Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rimi ta’ skart bl-addoċċ – żieda fil-cameras

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta, u fejn hu mistenni li jiżdiedu l-cameras biex jiġi evitat twaddib ta' skart bl-addoċċ, min-nies irresponsabbli u bosta drabi b'motivi ulterjuri?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ftit tal-ġimgħat ilu twaħħlu cameras fis-subways tal-Bombi kif ukoll Furjana – Triq Sant’ Anna. Matul dawn il-ġranet ser jitwaħħlu cameras fiż-żona ta’ Sliema – The Strand, kif ukoll Sliema- Qui Si Sana. Immedjatament wara, ser jitwaħħlu cameras oħra f’dawn iż-żoni. San Pawl il-Baħar – Triq il-Port Ruman Bormla – San Ġwann t’Għuxa Żebbuġ – Siġġiewi bypass B’Kara – Subway fi Triq Dun Karm
Leg 12 PQ #24622 Sitting 375 2016-04-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għeluq ta’ plots — policy

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema policy qed tiġi applikata mill-awtorità responsabbli mill-ħruġ ta’ permessi tal-bini, għal dak li jirrigwarda għeluq ta’ plots li jkun qed ikerrhu madwarhom, għaliex ma jkunux mibnija, u fihom jintefa’ kull tip ta' ħmieġ u żibel?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab nfurmat mill-Awtorita tal-Ipjannar li l-policy li qed jagħmel referenza għaliha l-Onor Interpellant hija d- Development Notification Order LN 115 tal 2007 Class 2(1)(ii).
Leg 12 PQ #24623 Sitting 375 2016-04-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – sidien mitluba biex jagħlqu l-plots tagħhom

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każi matul l-aħħar tliet snin li fihom il-MEPA talbet lis-sidien ta' plots biex jagħlqu (idawru bil-ħitan) plots li ma kenux mibnija, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, (area kollha)? Kemm mill-każi li kienu kkuntattjati fil-fatt ħadu l-passi kif mitluba mill-MEPA?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab nfurmat mill-Awtorita tal-Ipjannar li l-istess Awtorita ma titlobx lis-sidien ta' siti biex idawruhom bil-ħitan, peress li ma hemmx regolamenti li jeħtiegu li kull sit mhux żviluppat għandu jkun mdawwar bil-ħitan. Iżda, skont artiklu 99(1) tal-Att dwar l-Ipjannar tal-Izvilupp (2016), jekk il-ġmiel jew siwi ta’ xi żona huwa mħassar bid-dehra ta’ xi art, li tkun ġnien, sit vojt jew art oħra fil-beraħ, l-Awtorità tista' titlob lis-sid jew l-okkupant tal-art sabiex jittieħdu dawk il-passi li hemm bżonn biex titnaqqas il-ħsara. Il-fatt illi ma hemmx ħajt imdawwar ma' proprjetà ma jfissirx illi dik l-art qed tikkawża xi ħsara lil-ġmiel jew siwi ta' dik iż-żona. Għalhekk, jekk sid l-art ineħħi dak li jkun qed jikkawża l-ħsara, ma hemmx bżonn li jinbnew xi ħitan, għalkemm mhux eskluż illi biex titneħħa l-ħsara jista' jkun li hemm bżonn jinbnew il-ħitan madwar is-sit. Għaldaqstant, l-Awtorita` ma zzommx l-informazzjoni mitluba.

San Pawl il-Baħar – spezzjonijiet fuq il-lant tax-xogħol mill-OHSA

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm spezzjonijiet fuq il-lant tax-xogħol saru mill-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), matul l-aħħar tliet snin, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Kemm kien hemm każi li fihom l-OHSA kellha tieħu passi legali? Kemm minn dawn il-każi fil-fatt ġew konklużi?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fl-aħħar tlett snin, l-OHSA organiżżat 292 spezzjoni fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar (li tinkludi lil Buġibba u lil Qawra). Inħarġu multi f’20 każ, liema multi tħallsu kollha, u allura ma kienx hemm ħtieġa li jinbdew proċeduri fil-Qorti.
Leg 12 PQ #24625 Sitting 375 2016-04-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Użu ta’ ħlas mit-turisti

Question

Jista’ l-Ministru jassigura li l-flus li se jinġabru mit-turiżmu, bil-ħlas ta’ 50 ċenteżmu kuljum, fil-fatt jintużaw skont il-ħtiġijiet tal-lokalitajiet li fihom ikunu se jintefqu, u li l-istess prijoritajiet jiġu stabbiliti flimkien mal-kunsilli lokali rispettivi, ta’ fejn se jkunu jseħħu l-istess proġetti, u dan biex il-prijoritajiet li diġà jkun ilhom magħrufa ma jiġux f’daqqa waħda mwarrba, u dan b’detriment tar-residenti li joqogħdu fl-istess inħawi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-viżjoni ta’ dan il-Gvern hija li nagħtu servizz, prodott u ambjent ta’ kwalità għolja lit-turisti tagħna li jinfluwenza l-imġieba tal-ivvjaġġar tagħhom, biex jinkoraġġixxi kultura ta’ kwalità li tinxtered fl-aspetti kollha. L-industrija tat-turi¿mu stabbilixxiet ruħha b’mod sod bħala pilastru fl-ekonomija Maltija u mutur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku. Is-sena l-oħra, Malta esperjenzat rekord ieħor fis-settur tat-turiżmu hekk kif żaruna ’l fuq minn 1.8 miljun turist, li jfisser żieda ta’ 24.2% fi żmien tliet snin f’wasliet ta’ turisti. Dawn it-turisti qattgħu aktar minn 14-il miljun lejl f’pajjiżna s-sena li għaddiet, u dan ġab tkabbir ta’ 20% f’ammont tal-iljieli mqatta’ bejn l-2012 u l-2015. Sabiex nassiguraw kontinwita’ f’dan is-suċċess, qed naħdmu biex jiżdiedu l- istandards ta’ kwalità sabiex nindirizzaw il-volum kbir ta’ turisti f’żoni turistiċi u l-pressjoni assoċċjata ma’ dan il-livell għoli ta’ densità. Id-dħul kollu mill-miżura tal-Kontribuzzjoni Ambjentali se jkun esklussivament indirizzat lejn it-titjib tal-infrastruttura lokali urbana u sabiex jiġi offrut titjib fil-prodott inġenerali ta’ pajjiżna. Id-dħul minn din il-miżura tal-Kontribuzzjoni Ambjentali se jkun amministrat mid-Dipartment tad-Dħul u immaniġġjat mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taz-Zoni Turistiċi. Permezz ta’ din il-Fondazzjoni se jkunu inklużi rappreżentanti tal-Assoċċjazzjoni Maltija għall-Lukandi u Ristoranti (MHRA) sabiex ikun ¿gurat parteċipazzjoni effettiva mill- istakeholders kollha interessati u b’hekk jintlaħaq l-objettiv ewlieni wara din il-miżura. Il-Kunsilli Lokali se jiġu wkoll ikkonsultati fejn ikun neċessarju. Għal dan il-għan, il-Ministeru għat-Turiżmu qed iħejji wkoll sessjonijiet ta' informazzjoni mal-partijiet interessati fl-industrija dwar dan. Din il-kontribuzzjoni se tkompli tappoġġja l-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-politika tas-settur, kif ukoll ser tikkontribwixxi direttament lejn aktar tkabbir ekonomiku f’pajjiżna.
Leg 12 PQ #24626 Sitting 375 2016-04-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Postijiet ta’ divertiment — ilmenti

Question

Billi kif ċertament hu magħruf, spiss ir-residenti jkollhom ilmenti marbuta mal-fatt li l-postijiet ta' divertiment joħolqu ċertu nkonvenjenzi għalihom, jista' l-Ministru jassigura li allura dan l-inkonvenjent jiġi kkumpensat, in parti, permezz ta' żviluppi neċessarji għall-istess lokalitajiet?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma u nissottolinea l-fatt lill-Onor. Interpellant li fid-domanda tiegħu huwa m’huwa qed jindika l-ebda lokalità partikolari u per konswegwenza id-domanda tiegħu ser tintwieġeb b’mod ġenerali. Il-Gvern ser ikompli jaħdem bla heda sabieix iġib ‘ events ’ bħal ma kien hemm riċentement fiż-żona tal-Qawra, Buġibba u San Pawl li kellu effett ekonomiku straordinarju fiz-zona. M’hemmx dubbju li dan għandu dejjem isir b’rispett lejn iz-zona in kwistjoni u r-residenti. L-iżvilupp neċessarju min-naħa tal-Gvern fiz-zoni turistiċi, huwa ta’ prijorità assoluta u l-Gvern juża lill-Aworità Maltija għat-Turiżmu, il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi u entitajiet oħra ħalli jibqa’ jsir ix-xogħol. Mis-sena d-dieħla se jkun hemm ukoll proġetti ta’ fejda minn flus li jkunu ġejjin mill-fond maħluq minn fondi ġenerati mill-Kontribuzzjoni Ambjentali li se tibda tinġabar mill-1 ta’ Ġunju 2016.
Leg 12 PQ #24627 Sitting 375 2016-04-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – vot għal product development

Question

Billi l-vot għall-product development li għandha l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) jista' jitqies li hu wieħed baxx ħafna, kif se jiġi assigurat li l-istess awtorità jkollha vot ikbar għal dan l-iskop?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-vot tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għall-iżvilupp tal-prodott qatt m’huwa biżżejjed, din l-Amministrazzjoni ħadet inizjattivi bħat-twaqqif tal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taz-Zoni Turistiċi u l-introduzzjoni tal-Kontribuzzjoni Ambjentali mill-1 ta’ Ġunju li ġej sabiex jibqa’ jiġi mgħejjun l-iżvilupp tal-prodott turistiku tagħna li hu kruċjali għas-suċċessi li qed nagħmlu f’dan is-settur. Ukoll, permezz tal-EU Affairs and Policy Development Unit, il-Ministeru għat-Turiżmu qed jaħdem sabiex inkunu nistgħu niksbu u nagħmlu u¿u minn fondi tal-Unjoni Ewropeja.
Leg 12 PQ #24538 Sitting 374 2016-04-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar – Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — tiswijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24184, billi dak li ngħad fir-risposta ma jirriflettix dak li hemm fil-lokalità, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-interventi li wettqet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fil-lokalità msemmija fl-istess domanda, matul l-aħħar sentejn, u jitlob lill-istess korporazzjoni biex tispezzjona l-istess siti? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal Kamra, lista ta’ fejn saru l-interventi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, li ġiet mgħoddija lili mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Leg 12 PQ #24539 Sitting 374 2016-04-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – investiment għal toroq ta’ madwar il-front ta’ San Pawl il-Baħar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub fil-mistoqsija parlamentari 24182 u ċjoè dwar jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) waslitx f’xi ftehim biex tgħin fl-investiment meħtieġ, li hu ta’ miljuni, biex it-toroq ta’ madwar il-front fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar (almenu dawk) jingħataw wiċċ ġdid?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, id-diskussjoniet bejn il-Ministeri kkonċernati għadhom għaddejjin.

Ċitazzjonijiet mogħtija mill-wardens

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ingħataw, sa issa, lokalità lokalità, ċitazzjonijiet mill-wardens kemm ilhom li waqgħu taħt l-organizzazzjoni tal-Gvern?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Deployment ta’ wardens

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema sistema qed tiġi wżata għal dak li jikkonċerna deployment ta' wardens fid-diversi toroq u lokalitajiet li għandna madwar Malta? Kif qegħdin jiġu prijorizzati dawn l-istess postijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Aġenzija LESA qed tagħmel laqgħat ma’ kull Sindku ta’ Malta u Għawdex fejn fihom jiġu diskussi u identifikati l-prioritajiet ta’ Infurzar Lokali mressqa mill-istess Sindki u Kunsilli Lokali. Dawn il-postijiet identifkati qed jingħataw prijorita’ fir-rotta tal-Gwardjan ta’ kuljum kif rikjest mill-istess Kunsill Lokali. Issir komunikazzjoni ta’ kuljum mar-Regional Enforcement Officer dwar il-bżonnijiet ta’dik il-ġurnata fil-lokal. Il-LESA b’ mod regolari tassessja ukoll l-ilmenti taċ-ċittadin illi jidħlu dirett għand l-Aġenzija fejn jintalab Infurzar Lokali f’siti partikolari u tieħu l-azzjoni meħtieġa.

San Pawl il-Baħar – Triq Porzjunkula u Triq il-Frejgatina — ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-1 ta' Ottubru sal-lum fi Triq Porzjunkula u Triq il-Frejgatina, San Pawl il-Baħar (Qawra)? Kif inhuma mqassma dawn l-istess ċitazzjonjiet xahar b’xahar, u kontravenzjoni kontravenzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Breakwater tal-Veċċia – qtugħ ta’ dawl

Question

Billi skont risposta parlamentari datata 6 ta' April 2016 (mistoqsija parlamentari 24386) id-dawl fuq il-moll tal-Veċċa reġa’ beda jaħdem, iżda meta vverifikajt fuq il-post sibt li dan ma kienx il-każ, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema interventi saru, u kemm ġew jiswew dawn l-istess interventi li saru fuq il-post? Kif se jiġi assigurat li dawn id-dwal li għadhom kif twaħħlu, jibqgħu jaħdmu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li sa meta ngħatat ir-risposta preċedenti d-dawl kien qiegħed jaħdem. Ninsab infurmat ukoll li d-dawl qiegħed jinqata minħabba fault apparenti fis-sistema elettrika, u għadhom għaddejin verifiki tekniċi biex tissolva l-problema b’mod permanenti. Ninsab infurmat ukoll illi dan l-intervent mhux ser jinvolvi l-ebda spiża.

Qawra – għeluq ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta irċevietx talbiet biex toroq fl-inħawi tal-Qawra jingħalqu għal xi raġuni partikulari fil-ġranet ta’ bejn it-30 ta’ Marzu u l-5 ta’ April, 2016? Min għamel din it-talba, u għal liema skop? Liema talbiet ġew aċċettati?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika liema toroq qed jirreferi għalihom.

Qawra – għeluq ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif jekk il-Pulizija rċevietx xi talba biex jingħalqu toroq fl-inħawi tal-Qawra, bejn it-30 ta’ Marzu u l-5 ta’ April 2016? Min għamel din it-talba u għal liema raġuni? X’tip ta’ avviż sar dwar dan l-għeluq?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-perjodu indikat, il-Pulizija m'għalqet l-ebda triq fl-inħawi tal-Qawra. Madankollu, il-Pulizija ħarġet avviz fil-gazzetta tal-Gvern tas-26 ta Frar, 2016, biex ma jsirx parkeġġ ta' karozzi fi triq it-Trunciera, f'xi ħinjiet u ġranet fil-perjodu indikat, biex jiġi evitat l-għeluq tat-Triq in kwistjoni, u hekk it-traffiku jimxi normali.

San Pawl il-Baħar – żieda ta’ Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif jekk kienx hemm żieda f’dik li hi preżenza ta’ pulizija fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, matul dawn l-aħħar jiem? X’kienu r-riżultati li nkisbu mill-preżenza tal-pulizija f’dawn in-naħiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmt li in konnesjoni ma l-attivitajiet tal-Lost and Found, kien hemm żieda ta’ Pulizija mid-Distrett, mit-Taqsima tad-Drogi u mit-Taqsimi tas-Sigurtà fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar. Konsegwenza tad-Diversi kontrolli u spezzjonijiet li saru matul il-perjodu, kien hemm diversi persuni li ġew imressqa l-Qorti minħabba ksur ta' liġi li jirrigwarda traffikar jew pussess tad-droga.

Breakwater tal-Veċċia – qtugħ ta’ dawl

Question

Billi sfortunatment id-dwal il-ġodda li hemm fuq il-breakwater tal-Veċċia, minkejja li għadhom ġodda, mhux qed jixgħelu u ilhom hekk għal numru ta’ jiem, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn il-ħsarat jissewwew, jew jekk mhux ħsara jittieħdu l-passi biex dan il-qtugħ ta’ dawl ma jibqax iseħħ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li d-dawl ta’ dan il-moll reġa’ qed jaħdem wara intervent min-naħa tal-kuntrattur li għamel x-xogħlijiet relatati.

Prodotti agrikoli mibgħuta barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema prodotti agrikoli ntbagħtu barra minn Malta matul l-aħħar sena? Lejn liema pajjiżi ntbagħtu dawn il-prodotti? X’tip ta’ kontrolli saru fuq dawn il-prodotti qabel ma ntbagħtu barra minn Malta?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, kif diġà ġie kkonfermat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 9480, m’hemm l-ebda obbligu legali jew amminstrattiv u li min irid jibgħat prodotti agrikoli barra minn Malta jrid qabel xejn jinforma lill-Ministeru.
Leg 12 PQ #24388 Sitting 373 2016-04-06 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Selmun – Fortizza Campbell

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-fortizza ta' Campbell f’Selmun hux ser tingħata għal xi żvilupp partikulari? Jekk iva meta? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għamlitx, jew jekk hux qed tagħmel xi development brief għal dawn l-inħawi? Jekk iva, meta hu mistenni li jiġi ppubblikat dan il-brief?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab nfurmat mid-Dipartiment tal-Propjeta tal-Gvern li s’issa dan m’għandu l-ebda talba għall-fortizza ta’ Campbell f’Selmun għal xi żvilupp partikulari. Ninsab ukoll nfurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar li l-policy ta' żvilupp għall-fortizza Campbell tinsab fil-pjan lokali tal-Majjistral tal-2006 u li l-imsemmija Awtorita' mhix tipprepara 'briefs' għal dan is-sit.
Leg 12 PQ #24182 Sitting 372 2016-04-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – investiment għal toroq ta’ madwar il-front

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) waslitx f’xi ftehim biex tgħin fl-investiment meħtieġ, li hu ta’ miljuni, biex it-toroq ta’ madwar il-front (almenu dawk) jingħataw wiċċ ġdid?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal-liema lokalità qed jirreferi meta qed jistaqsi fuq investiment fuq toroq ta’ madwar il-front.