkella minħabba preżenza qawwija ta’ negozji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill Onor. Interpellant li l-Ministeru huwa konxju minn din is-sitwazzjoni.Inżid ngħid li filwaqt li l-mistoqsija tal-Onor. Interpellant hija waħda valida, Gvernijiet Nazzjonalisti qatt ma ħasbu sabiex jindirizzaw din il-problema, imma jiena se nibqa impenjat li nismgħa suġġerimenti ta’ kulħadd sabiex tinstab soluzzjoni. Tajjeb li nisħaq fuq il-punt li l-iskemi għall-kunsilli lokali għandhom ikunu skemi sostenibbli u li ma jdaħħlux lill-istess kunsilli f’sitwazzjoni finanzjarja mwegħra permezz ta’ skemi li jfalluhom finanzjarjament minflok li jgħinuhom bħall-iskema tal-Public Private Partnerships tat-toroq li nieda gvern preċedenti.
Leg 12 PQ #24023 Sitting 370 2016-03-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – Triq Dawret in-Nawfraġju – spezzjonijiet fuq proprjetajiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ spezzjonijiet saru fuq il-proprjetajiet li jinsabu taħt Triq Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, biex jiġi assigurat li dawn il-proprjetajiet għandhom soqfa li kapaċi jifilħu l-piż tal-vetturi li jgħaddu minn dan il-post? Billi preċedentement, għal domanda oħra li kont għamilt kont ingħatajt tweġiba li tgħid li huma s-sidien ta’ boathouses/garages li qegħdin taħt din it-triq li huma responsabbli biex iżommu l-binja fi stat tajjeb u dan skont xi kuntratt antik ħafna, jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan il-kuntratt?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Artijiet m’għamel l-ebda spezzjonijiet fuq il-proprjetajiet li jinsabu taħt Triq Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar peress li kif għidt f’r-risposta preċedenti, l-art fejn hemm mibnija dawn il-boathouses kienet ingħatat b’ċens perpetwu skont kuntratt antik li kopja tiegħu qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Forzi Armati Maltin — membri

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu maħsub li jiddaħħlu membri ġodda fil-Forzi Armati Maltin? Kemm kien in-numru ta’ persuni f’dawn il-forzi li rtiraw mill-forzi matul l-aħħar tliet snin, u dan għal dak li jikkonċerna kemm membri li telqu wara li wettqu servizz ta’ 25 sena, u kemm għal dawk li telqu qabel ma’ għalqu l-25 sena servizz?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-Armata għandha l-ħsieb li ddaħħal ‘il fuq min 100 rekluta din is-sena. Matul l-aħħar tliet snin mil-Forza rtiraw 193 membru li wettqu is-servizz ta’ 25 sena jew rtiraw wara li għalqu il-55 sena filwaqt li 53 membru telqu qabel ma għalqu l-25 sena.

Toroq fil-kampanja – fondi vvutati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jerġgħu jiġu vvutati fondi partikulari biex permezz tagħhom ikunu jistgħu jsiru toroq fil-kampanja, li mhux biss għandhom il-funzjoni li jaqdu lill-bdiewa, iżda wkoll biex jgħaqqdu rħula ma’ xulxin, fl-istess kampanja, u dan mill-fondi tal-Unjoni Ewropea?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020 Malta ivvutat 'il fuq minn 50 miljun ewro għall-miżura erbgħa li fost diversi interventi u investimenti għall-ħtiġijiet tal-bdiewa u-raħħala tista' wkoll tiffinanzja xogħol f’toroq f’żoni rurali.

Ranġar ta toroq li jinsabu fil-kampanja – fondi użati mill-fondi tal-UE

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm intużaw fondi mill-fondi tal-UE għal dak li jikkonċerna rranġar ta’ toroq li jinsabu fil-kampanja, u dan skont skema li kienet ħarġet numru ta’ snin ilu? Kemm kienu t-toroq li saru permezz ta’ din l-iskema u liema kienu dawn l-istess toroq? X’tul ta’ toroq tranġaw? Liema kienu l-kunsilli lokali li bbenefikaw mill-iskema, u liema kienu dawk li għalkemm talbu li jipparteċipaw, fil-fatt ma’ kellhomx proġetti tagħhom li ġew approvati? X’kienet ir-raġuni li għaliha dawk li ma ġewx approvati, fil-fatt ġew rifjutati?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li taħt il-programm għall-Iżvilupp Rurali 2007-2013 kien hemm żewġ sejħiet taħt il-miżura 125. L-ewwel sejħa giet immexxija mill-Gruppi Azzjoni Lokali u l-benefiċjarji kienu l-Kunsilli u t-tieni sejħa ġiet immexxija mill-Awtorita’ ta’ Ġestjoni u l-benefiċjarju kien Transport Malta. Fl-ewwel sejħa ġew ikkuntratti €585,753.36. Il-lista tal-Kunsilli tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Fit-tieni sejħa ġew ikkuntratti €10,238,500.00 minn Transport Malta. Il-lista tat-toroq kienet diġa giet ippreżentata f’Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti, iżda qed nerġa npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-siteplans tat-toroq finali kif saru u ġew finanzjati minn din il-miżura. Kif tista’ tinnota, wara li saru t-toroq kollha skond il-lista prioritizzata li saret oriġinarjament, fuq talba ta’ Transport Malta saru toroq oħrajn minħabba xogħol urġenti li kellu jsir f’toroq rurali madwar il-pajjiż. It-tul ta’ kilometri li ġew resurfaced huwa ‘il fuq minn 45 kilometru għaz-żewg miżuri.

Bejgħ ta’ Siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ siġar tal-frott li nbiegħu din is-sena mid-dipartimenti li jaqgħu taħtu? X’tip ta’ siġar fil-fatt inbiegħu, u għal kull tip ta’ siġra jgħid kemm inbiegħet?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22925.
Leg 12 PQ #23981 Sitting 369 2016-03-15 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Għassa mas-Selmun Palace Hotel

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Selmun Palace Hotel f'Selmun hijiex mgħassa kemm bi nhar kif ukoll billejl? Min qed jagħmel din l-għassa u kemm hi l-ispiża mħallsa kemm ilha magħluqa?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Selmun Palace Hotel hija mgħassa lejl u nhar. L-għassa ssir minn J.F. Security & Consultancy Services Limited. L-ispiża mħallsa għall-għassa minn kemm ilha magħluqa l-lukanda jiġifieri minn Ġunju 2011 sal-31 ta’ Jannar 2016 tammonta għal €452,263.54 (VAT inkluża).

Vetturi tal-pulizija li jinstabu garaged

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm vetturi tal-pulizija li jinsabu garaged, u qatt ma ntużaw mill-istess korp?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi bħalissa hemm sitta u tletin vettura li nxtraw mill-Pulizija u li jinsabu garaged sakemm ikun lesti biex joħorġu fit-triq.

Vetturi li jinstabu f’xi compound tal-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm vetturi, skont il-kategoriji tagħhom, li jinsabu f’xi compound tal-pulizija? Kemm ilhom għand il-pulizija dawn l-istess vetturi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.