Transport Malta — kundizzjonijiet dwar l-użu tal-quad bikes
Question
B'referenza għar-risposta dwar il-quad bikes, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta tagħmilx xi kundizzjoni partikulari għal dak li jikkonċerna l-użu tal-istess quad bikes fit-toroq ta' pajjiżna? Jekk tagħmel tali kundizzjonijiet, jista' jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kundizzjoni, jew restrizzjoni tagħmel Transport Malta dwar l-użu ta' tali quad bikes?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta timponi, li sabiex persuna tkun tista’ ssuq quad bike, għandha tilbes elmu magħmul minn materjal li jirreżisti daqqiet, u dan skont il-provedimenti tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 65.11. Barra minn hekk, ix-xufier għandu jkollu liċenzja tas-sewqan b’Kategorija B1 hekk kif tipprovdi il-Leġislazzjon Sussidjarja 65.11.
San Pawl il-Baħar – Triq J. Quintinus – Granzija għal irranġar ta’ triq
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31031, billi l-blokka ta' appartamenti li nbniet fissret ammont kbir ta' materjal li kellu jitħammel, (inkluż qtugħ ta' materjal f'fond ta' bosta metri taħt l-art) u jittieħed x'imkien ieħor, u dan fisser mijiet ta' trakkijiet li kellhom jgħaddu minn din it-triq waqt it-taħmil, u l-kostruzzjoni tal-istess blokka, jista' l-Ministru jikkordina mal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) biex jara li jekk inżammu xi flus bħala garanzija, dawn l-istess flus jintużaw biex tiġi msewwija t-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali u għaldaqstant nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31273, u jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tappieri tad-drenaġġ (manholes) li għandha l-Water Services Corporation fl-inħawi ta' Buġibba, Qawra u San Pawl il-Baħar? Billi numru sostanzjali minn dawn il-manholes huma mniżżla ‘l isfel mill-wiċċ tat-triq, jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-istess tappieri, u t-tarmakk ta’ madwarhom jiġu rranġati? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk fil-fatt sarux spezzjonijiet fuq l-istess tappieri, kif ukoll x'kienu r-riżultati ta' tali spezzjonijiet? Kemm mit-tappieri kkonċernati, fil-fatt ġew mgħollija sal-livell meħtieġ fit-triq?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li n-numru ta’ manholes fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar jammonta għal 1400. Il-Korporazzjoni bdiet bl-ispezzjonijiet meħtieġa u t-tappieri li huma fi stat ħażin qed qed jiġu rranġati. Minn Jannar sal-lum ġew irranġati 9 tappieri.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi ttieħdu dwar ittra li l-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir qed jingħad li kitbu lill-istess Prim Ministru dwar il-mod kif qed jiġu ttrattati fl-istess awtorità? Kemm hu n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu f'din l-awtorità, u kemm minnhom fil-fatt iffirmaw l-istess ittra? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt ittieħdux xi passi partikulari dwar dan is-suġġett, iktar u iktar meta wieħed iqis kemm hi importanti din l-istess awtorità għal dak li jirrigwarda x-xandir f'pajjiżna?
San Pawl il-Baħar – spezzjonijiet tas-sistemi tal-elettriku tad-djar residenzjali
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ħaddiema tal-Enemalta, jew ħaddiema mqabbda mill-istess Enemalta, kenux qed iduru fit-toroq ta' San Pawl il-Baħar, b'xi tip ta' apparat biex jispezzjonaw is-sistemi tal-elettriku tad-djar residenzjali jew ta' postijiet oħra, minn barra dawn l-istess postijiet, u dan minħabba l-fatt li dehru nies jagħmlu tali spezzjonijiet, u meta kien hemm min staqsihom, fil-fatt wieġbu li kienu qed jagħmlu inspections f'isem l-Enemalta? Jekk veru kien hemm tali spezzjonijiet, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu l-iskop ta' dawn l-ispezzjonijiet?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat minn Enemalta plc li x-xogħol indikat huwa parti minn proċess kontinwu ta’ spezzjonar u manutenzjoni tas-sistema tad-distrubuzzjoni tal-elettriku nazzjonali u ta’ sistemi oħrajn relatati. Dawn l-operazzjonijiet isiru b’mod regolari madwar il-pajjiż.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-aħħar żviluppi għal dak li jikkonċerna l-Air Malta u l-ħaddiema tagħha? Billi kienu rappurtati numru ta' dikjarazzjonijiet li suppost għamel l-istess Onorevoli Ministru dwar l-Air Malta, jista' jikkonferma, jew jiċħad li fil-fatt għad ma hemm l-ebda deċiżjoni dwar il-futur tal-Air Malta, u tal-ħaddiema tagħha? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt wasalx iż-żmien għal deċiżjonijiet konkreti dwar dan is-suġġett, iktar u iktar issa li qed joqrob l-istaġun tas-sajf b'pass imgħaġġel?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 31874, datata 15 ta’ Marzu 2017.
Bdiewa li qed jaħdmu art proprjetà tal-gvern – applikazzjonijiet biex jiġu rikonoxxuti
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm applikazzjonijiet minn bdiewa li qed jaħdmu art proprjetà tal-gvern, li kienu talbu biex jiġu rikonoxxuti għall-istess art u li fil-fatt ġew hekk rikonoxxuti? Kemm fadal applikazzjonijiet pendenti għal dan ir-rikonoxximent?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ġew stallati pelican lights f'Malta u f'Għawdex matul l-aħħar tnax-il xahar? Fejn ġew stallati, u min ħallas għall-istess stallazzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar tnax-il xahar ġew stallati jew saru upgrades fuq 30 pedestrian crossing minn Transport Malta. Il-lista ta dawn il-crossings qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm żviluppi ġodda għal dak li jikkonċerna l-Air Malta u l-ħaddiema tagħha? Jista' jagħti tagħrif dwar x’inhuma dawn l-iżviluppi?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’dan il-waqt il-Gvern bħal shareholder ta’ l-airline għaddej b’taħdidiet paraleli ma numru ta’ kumpaniji li huma nteressanti li jiddiskutu l-possibilta li jidħlu f’partnership strateġiku ma’ l-Air Malta. Kif għamilna fil-passat, ser inkun qed ninforma lill-ħaddiema, din il-Kamra u l-Poplu in ġenerali meta jkun hemm xi ħaġa konkreta. Il-Gvern huwa ukoll kommess li jibqa jikkomunika mal-ħaddiema, b’laqgħat mal-unions li jsiru perjodikament u li jkomplu jibnu fuq il-qbil li kien intlaħaq mal-unions fis-sajf li għadda.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Gvern Malti għandux rapporti ġodda għal dak li jikkonċerna l-effett ta' Brexit fuq Malta?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li saret u qed titkompla l-evalwazzjoni dwar l-impatt ta’ Brexit fuq pajjiżna. Malta flimkien ma’ 26 Stat Membru ieħor qegħdin f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea sabiex l-interessi tal-Unjoni u l-Istati Membri jigu ssalvagwardjati. Wieħed irid jistenna il-pożizzjoni tar-Renju Unit sabiex l-Unjoni Ewropea tkun f’ pożizzjoni li tifinalizza l-pożizzjoni tagħha għan-negozjati fuq din il-materja.
Identity Malta – applikazzjonijiet pendenti għal Ċittadinanza Maltija
Question
Billi qed jiġi ripetut li n-numru ta' applikazzjonijiet għal Ċittadinanza Maltija żdied b'mod sostanzjali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu, preżentament, in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem Identity Malta, biex tingħata Ċittadinanza Maltija, skont il-kategorija differenti ta' applikazzjonijiet li għandha l-istess Identity Malta? Ta’ liema sena, sena b’sena huma l-applikazzjonijiet pendenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi kif diġa’ ingħad fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 31752, sal-aħħar ta’ Frar 2017, in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem Identity Malta biex tingħata ċittadinanza Maltija kien ta’ elf, disa’ mija u erbgħa u disgħin (1,994). Minn dawn, mitejn u tnejn u erbgħin (242) huma applikazzjonijiet ta’ persuni li talbu li jkunu naturalizzati bħala ċittadini Maltin, sitt mija u tlieta u sittin (663) huma applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza b’reġistrazzjoni a bażi ta’ żwieġ ma’ ċittadin/a ta’ Malta, filwaqt li elf u disgħa u tmenin (1,089) huma applikazzjonijiet ta’ persuni li talbu li jkunu reġistrati bħala ċittadini Maltin għax fl-arblu tar-razza għandhom żewġ ġenerazzjonijiet ta’ axxendenti li twieldu Malta.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm għandhom clamping devices (clamps) il-pulizija, li bihom ikunu jistgħu jiġu clamped vetturi li jkunu qegħdin jiksru regolamenti tat-traffiku, f'kull waħda mill-għases li hawn madwar Malta u Għawdex? Kemm-il darba ntużaw, u f'liema lokalitajiet intużaw dawn l-istess clamps, matul l-2016, u fl-ewwel xahrejn ta' din is sena?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Pulizija m’għandhomx clamping devices (clamps).
San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl - main tad-drenaġġ
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31685 dwar inspection bil-cameras fi Triq San Pawl mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif f’liema partijiet tat-triq saru l-aħħar inspections bil-camera? Tista’ l-Korporazzjoni tagħmel tali spezzjoni minn ħdejn il-Knisja tal-Karmnu sa ħdejn l-HSBC?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-aħħar spezzjonijiet bil-camera fi Triq San Pawl, f’San Pawl il-Baħar saru f’dawn il-partijiet imsemmija:
· Bejn Xagħra tal-Bandieri u Triq it-Taraġ
· Bajja tal-Pwales
· Bejn Triq it-Torri u Triq il-Parroċċa
· Triq il-Veċċa u Triq Toni Fenech
· Triq Patri Ġwann Grima u Triq Stella Maris.
Il-KSI tinforma lill-Onor. Interpellant li l-ispezzjonijiet bil-camera bejn Triq it-Torri u Triq il-Parroċċa, li tagħmel parti bejn Triq il-Knisja tal-Madonna tad-Duluri u l-HSBC, saru fl-2015. Spezzjonijiet f’din iż-żona, li hija twila 250 metru, iridu jsiru bil-lejl, bil-permessi meħtieġa u bl-arranġamenti tat-traffiku neċessarji.
San Pawl il-Baħar – Pjazza ta’ Buġibba – approvazzjoni ta’ bini
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar min ser ikun qed jiffinanzja l-bini, jekk jiġi approvat, ta' dak li qed jiġi applikat fl-applikazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, għall-Pjazza ta’ Buġibba, San Pawl il-Baħar?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi aktar informazzjoni fir-rigward ta' dan il-proġett tingħata fil-mument opportun wara li joħorġu l-approvazzjonijiet neċessarji mill-awtoritajiet ikkonċernati.
Billi jidher li s-sistema tat-tourism police li kienet introdotta s-sena li għaddiet f'Tas-Sliema/ San Ġiljan, mhux ser titkompla, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-ministeru għandux il-ħsieb li jintroduċi xi sistema oħra ta' għajnuna ta' infurzar, fil-lokalitajiet li hemm bosta lukandi, u allura ħafna turisti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz tat-Tourism Police, illi ġie varat f'Ġunju 2016 fiż-Żoni turistiċi f'San Ġiljan u tas-Sliema, għadu għaddej. Bħal ma diġa infurmajt lill-Interpellant f'diversi Mistoqsijiet Parlamentari illi għamel hu stess, il-proġett pilota qed jiġi evalwat sabiex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet sabiex dan is-servizz jitjieb u jiġi estiż f'lokalitajiet turistiċi oħra f'Malta u f'Għawdex, skond il-bżonn.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema siġar hu mistenni li jiġu mħawwla fil-postijiet fejn ġew identifikati għal skop ta' masġar? Fejn ser ikunu l-imsaġar li fihom ser jinbeda x-xogħol, u meta ser jibda?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li s-siġar identifikati li ser jitħawlu ġewwa l-imsaġar huma siġar indiġeni bħal Prinjol, Ballut, Tamarisk, Ta’ Ġuda u Ċipress. Ix-xogħol li nbeda diġà huwa ġewwa Baħar iċ-Ċagħaq u Wied Blandun fejn tlestiet l-art għat-tħawwil. It-tħawwil ser jibda fil-ġranet li ġejjin ġewwa Baħar iċ-Ċagħaq.
Billi l-binja u l-art ta’ madwar ta’ dak li kien is-Selmun Palace Hotel jidher li m’għadhomx iktar fuq il-kotba tal-Air Malta, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar min issa qed jamministra din il-proprjetà? Kemm ilha tiġi amministrata minn din l-entità? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk din il-proprjetà hux ser tinbiegħ lil xi ħadd?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-proprjetà qed tiġi amministrata minn kumpanija b’ishma mill-Ministeru għall-Finanzi u ‘Malta Industrial Parks’. It-trasferiment ta’ Selmun Palace Hotel għadda mingħand l-Air Malta għand din il-kumpanija fl-24 ta’ Marzu 2016. Qiegħed jitħejja l-proċess sabiex, eventwalment, il-proprjetà tinħareġ għall-bejgħ.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jibdew jiġu aċċettati talbiet biex residenti jkollhom parkeġġ riservat għalihom fil-lokalità fejn joqogħdu? Liema lokalitajiet għandhom tali parkeġġi approvati minn Transport Malta (TM)? Meta hu mistenni li jkun hemm żieda f'dawn il-lokalitajiet b'tali parkeġġi riservat għar-residenti? Fil-każi fejn il-parkeġġi għar-residenti huma approvati, jista' jagħti tagħrif meta ġew approvati? Kemm kien hemm każi, u fejn kienu, jekk kien hemm, li Residents’ Parking Schemes li kienu diġà operattivi fil-fatt ħarġet ordni minn TM biex dawn l-istess skemi jitneħħew?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi meta tgħaddi l-liġi jiġu proċessati tali talbiet sottomessi mill-Kunsill Lokali. Kien hemm żewġ talbiet li ma ġewx aċċettati. Dawn tressqu mill-Kunsilli lokali ta’ Tas-Sliema u l-Ħamrun.
Transport Malta — Parkeġġi li huma regolati bil-ħin
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn hemm parkeġġi li huma regolati bil-ħin, u li huma approvati minn Transport Malta (TM)? Jista' jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq li fihom il-parkeġġi fl-istess inħawi huwa rregolat bil-ħin? Jista' jagħti d-dettalji ta' liema huma dawn il-postijiet triq triq, lokalità lokalità? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk TM għandhiex applikazzjonijiet pendenti għal tali parkeġġi bil-ħin? Jekk hemm, jista’ jgħid għal fejn huma dawn l-istess talbiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Avviżi Legali relatati mal-iskemi tal-Parkeġġ Kontrollat lokalità, b’lokalità.
Kien hemm 17-il applikazzjoni għal tali parkeġġi li huma pendenti.
Attachments:PQ31739 13MAR PAPERS LAID DOC 1.pdfPQ31739 13MAR PAPERS LAID DOC 2.pdfPQ31739 13MAR PAPERS LAID DOC 3.pdfPQ31739 13MAR PAPERS LAID DOC 4.pdf