Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar – applikazzjonijiet għall-bini ta’ appartamenti

Question

Billi f’risposta preċedenti l-Ministru wieġeb li hemm numru ta' siti li hemm probabbiltà li l-pjanti tal-bini propost jinbidel minn dak li kien fil-passat mill-Awtorità tad-Djar li ssottomettiet l-applikazzjonjiet għall-bini ta' appartamenti, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proposti li kienu diġà approvati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u li issa l-Awtorità tad-Djar qed tipproponi li tbiddel minn kif kienu? Jista’ f’kull każ iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li kienu approvati, u kopja tal-pjanti li issa qed jiġi propost li jinbnew minflok dawk li kienu diġà permessi fil-passat? Meta hu mistenni li f'kull każ, jinbeda x-xogħol fuq is-siti partikulari?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-periti nkarigati mill-binjiet qed jagħmlu l-evalwazzjonijiet neċessarji tal-permessi eżistenti biex ikunu jistgħu jiġu aġġornati.

Triq minn ħdejn il-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu, sa ħdejn il-ħruġ minn Buġibba/Qawra — xogħlijiet

Question

Billi t-triq li ddur madwar il-kosta minn ħdejn il-Knisja ta' San Pawl Nawfragu, sa ħdejn il-ħruġ minn Buġibba/Qawra, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar għandha bżonn ta' investiment ta' mijiet ta' eluf ta' ewro, u dan minħabba l-istat li tinsab fiha, jista' l-Ministru, ukoll fid-dawl tad-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru li l-Gvern hu mistenni li jwettaq xogħol fuq it-toroq kollha li għandhom bżonn li jsir xogħol fuqhom, jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru tiegħu hux mistenni li jwettaq xogħol, permezz ta' Transport Malta, fuq din l-imsemmija triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq in kwistjoni jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-kunsill lokali kkonċernat.

Skema PPP – xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-preparamenti biex ikun hemm xogħol fuq it-toroq tagħna, permezz ta' Public-Private Partnerships (PPP)? Jista' jagħti tagħrif ma’ min saru d-diskussjonijiet sa' issa dwar dan is-suġġett, kif ukoll liema ser ikunu l-ewwel xogħlijiet li ser isiru permezz ta' din l-iskema? Meta hu mistenni li fil-fatt jinbeda l-ewwel xogħol, u fejn? Min huma l-kuntratturi li wrew interess li fil-fatt jieħdu sehem fi skema ta' PPP għal dak li jirrigwarda t-toroq?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Roadside checks

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta bdietx iżżomm l-informazzjoni dwar in-numru ta' roadside checks illi tagħmel, il-lokalità, u l-post fejn dawn iċ-checks fil-fatt jinżammu, kif ukoll ir-riżultati li joħorġu minn tali road side checks? Jista' jassigura li fil-fatt dawn iċ-checks isiru b'mod mifrux madwar Malta u Għawdex, u mhux konċentrati biss f'xi area, jew lokalità partikulari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta żżomm statistika rigward in-numru ta’ roadside checks li tagħmel, il-post / lokalità ta’ fejn isiru, kif ukoll ir-riżultati li joħorġu minn tali spezzjonijiet. Nikkonferma li dawn ir-roadside checks isiru f’lokalitajiet mifruxa madwar Malta u Għawdex.
Leg 12 PQ #25405 Sitting 389 2016-05-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — tiswijiet

Question

B'riferenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 24538 u 24184, u fid-dawl tal-fatt li suppost li l-Water Services Corporation qiegħda tevalwa, permezz ta' spezzjonijiet ġodda fuq il-post fejn ikunu saru l-interventi, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm mil-lista twila li kienet sottomessa fil-Parlament iktar minn xahar ilu, fil-fatt reġgħu ġew spezzjonati? F'kull każ, x'kienu r-riżultati li nstabu fuq il-post, u f'liema każi sa issa, ittieħdu miżuri korrettivi biex jiġi msewwi x-xogħol li jirriżulta li ma jkunx sar sew fuq il-post?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-ispezzjonijiet mitluba għadhom għaddejjin.
Leg 12 PQ #25366 Sitting 388 2016-05-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – Triq Patri Ġużepp Calleja — bozza

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta ġiet approvata bozza ġdida li madwar 14-il xahar ilu twaħħlet fi Triq Patri Ġużepp Calleja, San Pawl il-Baħar, li iżda għadha ma ġietx imqabbda mas-sistema tad-dawl tat-toroq? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’wassal biex din il-bozza ma tinxtegħelx? Jista’ jagħti tagħrif dwar min talab l-istess awtorizzazzjoni għal din il-bozza, u min waħħal il-bozza fuq il-post?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt mgħarraf li l-applikazzjoni għall-ikkonnettjar tal-lampi msemmija kellha tiġi kkanċellata wara li l-entita’ reponsabbli minn dawn il-lampi baqgħet ma ssottomettietx id-dokumenti u tagħrif tekniku meħtieg biex tkun tista’ ssir il-konnessjoni. Enemalta plc bagħtet diversi messaġġi lill-istess entita’ biex tfakkarha tgħaddi dawn id-dokumenti, iżda ma rċeviet l-ebda tweġiba.
Leg 12 PQ #25367 Sitting 388 2016-05-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – open plots

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm siti magħrufa bħala “open plots” fil-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar li tagħhom għandha record l-Awtorità tal-Ippjanar? X'passi ħadet l-Awtorità tal-Ippjanar jew qabilha l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex dawn il-plots jingħalqu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt nfurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar li l-istess Awtorita ma żżommx records ta' siti magħrufa bħala “open plots”. Kif diġa ġie infurmat fil-Mistoqsija Parlamentari numru 24623, magħmulha mill-istess Onor. Interpellant, l-Awtorità tal-Ippjanar ma titlobx lis-sidien ta' siti biex idawruhom bil-ħitan, peress illi ma hemmx regolamenti illi jeħtieġu li kull sit mhux żviluppat għandu jkun mdawwar bil-ħitan. Iżda, skont artikolu 99(1) tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Izvilupp (2016), jekk il-ġmiel jew siwi ta’ xi żona huwa mħassar bid-dehra ta’ xi art, li tkun ġnien, sit vojt jew art oħra fil-beraħ, l-Awtorità tista' titlob lis-sid jew l-okkupant tal-art sabiex jittieħdu dawk il-passi li hemm b¿onn biex titnaqqas il-ħsara. Il-fatt illi ma hemmx ħajt imdawwar ma' propjeta` ma jfissirx illi dik l-art qed tikkaw¿a xi ħsara lil-ġmiel jew siwi ta' dik iż-żona. Għalhekk, jekk sid l-art ineħħi dak li jkun qed jikkawża l-ħsara, ma hemmx bżonn li jinbnew xi ħitan, għalkemm mhux eskluż illi biex titneħħa l-ħsara jista' jkun li hemm bżonn jinbnew il-ħitan madwar is-sit.

Persuni li jkunu ġejjin joqogħdu f’Malta – rekords kriminali vetted

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux qed ikun hemm talbiet partikolari biex jiġu vetted rekords kriminali ta’ persuni li jkunu ġejjin joqogħdu f’Malta, minħabba xogħol jew residenza, liema persuni jkunu ġejjin minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ kontroll fil-fatt qed isir, għal dawk li jikkonċernaw ċittadini ta’ pajjiżi li ġejjin mill-Unjoni Ewropea? Kif qed jiġi assigurat li persuni li għandhom rekords kriminali jiġu osservati, jew possibilment ma’ jitħallewx jidħlu f’Malta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-funzjoni tal-ħruġ tal-permessi tar-residenza u ta’ visa lill-persuni li huma ċittadini ta’ pajjizi terzi hi tal-Identity Malta Agency. L-Agenzija titlob lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni, li huwa l-Kummissarju tal-Pulizija, sabiex fil-każ ta’ kull applikazzjoni li tirċievi jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-persuna għal dak li għandu x’jaqsam mal-interess pubbliku in ġenerali. F’dan ir-rigward jiġu verifikati r-rekords disponibbli għand il-Pulizija għal dan l-iskop. Cittadini tal-Ewropa għandhom id-dritt ta’ moviment ħieles fit-territorji tal-EU sakemm il-presenza tagħhom ma tkunx ta’ detriment minħabba public policy, public security jew public health għal pajjiż. Meta il-Pulizija tasal għandhom informazzjoni li dan jista’ jkun il-każ, dawn jieħdu azzjoni kif hemm stipulat fil-liġi sussidjarja u kif stabbilit fl-Acquis Communautaire biex tali persuna tkun anke tista tiġi mkeċċija, kif fil-fatt ġieli ġara f’xi każi fil-passat, wara kooperazzjoni ma aġenziji tas-sigurtà ta’ Stati Membri oħra. Fis-sena 2014 u 2015 kien hemm diversi każi ta’ persuni minn pajjiżi terzi li ġew rifjutati milli jidħlu Malta għal raġunijiet varji, wara li saru verifikazzjonijiet mal-wassla tagħhom minn destinazzjoni barra iż-żona Schengen.

Atti kriminali marbuta ma’ offiżi sesswali

Question

Wara li ġibduli l-attenzjoni dwar il-preokkupazzjoni ta' ċerti residenti Maltin minħabba l-biża’ ta' atti kriminali marbuta ma’ offiżi sesswali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ikunx hemm xi kontroll (verifika) partikulari għal dawk li huma persuni barranin li jiġu joqogħdu f'Malta, minħabba xi rekord kriminali marbut ma' abbużi sesswali? Jekk iva, kemm kien hemm persuni li twaqqfu milli jidħlu f'Malta minħabba din ir-raġuni, matul l-2014 u 2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bħal ma dejjem sar dwar persuni terzi, il-Pulizija tagħmel verifiki meħtieġa biex kemm ikun possibli jiġi assigurat li persuni li jistabilixxu lilhom infushom ġewwa Malta ma jkunux marbuta ma xi atti kriminali inkluż dak ta’ offizi sesswali. Dan barra mill-mezzi ta’ ko-operazzjoni li jeżistu bejn il-Pulizija lokali u agenziji ta’ sigurta barranin, f’dan ir-rigward, mezzi li regolarment jagħtu riżultati posittivi, bħal meta jiġu esegwiti mandati t’arrest Ewropew jew Internazzjonali, fuq akkużi varji, u hawn anke fejn jikkonċerna lil kull persuna. Verifiki oħra jsiru fil-fruntieri fuq ċittadini terzi li jasslu min destinazzjonijiet ta’ pajjizi terzi. Huma diversi l-persuni terzi li twaqqfu milli jidħlu Malta, però ma hemmx statistika jekk dawk intbagħtux minħabba atti kriminali marbuta ma’ offiżi sesswali.

Għassa tal-Qawra – preżenza ta’ aktar pulizija

Question

Billi minkejja l-isforzi kollha li jwettqu l-pulizija li huma stazzjonati fuq xogħol fl-għassa tal-Qawra xorta waħda tinħass il-ħtieġa ta' preżenza iktar qawwija ta' pulizija fil-lokalità, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex ikun hemm żieda fin-numru ta' pulizija preżenti fil-lokalità, almenu, matul ix-xhur tas-sajf?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li kif diġa kelli okkażjonijiet oħra nirrispondi għal-mistoqsijiet simili, li meta jinħass il-bżonn li jkun hemm aktar uffiċjali tal-Pulizija jaqdu id-doveri tagħhom f’lokalitajiet diversi, dawn jintbagħtu meta l-esiġenzi tas-servizz hekk jiddettaw. Dan jinkludi wkoll il-Qawra u San Pawl il-Baħar, li bħala lokalitajiet turistiċi u ta’ villeġġatura, matul ix-xhur tas-sajf, il-Pulizija isaħħah il-presenza tagħha permezz ta’ ronda kemm b’vetturi u muturi, kif ukoll permezz ta’ pulizija minn taqsimiet oħra, skond il-bżonn.

Reġistrazzjoni tal-vapuri taħt il-bandiera Maltija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kollaborazzjoni hemm bejn il-ministeru tiegħu u dak tat-trasport għal dak li jikkonċerna r-reġistrazzjoni tal-vapuri taħt il-bandiera Maltija? Liema inizjattivi ġodda huma mistennija li jittieħdu sabiex dan is-settur ikompli jikber matul is-snin li ġejjin?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li nħolqot pjattaforma fejn opportunitajiet ġodda jkunu jistgħu jiġu analizzati fl-Aġenzija Malta Marittima. Għaldaqstant ġie mwaqqaf steering committee li fih hemm parteċipazzjoni ta’ Ship Registrar minn Transport Malta, flimkien ma’ membri maħtura mill-Malta Enterprise, mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, REWS u Freeport Corporation. F’dan il-kumitat ikunu jistgħu jittieħdu dawk id-deċi¿jonijiet li jolqtu dipartimenti differenti sabiex inkomplu n¿idu l-opportunitajiet. Fost inizjattivi li għandhom jiġu mittieħda, huma kunsiderazzjonijiet li jwasslu għal valur miżjud f’dan il-qasam fosthom; Arbitraġġ Marittimu u Ship Management.
Leg 12 PQ #25280 Sitting 387 2016-05-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Land Reclamation fil-baħar – applikazzjonijiet pendenti

Question

Billi bosta drabi kien hemm referenzi għal dak li jikkonċerna land reclamation fil-baħar ta' madwarna, jista' l-Prim Ministru jaġġorna l-Kamra dwar in-numru ta' applikazzjonijiet li hemm pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar, kif ukoll kemm kien hemm applikazzjonijiet li ġew approvati jew rifjutati?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt nfurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar li l-istess Awtorità m'għandha l-ebda applikazzjonijiet pendenti kif ukoll applikazzjonijiet li ġew approvati jew rifjutati.

Servizz ta’ home help

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22759, dwar home help, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari billi issa għaddew tliet xhur minn dik l-istess mistoqsija u ċjoè jgħid meta hu mistenni li jingħata s-servizz ta’ home help lil dawk l-anzjani li għandhom talba pendenti għal dan is-servizz? Kemm hemm anzjani li għandhom talba pendenti u minn liema lokalitajiet? Fil-każ partikulari ta' San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani li kellhom dan is-sapport, li iżda mhux qed jingħatalhom, minħabba li naqsu xi home helpers? Meta hu mistenni li jerġgħu jingħataw dan l-istess sapport?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz lil dawk li kellhom is-servizz temporanjament sospiż minhabba bidla fil-kuntrattur u social assistants li rtiraw, reġa’ beda jingħata b’mod normali. It-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi l-każijiet ġodda fejn riċentament ġie approvat is-servizz tal-Home Help lir-residenzi msemmija mill-bord tal-Home Help; liema servizz ser jibda’ jkun offrut lilhom fi żmien qasir:

Buġibba – Direzzjoni ta’ San Pawl il-Baħar – traffic lights

Question

Billi d-daħla lejn Buġibba/Qawra, għadha mingħajr dawl (traffic lights) fil-karreġġjata li tkun ġejja minn San Pawl il-Baħar, u dan b'periklu kbir għal min ikun għaddej minn dawk l-inħawi, u billi fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22713, il-Ministru kien wieġeb li għadda s-suġġeriment tiegħi lill-Transport Malta, u dan f'Jannar li għadda, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm minn dakinhar sal-lum?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-karreġġjata li tkun ġejja min-naħa ta’ San Pawl il-Baħar hija kkontrollata bis-sinjaletika ta’ STOP u għaldaqstant, bl-osservanza tas-sinjaletika, ma jkunx hemm periklu ta’ sigurtà.

Rapport dwar il-bini ta’ mina bejn Malta u Għawdex

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25262, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ir-rapport sar dwar il-mina bejn Malta u Għawdex u li b’xi mod Transport Malta kellha sehem fih, fil-preparazzjoni tiegħu, fl-użu tiegħu jew fil-ħlas tal-kontijiet li kien meħtieġ li jitħallsu dwar dawn ir-rapporti? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema rapporti qed taħdem Transport Malta fuqhom għal dak li hu s-sehem tagħha fil-preparazzjoni tar-rapporti finali dwar il-mina? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’kollaborazzjoni kien hemm bejn il-Ministeru jew xi entitajiet li jaqgħu taħtu mal-Gozo Business Chamber biex sar ir-rapport jew rapporti dwar l-istess mina?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta kienet involuta f’żewġ rapporti dwar il-mina bejn Malta u Għawdex: l-ewwel fl-2012 mill-kumpanija Mott McDonald, u t-tieni fl-2015 mill-ekonomista Gordon Cordina. Dan tal-aħħar kellu involviment estensiv mill-Gozo Business Chamber. Fil-preżent, Transport Malta qed tippjana numru ta’ studji sabiex ikollha iktar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ġeoliġika u siżmika taż-żona in kwistjoni. B’hekk tkun f’pożizzjoni li tibda l-preparamenti għal pjanti preliminari tal-konfigurazzjoni tal-istess mina.
Leg 12 PQ #25334 Sitting 387 2016-05-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Nurses mhux Maltin li jaħdmu fl-isptarijiet tal-Gvern

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25263, jista’ l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub maqsum skont l-isptarijiet differenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tabella t’hawn taħt: Isem tal-Isptar jew Entità Numru ta’ Infermiera barranin(sa Marzu 2016) Sptar Mater Dei 188 Ċentru Onkoloġija Sir Anthony Mamo (SAMOC) 18 Sptar Monte Carmeli 28 Sptar tar-Rijabilitazzjoni Karin Grech 20 Residenza S. Vinċenz De Paule 28 Dipartiment tal-Anzjani – Djar tal-Anzjani 4 Kura Primarja 2 Sptar Boffa 1 Sptar Ġenerali t’ Għawdex 1 Total 290

San Pawl il-Baħar (is-Salini) – produzzjoni ta’ melħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-salini tal-melħ fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar (is-Salini) hux se jiġu amministrat mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura jew minn xi entitajiet li jaqgħu taħtu? Billi fil-Gazzetta tal-Gvern hemm sejħiet għal diversi postijiet tax-xogħol marbutin mat-tmexxija ta’ dawn is-salini, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux se jidħol għall-produzzjoni tal-melħ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-sit fil-preżent qed jiġi amministrat mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura. Dawn is-sejħiet inħarġu mill-Ministeru tiegħi bil-għan li l-impjegati magħżulin jagħmlu xogħol marbut mal-obbligi tal-proġett tar-rijabilitazzjoni tas-salini, li ġie ko-finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropeja, inkluż il-produzzjoni tal-melħ.

ETC — Community Work Scheme Foundation

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jaħdmu dawk il-ħaddiema li kienu jiffurmaw parti mill-iskema tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, fejn bosta drabi ħadmu mal-kunsilli lokali? Jista’ jagħti tagħrif dwar kif qed taħdem issa l-Community Work Scheme Foundation? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’inhi l-funzjoni tal-organizzazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li mingħandha jidher li rċevew il-ħlas l-individwi li qed jagħmlu dan ix-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li l-parteċipanti tal-Community Work Scheme kienu jagħmlu xogħol fi skejjel statali, fil-Kunsilli Lokali u ma’ NGOs. Kull parteċipant kien jagħti servizz għal tletin siegħa fil-ġimgħa. Minn meta l-parteċipanti ġew impjegati full-time mal-Community Work Scheme Enterprise Foundation, is-servizz tagħhom lil dawn l-entitajiet bdew jagħtuh fuq bażi ta’ erbgħin siegħa fil-ġimgha. Il-Fondazzjoni għamlet profiling biex tistabbilixxi l-ħiliet u x-xewqat tagħhom dwar it-tip ta’ xogħol li jixtiequ jagħmlu. Saret ukoll konsultazzjoni mal-entitajiet li kienu qed jieħdu servizz. Ħafna mill-parteċipanti ġew ikkonfermati fil-post fejn kienu qabel. Kien hemm uħud li minn jeddhom irriżenjaw għax sabu xogħol ieħor. Il-Fondazzjoni qiegħda regolarment tagħmel moniteraġġ biex tassigura li l-impjegati tagħha jagħmlu xogħlhom b’mod sodisfaċenti. Permezz tal-profiling exercise, laqgħat mal-entitajiet u l-moniteraġġ tal-impjegati fuq il-post tax-xogħol, qed jinġabar tagħrif li jgħin lill-Fondazzjoni tħejji programmi ta’ taħriġ meta u fejn ikun hemm bżonn. L-organizzazzjoni li ħallset lill-parteċipanti qiegħda tagħti servizzi amministrattivi ta’ payroll lill-Fondazzjoni.

Farms tal-Baqar — rilokazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24252, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm irziezet li ngħataw għajnuna biex ikunu jistgħu jirrilokaw jew itejbu l-faċilitajiet tagħhom għat-trobbija tal-baqar? Kemm sar ħlas s’issa fuq dawn l-irziezet u f’liema lokalitajiet jinsabu l-irziezet li ngħataw l-għajnuna, lokalità b’lokalità?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kien hemm diversi għajnuniet biex rziezet itejbu l-faċilitajiet tagħhom għat-trobbija tal-baqar, fosthom il-Miżura 121 kif ukoll il-miżura 'meeting standards' u l-għajnuna nazzjonali 'SMPPMA' fuq it-tined. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal-liema għajnuna qed jirefferi u mil-liema perjodu jrid it-tali informazzjoni.

Pjan Nazzjonali tal-immaniġġjar tal-iskart

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24530, billi fir-risposta qed jingħad x'inhu jippretendi mill-kunsilli lokali dwar dak li jikkonċerna l-ġbir tal-iskart, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru tiegħu ħadimx flimkien mal-ministeru responsabbli mill-kunsilli lokali biex jiżdied il-budget li hu meħtieġ biex jitħallsu l-kontijiet ta' ġbir li qed jingħad li jrid jiżdied? Jekk le, jista' jagħti tagħrif dwar kif hu mistenni li jiġi finanzjat il-ġbir indikat f'dan il-management plan?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif indikat fil-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24530, qegħdin isiru diskussjonijiet mal-Ministeru kkonċernat dwar kif għandhom jiġu implimentati l-obbligi li għandhom il-Kunsilli Lokali dwar il-ġbir tal-iskart. Ma hemmx dubju li meta jkun il-waqt il-piż finanzjarju sa jiġi kkunsidrat ukoll kif qed jiġi diġà kkunsidrat f’dawk il-lokalitajiet li qegħdin jieħdu sehem fil-proġett pilota għal ġbir separat ta’ skart organiku b’konsultazzjoni mal-Ministeri kkonċernati, inkluż il-Ministeru tal-Finanzi. Huwa ovvju li l-Ministeru responsabbli mill-Kunsilli Lokali għandu rwol ewlieni f’dan ir-rigward.