Billi jidher li ġew proposti multi qawwija għal dak li jikkonċerna serer madwar Malta u Għawdex, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm konsultazzjoni bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Ministeru tiegħu dwar dan? Liema ser ikunu s-serer li ser jiġu kkunsidrati bħala li qed jiksru xi liġijiet tal-ippjanar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk it-tmexxija tas-Salini fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar, fl-inħawi magħrufa bħala s-Salini, fil-fatt għaddietx taħt it-tmexxija tal-Ministeru responsabbli mill-parks? Jekk iva din it-tmexxija meta għaddiet f’idejn il-Ministeru?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tmexxija tas-Salini għad m’għaddietx fi ħdan il-Ministeru.
Transport Malta – San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar – garaxxijiet ta’ kiri ta’ karozzi
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' garaxxijiet li jagħtu servizz ta' kiri ta' karozzi, ta' kull tip, u li huma liċenzjati biex jikru l-karozza, fil-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, u kemm hu n-numru ta' vetturi ta' kull kategorija li huma hekk liċenzjati, skont il-kategoriji kif liċenzjati minn Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ garaxxijiet li jagħtu servizz ta’ kiri ta’ karozzi ta’ kull tip, kif ukoll huma liċenzjati biex jikru l-karozzi, fil-lokalitajiet imsemmija, huma hekk kif ġej:
San Pawl il-Baħar – 90
Naxxar – 15
Mellieħa - 42
Ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Marzu 2016, l-ammont ta’ vetturi għall-kiri kien hekk kif indikat:
Kategorija
Ammont
Karozzi
6,829
Kummerċjali
3,937
Muturi
380
San Pawl il-Baħar – Park tas-Salina — attivitajiet privati
Question
Jista' l- Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux possibbli li fil-park tas Salina f’San Pawl il-Baħar jiġu organizzati attivitajiet privati, bħall-parties għat-tfal? Jekk iva, xi proċedura tista' tintuża biex l-ispazju jiġi mikri u fejn ikunu jistgħu jsiru tali applikazzjonijiet? X’inhu l-ħlas li jrid isir f'dawn il-każijiet?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-Park tas-Salina jistgħu jiġu organizzati attivitajiet privati u l-ħlas li jintalab jiddependi mill-area li tintuża.
F’kull każ, biex wieħed ikun jista’ jorganizza xi attività fil-park, trid timtela applikazzjoni, li tiġi sottomessa lid-Direttorat tal-Parks u Inizjattivi. Din tiġi pproċessata u, hekk kif tiġi approvata, tinħareġ n-notifika neċessarja.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ mard laqat in-naħal f’Malta u Għawdex matul l-aħħar 12-il xahar? F’liema lokalitajiet instab dan il-mard, u x’passi ttieħdu biex jiġi kkontrollat? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk dan il-mard kellux xi effett fuq il-produzzjoni tal-għasel?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul l-aħħar tnax –il xahar instabu diversi każijiet ta’ ‘European Foulbrood’ fil-kolonji tan-naħal f’Malta. Il-lokalitajiet fejn instabu l-kolonji nfettati huma: Mellieħa, Mġarr, Rabat, Ħaż-Żebbug, Baħrija u l-Wardija. Peress li l- ‘European Foulbrood’ hija mniżżla bħala waħda mill-mard notifikabbli u biex titnaqqas milli tkompli tinxtered, ix-xehed ta’ kolonji infettati ġew meqruda fuq il-post. Din il-marda ġiet l-ewwel darba rrapurtata f’Malta fl-2005.
Rigward il-produzzjoni tal-għasel, ta’ min jirrimarka li l-mard notifikabbli kollha jaffetwaw il-produzzjoni tal-ikel prodott mill-annimali. Id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja m’ għandux il-figuri tal-produzzjoni tal-għasel ta’ snin
preċedenti peress li l-imġiebaħ bdew jiġu spezzjonati minn dan id-Direttorat f’ Diċembru tal- 2014.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25403 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-preparamenti biex ikun hemm xogħol fuq it-toroq tagħna, permezz ta' Public-Private Partnerships (PPP)? Jista' jagħti tagħrif ma’ min saru d-diskussjonijiet sa issa dwar dan is-suġġett, kif ukoll liema ser ikunu l-ewwel xogħlijiet li ser isiru permezz ta' din l-iskema? Meta hu mistenni li fil-fatt jinbeda l-ewwel xogħol, u fejn? Min huma l-kuntratturi li wrew interess li fil-fatt jieħdu sehem fi skema ta' PPP għal dak li jirrigwarda t-toroq? Kemm-il PPP ġew approvati mill-Ministeru għall-Finanzi mill-qari tal-budget speech ta’ din is-sena, u kemm kien hemm PPPs li ġew approvati mill-istess Ministeru matul l-aħħar tliet snin? Liema proġetti ġew hekk approvati li jiffurmaw parti mill-PPP? Kemm minn dawn l-iskemi bdew jiġu mplimentati, u minn liema ministeri? X'xogħol sar s’issa b'dawn l-iskemi?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Awtorità tad-Djar – applikazzjonijiet għall-bini ta’ appartamenti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25401 u ċjoè: Billi f’risposta preċedenti l-Ministru wieġeb li hemm numru ta' siti li hemm probabbiltà li l-pjanti tal-bini propost jinbidel minn dak li kien fil-passat mill-Awtorità tad-Djar li ssottomettiet l-applikazzjonjiet għall-bini ta' appartamenti, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proposti li kienu diġà approvati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u li issa l-Awtorità tad-Djar qed tipproponi li tbiddel minn kif kienu? Jista’ f’kull każ iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li kienu approvati, u kopja tal-pjanti li issa qed jiġi propost li jinbnew minflok dawk li kienu diġà permessi fil-passat? Meta hu mistenni li f'kull każ, jinbeda x-xogħol fuq is-siti partikulari?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-eżerċizzju tal-għażla tas-siti għadu għaddej u jidher li bejn erbatax (14) u sbatax (17) –il sit ser jiġu magħżula biex l-Awtorita’ tad-Djar tkun tista’ tibni fuqhom. Meta jkun hemm deċiżjoni finali, l-Awtorita’ tkun f’pożizzjoni li tipprovdi l-pjanti approvati mill-Awtorita’ tal-Ippjanar. In-numru tal-binjiet li ser ikollhom il-pjanti mibdula għadu qed jiġi evalwat mill-periti.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21102, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-iskejjel kollha indikati fir-risposta fil-fatt għadhomx joperaw jew le? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jkunx infurmat dwar in-numru ta’ studenti li kull waħda minn dawn l-iskejjel ikollha, kif ukoll dwar in-nazzjonalità tagħhom? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ studenti, kif ukoll dwar in-nazzjonalità tagħhom, għal kull waħda minn dawn l–iskejjel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iskola li waqfet l-operat tagħha matul din is-sena skolastika hija r-Russian Boarding School – Buġibba.
Infurmat li kull sena skolastika tintbagħat statistika minn kull skola ħlief mil-Libyan School ta’ Ta’ Ġiorni li minħabba karatteristiċi differenti u n-natura tagħha, qed ikunu esplorati modi oħra li bihom tinġabar l-informazzjoni meħtieġa b’mod regolari.
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta’ studenti barranin li jiġu mgħallma f’dawn l-iskejjel. Ġiet miżjuda wkoll Mariam Albatool, li għalkemm hija skola li toffri kurrikulu lokali, għandha wkoll dimensjoni internazzjonali.
Attachments:PQ 25454 - Skejjel li jgħallmu studenti barranin.doc
Ministeru għat-Trasport/Transport Malta — Spazju fejn jitpoġġew karozzi kkonfiskati
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru, inkella Transport Malta (TM), xtrawx jew krewx spazju li fih ikunu jistgħu jpoġġu vetturi li għal xi raġuni jew oħra jkunu nqabdu minn TM? Jekk iva, fejn hu dan l-ispazju li qed jintuza biex fih jitqiegħdu l-vetturi li jiġu hekk ikkonfiskati, jew imwarrba mat-toroq tagħna?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta la xtrat u lanqas kriet spazji fejn jistgħu jitpoġġew il-karozzi maqbuda. Il-post li jitpoġġew fih il-karozzi maqbuda minn Transport Malta huwa Pembroke, sit li huwa diġa propjeta’ tal-istess Awtorita’.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar sejħiet għall-ingaġġ ta' periti mal-Awtorità tad-Djar? Kemm applikaw, u kemm ġew ingaġġati periti? X’xogħol mistenni li jwettqu dawn il-periti f'isem il-Housing Authority? Jekk ma sarx ingaġġ x'kienet ir-raġuni għal dan?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li, l-Awtorita’ tad-Djar ħarġet tliet sejħiet fis-sena 2015; 2 f’Marzu u sejħa oħra f’Lulju. Għal dawn is-sejħiet applikaw 15-il perit u minnhom ġew impjegati 3. Żewġ periti qegħdin jagħmlu xogħol fi ħdan id-Dipartiment tat-Technical Services & Operations fuq xogħol relatat ma’ irranġar u tiswijiet fi proprjeta’ residenzjali tal-Gvern/Awtorita’ tad-Djar, waqt li perit ieħor qed jagħmel xogħol fid-Dipartiment tal-Estate Management.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn tourism police li qed jaqdu d-doveri tagħhom preżentement? Wara l-introduzzjoni ta' dawn il-pulizija f'Paceville, meta hu mistenni li s-servizz jiġi estiż f’lokalitajiet oħra? Fejn?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bħala parti mill-preparamenti, għadhom kif spiċċaw kors apposta numru ta' membri tal-Korp fit-‘Tourisim Policing’. Fil-preċent qed jitkomplew l-aħħar preparamenti, biex b'hekk jitnieda l-proġett pilota f'żoni ta' San Giljan u ta' Tas-Sliema kif diġa' kien intqal f'mistoqsija Parlamentari preċedenti. Aktar dettalji se jingħataw fil-ġranet li ġejjin meta huwa maħsub li jinbeda dan il-proġett pilota.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn reġgħu tħawlu s-siġar tal-palm li nqalgħu minn Triq Reġjonali?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-siġar tal-palm li ġew maqlugħa minn Triq Reġjonali (roundabout tal-Kappara), tħawlu fil-bini tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) ġewwa Ħal Luqa u Ħal Safi.
Impjegati tal-Gvern – talbiet partikulari lid-dipartiment tagħhom
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm il-każ kien hemm matul l-2015, ta' impjegati tal-Gvern li baqgħu ma' ngħatawx risposti għad-domandi li huma għamlu lid-dipartiment li jaħdmu miegħu għal talbiet partikulari, li baqgħu mhux imwieġba u li mbagħad fil-fatt ħadu risposti mingħand il-PPS dwar it-talba tagħhom? Minn liema dipartimenti kienu t-talbiet li ġew approvati mill-PPS wara li d-dipartiment konċernat ma' ta l-ebda risposta għat-talbiet li kienu saru?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispjega aħjar il mistoqsija tiegħu.
Sid ta’ proprjetajiet – ħlas ta’ kontijiet pendenti
Question
Billi qed jirriżulta li meta sid ta' diversi proprjetajiet ikollu kontijiet pendenti mal-ARMS, l-Enemalta taqta' (tissospendi) l-provvista tal-elettriku fi proprjetajiet li jkunu tal-istess sid, li jistgħu wkoll ikunu mikrija lil terzi persuni li jkunu ħallsu kull ċenteżmu dovut għall-konsum fil-proprjetà fejn huma jkunu qed joqogħdu b'kera, jista' l-Prim Ministru jassigura li f'każi bħal dawn id-dawl fil-proprjetajiet fejn il-kontijiet ikunu mħallsa kif dovut, fil-fatt ma' jinqatgħux, għaliex minflok qed ibati s-sid tal-proprjetà, qed ikun l-inkwilin li ma jkollu l-ebda tort, li fil-fatt qed ibati l-konsegwenzi?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt infurmat li meta jkun hemm ammont mhux imħallas fuq kont partikolari, l-ewwel tinqata’ l-provvista tal-elettriku ta’ dan l-istess fond. Jekk jibqa’ ma jsirx il-ħlas dovut, is-servizz tal-elettriku ta’ propjetajiet oħrajn reġistrati fuq l-istess sid, jistgħu jiġu sospiżi minnufih, hekk kif għal snin sħaħ ilhom jipprovdu r-Regolamenti fuq il-Provvista tal-Elettriku.
Billi jirriżulta li mhux il-kunsilli lokali kollha, anzi jidher li huma biss madwar terz mill-kunsilli lokali li kienu ffirmaw il-Covenant of Mayors, li suppost jistabbilixxu miri ċari dwar l-emissjonijiet CO2, u billi dawn it-targets huma ferm importanti biex il-pajjiż jilħaq ukoll it-targets nazzjonali tiegħu sal-2020, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji, jekk dawn għadhom possibli li jittieħdu, biex il-kunsilli lokali kollha li ma ffirmawx il-Covenant of Mayors, fil-fatt ikollhom ċans li jiffirmawh, u naturalment jippruvaw jilħqu t-targets li hemm bżonn sal-2020?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra
Ħruq fid-djar residenzjali – mezzi ta’ alert dwar fire detection
Question
Billi minn żmien għal żmien qed jirriżultaw okkażżjonijiet pjuttost spissi fejn qed ikun hemm ħruq fid-djar residenzjali tagħna, u billi sal-lum mhux obbligatorju li fid-djar tagħna jkun hemm mezzi ta' alert dwar fire detection, jista' l-Ministru jikkunsidra l-possibbilità li permezz ta' xi skema mill-kunsilli lokali jkun hemm inizjattivi biex fid-djar tagħna jiġu stallati dawn il-mezzi ta' fire detectors, li naturalment iservu biex jiġu ffrankati ħafna spejjeż żejda u periklu għal dawk li jintlaqtu minn diżgrazzji bħal dawn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-ħaddiema tas-Sigurtà Soċjali li qegħdin fid-distretti, humiex mistennija li jiġu mitluba jattendu għal xi forma ta' interview, matul il-jiem li ġejjin, u dan minkejja li ma talbux għal xi promozzjoni jew biex isir xi tibdil fix-xogħol tagħhom? Jista' jagħti tagħrif dwar x'inhu l-iskop ta' dawn l-interviews, fejn se jsiru, min se jagħmilhom, u x'se jkun l-effett ta' dawn l-istess interviews? Minn fejn oriġinat it-talba li permezz tagħha dawn il-ħaddiema se jintalbu jagħmlu dawn l-interviews?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn l-intervisti huma effettivament parti minn eżerċizzju ta’ skills profiling tal-impjegati fid-distretti, bħala parti mill-istrateġija tal-Gvern biex ikompli jikkonsolida, jtejjeb u jqarreb is-servizzi li jingħataw mill-istess Gvern lejn iċ-ċittadin.
Billi waqt id-dibattitu dwar l-Awtorità tad-Djar ingħad li saret sejħa biex ikun hemm ingaġġ ta' periti, kif ukoll xogħol ta' taħmil fis-siti fejn se jsir il-bini ta' appartamenti mill-Awtorità tad-Djar, u dan meta skont risposti parlamentari li ngħatajt fl-4 ta' April kien għad lanqas biss saru l-bidliet neċessarji fil-pjanti li għalihom kien hemm diġà l-permessi neċessarji tal-MEPA (issa Awtorità tal-Ippjanar)? Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li skont dawk ir-risposti kienu diġà koperti bil-permessi, kif ukoll min kienu l-periti ta' dawn il-pjanti li kienu diġà approvati? Liema bidliet ġew approvati fil-pjanti li kienu approvati u dan biex jerġgħu jiġu sottomessi l-pjanti l-ġodda? Liema huma s-16-il sit li kellhom jiġu shortlisted, u kemm minn dawn is-siti kellhom il-pjanti tagħhom mibdula?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-eżerċizzju msemmi għadu għaddej. La darba dan l-eżerċizzju jkun iffinalizzat, l-Awtorita’ tad-Djar tkun f’pożizzjoni li tagħti l-informazzjoni rikjesta.
Billi waqt il-ħin tad-domandi parlamentari, b'risposta għall-mistoqsijiet supplimentari l-Ministru ta spjegazzjoni dwar x'inhi l-pożizzjoni preżentement, għal dak li jirrigwarda l-adozzjoni minn diversi pajjiżi, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' adozzjonijiet, kull sena, minn kull pajjiż, mill-2010 sal-lum? Kemm kien hemm subien, u kemm kien hemm bniet f'kull każ? F'liema każijiet kien hemm iktar minn tifel/tifla waħda li ġew addottati minn koppja waħda, matul dan l-istess perjodu? F'kull każ, li kien hemm iktar minn tifel/tifla waħda li ġew addottati mill-istess familja, jista' jagħti tagħrif dwar minn liema pajjiżi ġew addottati tali tfal? Jista' jagħti tagħrif dwar x'inhi l-pożizzjoni għal dak li jikkonċerna l-adozzjonijiet ta' tfal li jkunu twieldu f'Malta, kemm fil-każ li l-adozzjoni tkun ta' tfal imwielda lill-ġenituri Maltin, kif ukoll jekk it-tfal ikunu wlied ġenituri mhux Maltin? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' tfal Maltin li ġew addottati kull sena, mill-2010 sal-lum? Kemm kienu wlied ta’ ġenituri Maltin, u kemm kienu wlied ġenituri mhux Maltin?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.